Opinjoni | Mintoff dwar l-abort
Dun Anġ Seychell jikteb dwar il-Prim Ministru Duminku Mintoff u d-dikjarazzjonijiet tiegħu dwar l-abort
Għandi quddiemi L-ORIZZONT tat-22 ta’ Marzu 1980, iżjed minn 39 sena ilu. Fil-paġna ta’ quddiem jingħata importanza lid-diskors li ta Dom Mintoff fil-ftuħ tal-konferenza ġenerali tal-Għaqda Żgħażagħ Soċjalisti li nfetħet ġurnata qabel f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi. Dak iż-żmien Mintoff kien Prim Ministru u mexxej tal-Partit Laburista. Fl-istess paġna hemm ritratt ta’ Mintoff u b’ittri kbar hemm il-kelmiet ta’ Mintoff “Aħna ma ninkoraġġux l-abort”
Ir-rapport ta’ L-ORIZZONT jgħid hekk: Il-Prim Ministru l-Perit Dom Mintoff qal li l-aħjar soluzzjoni hija li fis-soċjetà jinħolqu ċirkostanzi biex hekk ma jkunx hawn bżonn tal-abort. Is-Sur Mintoff li kien qed jindirizza l-Konferenza Ġenerali Annwali tal-Għaqda Żgħażagħ Soċjalisti qal li l-Gvern Soċjalista mhux lest li jagħmel liġi biex jibgħat il-ħabs lil dawk in-nisa li jkunu għamlu abort. “Aħna ma ninkoraġġux l-abort imma se nitkellmu fuq dawn l-affarijiet biex jispiċċa d-diskors u min irid jgħid xi ħaġa jgħidha u mhux joqgħod jitfa’ ħafna botti”.
Ħadem kontra l-abort
“Is-Sur Mintoff spjega li kien il-Moviment tal-Ħaddiema li ħadem biex ħoloq sitwazzjoni kontra l-abort. Huwa qal meta l-Gvern qed jgħin lil dawk it-tfal li jkunu illeġittimi, qed jaħdem kontra l-abort għax hekk l-omm li tkun se jkollha tarbija illeġittima ma titħajjarx tagħmel abort għax taf li hemm min hu lest li jgħinha.
“L-istess meta l-Gvern qed jinkoraġġixxi lin-nisa joħorġu jaħdmu b’għemilu qed jaħdem kontra l-abort għax il-mara li jitlaqha r-raġel, jekk tkun qed taħdem tkun f’sitwazzjoni li tista’ żżomm it-tarbija, mhux titħajjar tagħmel abort, qal il-Prim Ministru.
“Aħna m’aħniex favur li l-mara tagħmel ħsara lilha nnifisha. Għax min jagħmel abort ma jkunx mar xi xalata. Imma mhux sewwa min jiġi u f’wiċċi jgħidli li lanqas huwa ma jaqbel li n-nisa li jagħmlu abort għandhom jinxteħtu l-ħabs, imbagħad minn wara jiġi jagħmel ħafna diskors. Dan qed ngħidu wkoll għax il-Moviment tal-Ħaddiema f’Malta għandu rekord ta’ onestà u rekord nadif u bla ipokresija” qal is-Sur Mintoff filwaqt li ssokta jgħid li dawk li qed jagħmlu ħafna kliem fuq l-abort kienu l-istess nies li kienu kontra li n-nisa jingħataw id-drittijiet tagħhom.
Mintoff u ż-żgħażagħ
Fil-bidu tad-diskors tiegħu, il-mexxej tan-nazzjon qal li kull darba li huwa kellu x-xorti li jkellem liż-żgħażagħ Soċjalisti dejjem ipprova li jsemmi minn dak li jaf li jservi għat-tul mhux għal ġurnata waħda, għal sena waħda jew elezzjoni waħda, imma jekk jista’ jkun għal tul ta’ ħajja ta’ bniedem.
“Dan għax issa ż-żagħżugħ għad għandu ħajtu kollha quddiemu, għadu jibni l-pedamenti tiegħu u jrid li dawn il-pedamenti jservuh għat-tul.” Għalhekk fid-diskors tiegħu huwa beda jitkellem dwar affarijiet fundamentali, dawk tal-pedament. Hu qal li din il-kelma tfisser belt – fejn il-bnedmin ma jgħixux bħal fil-kampanja mbegħdin minn xulxin iżda jgħixu ħdejn xulxin flimkien u jridu jitgħallmu kif flimkien itejbu ħajjithom. Iċ-ċiviltà tfisser li mhux biss jinqata’ mill-ħajja li jgħixu l-annimali għax aħna nixtiequ li nkunu bħall-anġli, iżda kull wieħed minna jaf li nofsna anġli u nofsna annimali.
Għalhekk il-bnedmin fiċ-ċiviltà jitbiegħdu mill-ħajja tal-annimali u jibdew joħolqu bejniethom ħajja oħra li hi ’l bogħod ħafna minn dik ta’ annimal feroċi li biex jgħix irid jiekol annimal ieħor.
Kristu u Karl Marx
Meta l-bniedem, jiċċivilizza ruħu jitlaq mill-ħajja ta’ selvaġġ u jibda jitgħallem kif jgħix ma’ bnedmin oħra. Ċiviltà għalhekk tfisser kif il-bnedmin wara eluf ta’snin tgħallmu jgħixu flimkien, jgħinu lil xulxin. Niftakar f’okkażjoni oħra Mintoff kien kellem liż-żgħażagħ Soċjalisti fuq Kristu u Karl Marx. Dakinhar kien qalilhom li l-Moviment tal-Ħaddiema għandu mit-tnejn, kemm minn Kristu u kemm minn Karl Marx, imma iżjed għandu minn Kristu milli minn Karl Marx!