Editorjal | L-ewwel ‘tiri’ tal-kampanja elettorali

Il-muntanja hija iebsa u t-telgħa hija wieqfa għall-Partit Nazzjonalista, imma fil-politika xejn mhu impossibbli u anke jumejn twal...

Għaddiet l-ewwel ġimmgħa...
Għaddiet l-ewwel ġimmgħa...

Issa għaddiet l-ewwel ġimgħa tal-kampanja elettorali għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, bil-PN iħabbar il-bidu tagħha nhar it-Tnejn u l-Partit Laburista, għalkemm diġà beda jorganizza numru ta’ attivitajiet, uffiċjalment beda llum.

Nibdew bil-kampanja Laburista. Il-Partit Laburista jidher li se jmexxi kampanja simili ħafna għall-2013 u l-2017 u għaliex le? Strateġija rebbieħa ma tbiddilhiex. Li huwa differenti issa minn dawn iż-żewġ elezzjonijiet hija li forsi issa aktar minn qatt qabel l-ilmenti u t-tgergir huma aktar palpabbli, iktar tismagħhom illum, milli kont sa erba’/ħames snin ilu.

Tgergir dwar it-traffiku, tgergir u wġigħ serju dwar akkomodazzjoni soċjali, dwar persuni li Joseph Bartolo tal-Alleanza kontra l-Faqar qal li huma eluf, li qed iġebbdu l-paga kemm jifilħu biex forsi jkunu jistgħu jgħixu minħabba l-kirjiet eżorbitanti. Tgergir, issa bl-ammissjoni tal-PM Joseph Muscat stess, dwar il-ħmieġ li hawn kawżi kullimkien imma speċjalment f’ċerti żoni turistiċi bħal Buġibba, li qed tibda tagħti dehra ħażina ħafna ta’ pajjiżna.

Tgergir kbir, anke jekk ma nħossux li huwa dejjem iġġustifikat, dwar il-barrani u l-impatt li tkabbir qawwi fil-popolazzjoni qed ikollu fuq l-infrastruttura u fuq il-pagi. Tgergir mill-kaċċaturi għax ma jistgħux jisparaw fuq il-gamiem u tgergir fuq l-ambjent għax hawn perċezzjoni li qatt daqs illum ma kien daqstant taħt attakk.

L-aqwa saħħa tal-PL hija li matul din il-ġimgħa, anke qabel uffiċjalment bdiet il-kampanja, il-PL diġà qed jiġġieled din il-kampanja daqs li kieku qiegħed minn taħt

Minkejja dan kollu, il-PN qed jagħmel żball kbir jekk qed jaħseb li bħalissa s-soluzzjoni awtomatika għat-tgergir hija vot lilu. Il-PM Joseph Muscat f’dawn l-aħħar sitt snin bena immaġini ta’ Partit Laburista li huwa l-aħjar soluzzjoni għall-inkwiet u problemi tal-pajjiż u s-snin li kważi kont tiddejjaq tgħid li Laburist mhux għaddew u intesew, imma qishom qatt m’eżistew.

Huwa dan li, parzjalment, qed iwassal biex it-tgergir ma jirriżultax f’wisq telf ta’ voti u ftit biss ‘switchers’ lejn il-PN. Ħafna jemmnu li minkejja kollox; minkejja t-tgergir, iġġustifikat jew le, minkejja li kien hemm min forsi bill saba’ jew tnejn fil-fonti, il-Partit Laburista jibqa’ l-aqwa soluzzjoni għall-probemi tal-pajjiż bħalissa.

Minkejja dan, huwa importanti li l-Partit Laburista ma jħossux kunfidenti wisq u allura jsir arroganti. Irid joqgħod attent biex ma jintilifx fin-numri u jinsa lin-nies. Sabiħ u huwa suċċess li qed nagħmlu surplus, imma hawn nies li mhux qed iħossuh dan. U anke jekk il-Gvern qed jibgħat iċ-ċekkijiet, importanti li qatt ma jagħti l-impressjoni li dawn qishom xi karrotta jew karità, biex tagħlaq ħalqek.  

L-aqwa saħħa tal-PL hija li matul din il-ġimgħa, anke qabel uffiċjalment bdiet il-kampanja, il-PL diġà qed jiġġieled din il-kampanja daqs li kieku qiegħed minn taħt, li assolutament mhux il-każ.

Il-PN min-naħa l-oħra beda b’messaġġi tajbin u li jolqtu lin-nies, bħall-għoli tal-ħajja u l-pensjonanti. Ħasra li t-traskuraġni wasslet biex l-attenzjoni kienet iddevjata.

Il-problemi tal-PN jibqgħu tlieta. L-ewwel, il-ħafna Nazzjonalisti li għadhom qed jgħidu li mhux se jivvutaw u li fil-fatt kontinwament ma vvutawx f’elezzjonijiet ta’ Kunsilli/MEPs. It-tieni problema hija li l-PN mhux qed jidher li qed joffri l-alternattivi għall-Partit Laburista għax qed jidher wisq viċin il-PL fuq kwistjonijiet kardinali. Anke jekk mhux, hekk qed jinħass u din il-PN irid jiġġilidha. Però l-ikbar raġuni hija l-ġlied intern li ħakem lill-PN matul l-ewwel sena u nofs tat-tmexxija ta’ Adrian Delia, ġlied li qaleb għall-agħar meta Delia għamel l-akbar żball u l-agħar kalkolu politiku u malajr malajr, ipprova jkeċċi lil Simon Busuttil. Anke jekk seta’ kellu raġun, il-mod kif għamilha wera nuqqas ta’ esperjenza u nuqqas ta’ ħażen politiku.

Se jirbaħ il-PN f’Mejju? Iċ-ċans huwa remot, però għandu ċans, jekk irid jibda t-triq tal-fejqan

Il-muntanja hija iebsa u t-telgħa hija wieqfa għall-Partit Nazzjonalista, imma fil-politika xejn mhu impossibbli u anke jumejn twal, aħseb u ara tliet ġimgħat. Se jirbaħ il-PN f’Mejju? Iċ-ċans huwa remot, però għandu ċans, jekk irid jibda t-triq tal-fejqan.

Jista’ jagħmel dan billi t-tmexxija tal-partit tieqaf tissuppervja u tiltaqa’, jekk hemm bżonn individwalment, ma’ kull Nazzjonalist li ma jridx jaf bil-partit, diffiċli kemm se tkun diffiċli.

Sfortunatament iżda l-PN qed jippreferi jtella’ memes ta' billboards biex jgħidilna li “mifqugħin bil-barranin” u fil-proċess jidher illi qed jieħu t-triq il-qasira għas-suċċess (li probabbilment xorta mhux se jiġi) b’messaġġi xenofobiċi, populisti u li kienu jużaw mexxejja internazzjonali li meta telgħu fil-poter indunaw li bejn il-kliem u l-fatti hemm baħar jikkumbatti.

Din il-ġimgħa naraw liż-żewġ mexxejja jiddibattu għall-ewwel darba, fuq Xtra nhar il-Ħamis li ġej. Okkażjoni biex inqabblu bejn it-tnejn u dak li għandhom x’joffru, it-tattika u l-ħsieb taż-żewġ mexxejja.

More in Blogs