Opinjoni | 12-il minuta pjaċir
Ġejna infurmati li l-infieq massiċċ fl-infrastruttura tat-toroq ser iwassal biex ikollna 12-il minuta iktar fil-ġimgħa miżjuda mal-ħin liberu tagħna, ħin li llum hu mitluf
F’waħda mill-ħrejjef minsuġa mill-konsulenti tal-Gvern, ġejna infurmati li l-infieq massiċċ fl-infrastruttura tat-toroq ser iwassal biex ikollna 12-il minuta iktar fil-ġimgħa miżjuda mal-ħin liberu tagħna, ħin li llum hu mitluf.
Din iż-żieda fil-ħin liberu tagħna, qalulna, ser tkun possibbli għax ser neħlu inqas fit-traffiku. Sa fejn naf jien, dak li ntqal eżatt f’din il-ħrafa għad mhuwiex ippubblikat.
Nafu bl-eżistenza tagħha permezz ta’ waħda mill-attivitajiet pubbliċi tal-Onorevoli Ministru tat-Trasport Ian Borg!
Xi snin ilu, kien ippubblikat studju serju, intitolat The External Costs of Passenger and Commercial Vehicles use in Malta. Dan kien ippubblikat mill-Istitut dwar il-Bidla fil-Klima u l-Iżvilupp Sostenibbli fl-Università ta’ Malta. F’dan l-istudju, iffinanzjat mill-Unjoni Ewropeja, kien ġie stmat li l-ħin li jintilef fil-konġestjoni tat-traffiku f’Malta minn kull persuna li ssuq jammonta għal madwar 52 siegħa fis-sena, u ċioè madwar 60 minuta fil-ġimgħa.
Billi dan l-istudju kien ippubblikat erba’ snin ilu, fl-2015, probabbilment li s-sitwazzjoni llum hi xi ftit agħar minn hekk ukoll. Imma anke minn din iċ-ċifra ta’ 60 minuta fil-ġimgħa, diġà jidher li l-konsulenti tal-Gvern għadhom ftit lura: għax għad baqa’ 80% tal-ħin mitluf fil-konġestjoni tat-traffiku li għadhom lanqas biss xammewh.
Il-konġestjoni tat-traffiku hi riżultat tad-dipendenza akuta tagħna lkoll fuq il-karozzi...Sfortunatament hu propju dan li l-Gvern u l-aġenziji tiegħu qed jagħmlu ħilithom kollha biex jevitaw illi jindirizzaw
Il-problema bażika li għandu l-Gvern bil-politika tat-trasport tiegħu hi li l-miżuri u l-inizjattivi li qed jieħu biex jindirizza l-konġestjoni tat-traffiku huma indirizzati lejn l-effetti li jirriżultaw mill-użu tat-toroq. Mhux qed ikun indirizzat b’mod adegwat dak li qed jikkawża din il-konġestjoni. Jekk inħarsu fit-tul, li jitwessgħu t-toroq, inkella li tkun żviluppata l-infrastruttura tat-toroq biex dawn jifilħu iktar karozzi qatt mhu ser jagħti riżultati sodisfaċenti. Is-sitwazzjoni inevitabbilment taqleb għall-agħar, għax nispiċċaw nipposponu l-problemi għal iktar tard, meta mbagħad ikunu ferm agħar.
Miżuri li jimmiraw għal riżultati immedjati biex tiżdied l-effiċjenza tat-toroq jistgħu jagħtu riżultati kemm-il darba jintrabtu ma’ miżuri bl-iskop li jnaqqsu l-karozzi mit-toroq tagħna.
Ikun f’loku li nħarsu mill-ġdid lejn l-Istrateġija Nazzjonali tat-Trasport lI twassal sal-2025: din identifikat li madwar 50% tal-vjaġġi b’karozzi privati jieħdu inqas minn kwarta. Dan ifisser li l-inizjattivi tal-politika tat-trasport għandhom ikunu ffukati lejn il-movimenti tat-traffiku lokali u reġjonali. Ħidma ffukata f’din id-direzzjoni, bla dubju, tagħti riżultati fi żmien raġonevoli.
Il-konġestjoni tat-traffiku hi riżultat tad-dipendenza akuta tagħna lkoll fuq il-karozzi. Hija din id-dipendenza li għandha tkun indirizzata bla iktar dewmien. Sfortunatament hu propju dan li l-Gvern u l-aġenziji tiegħu qed jagħmlu ħilithom kollha biex jevitaw illi jindirizzaw.
Biex inkun ġust fil-kritika tiegħi għandi ngħid ukoll li ġew introdotti diversi miżuri biex iħeġġu lil min jagħmel użu minn mezzi alternattivi ta’ trasport. Dawn jinkludu aċċess bla ħlas għat-trasport pubbliku għal diversi kategoriji kif ukoll miżuri biex ikun inkoraġġit l-użu tar-rota. L-enfasi fuq l-użu tat-trasport bil-baħar fil-portijiet huwa wkoll ta’ benefiċċju u dan billi mhux biss hu mezz effiċjenti ta’ mobilità imma għandu l-kosegwenza diretta li jnaqqas il-karozzi mit-toroq tagħna.
Miżuri biex ikun indirizzat it-trasport tal-iskejjel kienu wkoll inizjattiva oħra importanti. Fil-ħidma tal-Gvern hemm nuqqas wieħed importanti li jagħmel id-differenza kollha: il-Gvern għażel inċentivi biex iħajjar lil min jibdel l-imġiba tiegħu. Jonqos li jieħu miżuri fil-konfront ta’ dawk li jibqgħu jużaw il-karozzi privati meta hu għaqli li dan m’għandux isir. Dan qed isir għal raġuni ovvja: biex ikunu evitati konsegwenzi politiċi tal-miżuri iebsa li huma meħtiega.
Għandhom ikunu użati b’mod estensiv miżuri fiskali biex jonqsu l-karozzi mit-toroq kemm b’mod permanenti kif ukoll f’ħinijiet speċifiċi.
Fost il-miżuri li jistgħu jkunu użati hemm il-congestion charge li hi użata f’bosta pajjiżi. Din tinvolvi ħlas skont kemm iddum f’żoni li jkun fihom ħafna traffiku, intenzjonata biex ħadd ma jdum iktar milli għandu bżonn f’dawn iż-żoni, kif ukoll biex min jista’ jevitahom jagħmel hekk ukoll.
Għandhom ikunu użati b’mod estensiv miżuri fiskali biex jonqsu l-karozzi mit-toroq kemm b’mod permanenti kif ukoll f’ħinijiet speċifiċi
Sfortunatament, din il-congestion charge li xi snin ilu kienet applikata l-Belt Valletta ġiet limitata fil-mod kif kienet qed tiġi applikata b’mod li naqqset l-effettività tagħha. Jekk l-applikabilità ta’ din il-congestion charge tkun imsaħħa u estiża lil hinn mill-Belt Valletta l-impatt tagħha biex tkun indirizzata l-konġestjoni tat-traffiku fiż-żoni urbani ewlenin f’kull ħin tal-ġurnata tista’ tkun waħda sostanzjali.
Gradwalment miżura bħal din twassal għal tnaqqis permanenti ta’ karozzi mit-toroq tagħna flimkien ma’ żieda sostanzjali kemm fl-użu tat-trasport pubbliku kif ukoll fl-użu ta’ mezzi alternattivi ta’ mobilità sostenibbli.
Politika tat-trasport iffukata biex tindirizza bis-serjetà dak li qed jikkawża l-konġestjoni tat-traffiku, bla ebda dubju, tagħtina ferm iktar minn 12-il minuta żieda fil-ħin liberu tagħna.
Dejjem, imma, jekk tindirizza l-kawża reali: id-dipendenza tagħna fuq il-karozzi. Sakemm dan iseħħ ser nibqgħu nisimgħu iktar ħrejjef minsuġa mill-konsulenti tal-Ministru Ian Borg.
Carmel Cacopardo huwa Chairman tal-Alternattiva Demokratika