Editorjal | Lowell u l-implikazzjoni ta’ vot lill-viżjoni tiegħu
'Il-filosofija ta’ Lowell hekk kif imnaqqxa fil-kotba tiegħu u fil-‘kredu’ hija ta’ inugwaljanza, “għax l-ugwaljanza mhix naturali”
Il-ġimgħa l-oħra tħabbret il-kandidtura ta’ Noman Lowell għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u magħha kien hemm numru mhux żgħir ta’ nies fuq il-midja soċjali u l-‘comment boards’ li ferħulu u wegħduh li se jagħtuh l-ewwel preferenza.
Issa f’dinja pluralista u f’sistema demokratika kulħadd għandu dritt jemmen u jħaddan liema twemmin irid u aħna mhux se jkollna l-wiċċ ngħidu lil ħaddieħor x’għandu jaħseb, jemmen u kif għandu jivvota.
Però tajjeb li nieqfu, naħsbu u nixtarru.
Vera dan il-pajjiż qatt ma kellu u lanqas għandu pjan biex l-infrastruttura tiegħu tilqa’ tant nies. Illum il-pajjiż sar “iffullat” aktar minn qatt qabel, anke jekk kif għidna ġimagħtejn ilu fuq dan l-editorjal il-barranin qed ikunu benefatturi kbar tal-ekonomija tagħna u pilastru ewlieni biex numru ta’ setturi jibqgħu jaħdmu. Huwa vera wkoll illi llum pajjiżna jilqa’ numru ta’ nazzjonalitajiet differenti, ftit minnhom Musulmani.
Tajjeb niftakru li din il-viżjoni mhix inkwetata dwar l-“iffullar” daqs kemm hi inkwetata bit-“taħlit”. Hija prattikament iċ-ċelebrazzjoni u l-elevazzjoni tar-razziżmu bħala n-norma
Is-soluzzjoni ta’ Lowell iżda mhix li nikkontrollaw il-fruntieri jew li nkunu iebsin ma’ dawk li qed jaħdmu jew saħansitra jgħixu hawn illegalment, kif wara kollox u sa ċerta punt qed isir bħalissa.
Is-soluzzjoni ta’ Lowell mhix il-‘burden sharing’ jew li l-flus u l-investiment u żgur mhijiex it-taħlit u l-multikulturaliżmu jew politika soċjali li tgħożż il-wens.
Le, il-viżjoni ta’ Lowell hija waħda ta’ superjorità razzjali, fejn l-abjad iħossu u jkun superjuri u aktar potenti mill-iswed u allura jista’ jgħajru, ikasbru, jiddemonizzah, jittrattah ta’ skjav u jabbuża minnu. U f’din il-viżjoni xejn ma jibqa’ sagru. L-ebda dritt, lanqas tal-ħajja, għax is-soċjetà tkun mibnija fuq din l-utopja faxxista fejn ta’ fuq huma kbar u ta’ taħt, għax suwed jew għax Musulmani jew Buddisti jew Ċiniżi, huma meqjusin bħala ħmieġ u inferjuri.
Il-filosofija ta’ Lowell hekk kif imnaqqxa fil-kotba tiegħu u fil-‘kredu’ hija ta’ inugwaljanza, “għax l-ugwaljanza mhix naturali”. Jgħid li “soċjetà bbażata fuq l-ugwaljanza tistaġna u taqa’, għax l-ugwaljanza hija kontra l-evoluzzjoni.”
Jinsisti li r-razza l-bajda hija aktar b’saħħitha u li r-razza s-sewda ma jixraqilha xejn jekk mhux tirannija u tmexxija tal-ħadid, jinsistu li l-Latin għandu jkun restawrat għall-glorja kollha tiegħu, isejjaħ lill-Iżrael ‘pajjiż psikotiku’, li Alla ma jeżistix u li xogħolna huwa li nippriservaw ir-razza l-bajda.
“L-ugwaljanza hija mit, jekk nitħalltu mal-iswed, tkun il-mewt tagħna,” isostni t-twemmin ta’ Lowell li jkompli jgħid illi l-viżjoni tiegħu hija l-ħolqien ta’ art li tkun tal-Ewropej biss u li kull min mhux ta’ razza Ewropea, ikollu jkun ripatrijat, hux miżżewweġ, għandux familja, għandux negozju. M’hemmx ħniena, hawnhekk “Ewropej” biss.
“Il-Kristjaneżmu huwa kontra l-ħajja,” jemmen filwaqt li jisħaq illi għandha tinħoloq kasta (klassi) ta’ reliġjon tal-elit għar-razza l-bajda li titmexxa minn nies b’super potenzi. Irid ħolqien ta’ aristokarzija ġdida u ta’ min infakkru illi aristokrazija tfisser xi ħadd hemm fuq li jiddetta lil xi ħadd hemm isfel.
Tħallu lil ħadd iċanfarkom għax tridu tipprotestaw bil-vot, imma meta tagħmlu hekk oqogħdu attenti
U tajjeb li naraw u niftakru u forsi nixtarru aktar x’jaħseb dwar il-persuni omosesswali, dwar dirttijiet lil persuni LGBTIQ u dwar in-nisa u l-irwol tal-mara fis-soċjetà.
Tajjeb nistaqsu dan u aktar. Għax filwaqt li fuq il-midja soċjali kien hemm bosta li kienu qed ifaħħru lil Lowell u jaħilfu li jtuh il-vot għax ‘xebgħu mill-partiti l-kbar’, vot lil Lowell huwa vot lil din il-viżjoni ta’ kasta ġdida u soċjetà mibnija fuq il-firda u fejn il-kunċett tal-inugwaljanza mhuwiex sempliċiment stat ta’ fatt, imma xi ħaġa li tkun iċċelebrata.
Tajjeb niftakru li din il-viżjoni mhix inkwetata dwar l-“iffullar” daqs kemm hi inkwetata bit-“taħlit”. Hija prattikament iċ-ċelebrazzjoni u l-elevazzjoni tar-razziżmu bħala n-norma.
Tajjeb illi meta ngergru għax naraw iswed jew għax hemm il-ħalal fis-supermarket niftakru illi l-għażla estrema hija l-esklussività. Tajjeb li meta nipprotestaw kontra l-Gvern jew l-oppożizzjoni, nagħmlu dan b’għaqal.
Tħallu lil ħadd iċanfarkom għax tridu tipprotestaw bil-vot, imma meta tagħmlu hekk oqogħdu attenti.
Tobżoqx fl-arja għax jiġi f’wiċċek!