Opinjoni | L-Ewropa u l-immigrazzjoni
Naħseb li kulħadd ħass li għall-kriżi tal-immigrazzjoni, l-aqwa risposta kellha tkun waħda komuni, li tittieħed fuq bażi Ewropea
Matul l-aħħar ħames snin, il-kwistjoni tal-immigrazzjoni lejn l-Ewropa tqanqlet bħala waħda fejn l-Unjoni Ewropea ħteġilha tfassal malajr kemm jista’ jkun, politika sħiħa li torbot lil kulħadd. Kellha tkun politika li tagħmel sens għall-popli Ewropej.
Mijiet ta’ eluf, miljuni ta’ rġiel u nisa kienu resqu lejn l-Ewropa biex jiġu jgħixu fiha.
Huma ġew bħala refuġjati mill-gwerer u t-taqlib tal-Lvant Nofsani, għalkemm uħud minnhom kienu qed ifittxu l-opportunitajiet li emmnu li se jsibu fl-Ewropa. Ġew mill-pajjiżi Afrikani tat-Tramuntana u dawk li jinsabu taħt is-Saħara biex ifittxu x-xogħol – għalkemm uħud minnhom kienu wkoll refuġjati minn gwerer kiefra u atti qawwija ta’ terroriżmu fl-Afrika Ċentrali u tal-Lvant. Ġew biex ifittxu x-xogħol mill-pajjiżi tal-Lvant Imbiegħed, bħall-Pakistan.
Bla politika komuni
Il-biċċa għaqdet fis-sajf tas-sena 2015 meta kważi miljun refuġjat resqu lejn l-Ewropa mis-Sirja u l-Irak. Il-kanċellier Merkel fetħitilhom il-fruntieri ta’ pajjiżha. Dan malajr qajjem diżgwid kbir bejn pajjiżha u pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li ma ridux idaħħlu immigranti jew refuġjati. Qam ukoll f’pajjiżi Ewropej oħra li allarmaw ruħhom bil-wasla ta’ dawn in-nies kollha “ġodda”. Dwejjaq kbar inqala’ bejn il-Ġermaniżi nfushom hekk kif żdiedu l-kontroversji dwar x’għandhom jagħmlu bl-immigranti li daħlu, imħallta ma’ kritika qawwija tat-tmexxija ta’ Merkel.
Sa dak iż-żmien, ftit kien hemm arranġamenti komuni bejn l-Ewropej dwar l-immigrazzjoni lejhom. L-aktar miżura ċara kienet ftehim li ġie ffirmat f’Dublin, l-Irlanda, fejn intlaħaq qbil dwar kif għandhom jiġu aċċettati r-refuġjati. Il-miżura ewlenija f’dal-ftehim kienet li refuġjati jew immigranti li jiddaħħlu fl-Unjoni Ewropea kellhom jinżammu fl-ewwel pajjiż fejn ikunu daħlu u ma jitħallewx imorru fil-bqija tal-Unjoni Ewropea.
Hekk kif il-mewġa ta’ immigranti tal-aħħar ħames snin laqtet lill-Ewropa, din id-deċiżjoni kellha impatt kbir fuq diversi pajjiżi frontaljeri... bħall-Greċja, l-Italja, għal xi żmien Malta, wara Spanja. Il-wasla ta’ dawn l-immigranti kollha ħolqot pressjoni qawwija fuq il-mezzi tal-pajjiżi kkonċernati biex ikunu jistgħu jilqgħuhom, jitimgħuhom u jalloġġjawhom. Il-pajjiżi tal-Balkani, uħud minnhom fl-Unjoni Ewropea, oħrajn barra, beżgħu li se jkollhom jaffaċċjaw l-istess diffikultajiet u ħadu miżuri biex iżommu l-immigranti milli jidħlu għandhom. Aktar u aktar għamlu hekk għax bil-ftehim ta’ Dublin jekk idaħħlu immigranti, se jkollhom jibqgħu jsostnuhom huma – u ma ridux jagħmlu hekk.
Naħseb li kulħadd ħass li għall-kriżi tal-immigrazzjoni, l-aqwa risposta kellha tkun waħda komuni, li tittieħed fuq bażi Ewropea. Kulħadd kellu jkun involut f’politika Ewropea li tagħti qies lill-problemi u l-mezzi nazzjonali ta’ kulħadd. Dil-ħaġa ma ġratx. Sal-lum, ma teżistix politika Ewropea serja dwar l-immigrazzjoni... minkejja li saru ħafna diskorsi, u nħarġu ħafna flus, u nkitbu ħafna stqarrijiet dwar il-ħtieġa għaliha. Għaliex?
Għażliet diffiċli ħafna
L-ewwel nett, jidher li l-Ewropa nqabdet f’nofs triq bejn żewġ għażliet diffiċli ħafna. Kellha tagħti l-aqwa importanza lill-valuri umanitarji li bihom għandu jingħata ħarsien li kull min safa bla rifuġju, lil kull min jistqarr li qed jiġi ppersegwitat? Hekk saħqet li kellu jsir, il-kanċellier Merkel biex tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-fruntieri ta’ pajjiżha.
Jew l-Ewropa kellha tisħaq fuq il-ħtieġa li qabel kollox, messha tindokra l-interessi taċ-ċittadini tagħha? Dawn riedu jew ma ridux li “wisq” stranġieri jgħixu fosthom u ma ridux iħallsu l-ispejjeż “żejda” li kienu se jinqalgħu?
Il-biża’ hu – li bħalma ġara bil-Brexit – tqum ċaħda popolari għaċ-ċaqliq ħieles fl-Unjoni Ewropea. Anke fuq hekk hemm firda bejn il-Lvant u l-Punent: tat-tieni jqisu li m’għandhonx jippermettu li ħaddiema mil-Lvant jiġu impjegati fil-Punent
Iż-żewġ forzi jiġbdu kontra xulxin – bejn min isostni l-importanza tal-valuri umanitarji u min irid li l-affarijiet isiru skont il-bżonnijiet tas-soċjetajiet Ewropej. Minn naħa, l-Ewropa ma tistax tiċħad il-valuri li huma tagħha u li wirtet mill-Kristjaneżmu u mis-Seklu tad-Dawl. Huma valuri mibnija fuq id-drittijiet fondamentali tal-bniedem u favur is-solidarjetà ma’ min jinsab maħqur. Min-naħa l-oħra, l-Ewropa lanqas ma tista’ twarrab il-biżgħat taċ-ċittadini tagħha li mhumiex iħossuhom komdi jilqgħu wisq barranin fosthom. Trid toqgħod b’seba’ għajnejn li dan ma jwassalx għal xi mewġa ta’ populiżmu estrem.
It-tieni problema ġejja mill-firda bejn l-Lvant u l-Punent tal-Ewropa li baqgħet tiżviluppa fl-aħħar snin. Fil-bidu ta’ dan il-millenju, id-dħul tal-pajjiżi tal-lvant fl-Unjoni Ewropea seħħ minkejja li baqa’ distakk kbir bejn il-livelli ta’ għajxien fil-punent u fil-lvant tal-Ewropa. Is-sħubija fl-Unjoni Ewropea tal-pajjiżi tal-Lvant, waħdu, ma kienx se jsolvi l-problema ta’ kif dad-distakk se jitnaqqas. Fil-fatt, bis-sħubija ma tnaqqasx. Hawn min jgħid li d-distakk kiber.
Seħħ ċaqliq ta’ popolazzjonjiet mil-Lvant lejn il-Punent. Dan sar bla problema ta’ xejn skont ir-regoli tal-Unjoni Ewropea li jippermettu liċ-ċittadini tal-pajjiżi kollha membri li jmorru jgħixu bla xkiel f’kull naħa tal-Unjoni. Għandhom ħelsien sħiħ li jfittxu impjieg kull fejn imorru fl-Ewropa. Hekk għamlu numru sostanzjali ta’ ċittadini tal-pajjiżi tal-Lvant.
Imma tgħidx issa lill-gvernijiet tal-Lvant biex jaċċettaw ċittadini ġodda minn barra. B’xejn ma jridu jagħmlu dil-ħaġa. Huma gvernijiet hekk imsejħa “populisti”, “Nazzjonalisti”... imma f’pajjiżhom, mhumiex vuċi fid-deżert. Bil-maqlub. Maġġoranza kbira ta’ ċittadini tagħhom x’aktarx jaqblu mija fil-mija ma’ dak li qed jgħidu l-gvernijiet.
Bejn il-Lvant u l-Punent
Fl-istess ħin, minoranza dejjem akbar ta’ ċittadini fil-pajjiżi tal-punent tal-Ewropa donnhom qed jgħidu l-istess. Aktar u aktar għax fosthom żdied l-inkwiet dwar l-immigrazzjoni li dieħla mill-istess Unjoni Ewropea. Fil-prinċipju, din m’għandhiex toħloq inkwiet, għax hi permessa mill-istess trattati tal-Unjoni u l-biċċa titqies bħala waħda mill-pilastri tal-binja Ewropea.
Il-biża’ hu – li bħalma ġara bil-Brexit – tqum ċaħda popolari għaċ-ċaqliq ħieles fl-Unjoni Ewropea. Anke fuq hekk hemm firda bejn il-Lvant u l-Punent: tat-tieni jqisu li m’għandhonx jippermettu li ħaddiema mil-Lvant jiġu impjegati fil-Punent bil-kundizzjonijiet li jreġu fil-Lvant. Dan se jfisser li l-ħaddiema tal-Punent jew jispiċċaw bla xogħol, jew li se jkollhom jaċċettaw kondizzjonijiet ta’ ħidma ħafna agħar milli mdorrija bihom?
Id-dilemmi Ewropej dwar l-immigrazzjoni għadhom magħna. Se jibqgħu magħna fil-ħames snin li ġejjin. Se jaffettwaw lil Malta bil-kbir. Irridu niżguraw li tassew quddiem l-isfida kollha, jitħaddmu l-valuri li aħna l-Maltin nemmnu fihom. U fl-istess ħin, irridu niżguraw li l-interessi nazzjonali tagħna u tal-ħaddiema tagħna, jiġu mħarsa b’dehen u b’realiżmu skont min aħna u skont fejn ninsabu.