Il-partiti ż-żgħar: il-prezz ta’ vot maqsum huwa qares!
Issa kien iż-żmien li l-partiti ż-żgħar li jħarsu lejn iċ-ċentru xellug/lemin jieħdu post fin-nofs biex jattiraw kemm jistgħu votanti
Ftit żmien ilu dan l-editorjal kien qal illi dan huwa, aktar minn qatt qabel, iż-żmien propizju biex il-partiti ż-żgħar jorganizzaw ruħhom waħda sew u jieħdu vantaġġ mill-fatt illi bħalissa pajjiżna qed jesperjenza numru kbir ta’ votanti Nazzjonalisti, Laburisti u speċjalment switchers, diżillużi. Dan huwa ż-żmien meta ħafna qed jaċċettaw li t-tnejn l-istess u meta l-għejja elettorali qed tidher fil-fatt illi m’hawnx interess qawwi wisq f’din l-elezzjoni.
Issa kien iż-żmien li l-partiti ż-żgħar li jħarsu lejn iċ-ċentru xellug/lemin jieħdu post fin-nofs biex jattiraw kemm jistgħu votanti.
Sfortunatament dan mhux iseħħ u l-partiti ż-żgħar bdew il-ġirja lejn l-elezzjoni bi żbalji, dehriet fuq it-televiżjoni li ma kienu xejn inqas minn diżastru assolut u nuqqas ta’ ħeġġa. Dan jagħti l-impressjoni li ħafna mill-partiti ż-żgħar li mhumiex il-lemin estrem mhux qed jieħdu l-affarijiet bis-serjetà.
L-iżball tal-Partit Demokratiku illi kiteb lill-Viċi Kap tiegħu bħala kandidat indipendenti spiċċat is-suġġett ta’ ħafna żufjett u bir-raġun. Dan it-tip ta’ żball lanqas qatt ma ġara fl-istorja politika riċenti. Wieħed jista’ jaċċetta li dan kien żball ġenwin, imma dawn it-tip ta’ żbalji sempliċiment ma jistgħux isiru. Jagħtu impressjoni ta’ nuqqas ta’ serjetà u nuqqas ta’ professjonalità.
Il-partiti ż-żgħar bdew il-ġirja lejn l-elezzjoni bi żbalji, dehriet fuq it-televiżjoni li ma kienu xejn inqas minn diżastru assolut u nuqqas ta’ ħeġġa
It-tieni; il-partiti ż-żgħar, li wħud minnhom jaħdmu għall-istess għan u għandhom l-istess twemmin jibqgħu jagħżlu li jinfirdu u fil-proċess jaqsmu l-vot ta’ dawk li xebgħu mill-partiti l-kbar. Elf dejjem aħjar minn 500, imma sforz il-ebusija tar-ras, il-partiti ż-żgħar flimkien ma’ xi kandidati indipendenti jibqgħu jinsistu li jaqsmu l-vot. Fil-verità l-vot ta’ protesta kontra s-sistema PN/PL imma li mhux lest jivvota lill-Imperium Europa jinsab maqsum bejn l-Alternattiva Demokratika, il-Partit Demokratiku, Alleanza Bidla (li lanqas aħna ċerti jeżistux), Stephen Florian u Arnold Cassola. Dan ifisser illi dik l-1,000 mhux 500 u 500 se ssir imma se terġa’ tinqasam f’200 u 300 u allura terġa’ tkompli tkisser is-saħħa tal-kotra.
Huwa propju dan, l-inabbilità irritanti li l-partiti ż-żgħar jingħaqdu u jsibu bażi għall-qbil fuq suġġetti kardinali bħall-ekonomija, il-politika soċjali, il-barranin u l-governanza, fost oħrajn, li qed iwassal biex it-tielet vuċi jibqa’ jintilef, jinqasam u jsir irrelevanti.
Diżgwid u nuqqas ta’ qbil dejjem se jkun hemm imma li partit li huwa magħmul minn ftit nies biss fi-tmexxija ma jirenxxilux isib kompromess mal-aqwa kandidat tiegħu, juri jew nuqqas ta’ rieda, jew nuqqas ta’ għerf politiku. Possibbli l-AD ma setgħet tagħmel xejn, biex ma titlifx lil Arnold Cassola mill-partit? Possibbli ma setax instab kompromess f’ġieħ is-sewwa u f’ġieħ l-importanza tal-għaqda?
Ikun ta’ xejn li l-partiti ż-żgħar igergru dwar riżorsa, flus u spazju fuq it-TV għax jekk mhux se jingħaqdu l-art se jibqgħu elezzjoni wara elezzjoni wara elezzjoni.
L-isfortuna hija li kuntrarjament għall-AD, PD, Florian u Cassola l-lemin estrem jinsab magħqud wara mexxej wieħed b’għajta waħda razzista, xenofobika, bla kuxjenza soċjali u reviżjonista!
Din il-gazzetta kienet l-ewwel mezz tax-xandir f’Malta f’din il-kampanja elettorali li wissiet dwar voti lil Norman Lowell. Iżda l-argumenti u t-twissijiet fuq editorjal jew fuq xi status fuq Facebook li forsi jeħodlok ħames minuti biex tiktbu, mhux biżżejjed.
U għax l-għaqda u s-sens komun ma rrenjax, il-partiti li qed insemmu hawn qegħdin f’riskju serju li jaqilgħu tkaxkira minn kandidat li qalilna illi Auschwitz hija fantasija, gidba u Disneyland
Ikun biss meta ċ-ċentru u ċ-ċentru xellug u lemin li jingħaqdu f’għan wieħed li jistgħu jagħmlu differenza. Meta jindunaw li waħedhom se jkun kważi impossibbli li jagħmlu ħoss u differenza, meta fl-għaqda juru s-saħħa u jagħtu t-tama lil dawk l-eluf li xebgħu mill-korruzzjoni, qerda tal-ambjent, nepotiżmu, rgħiba, ħabi u inkonsistenzi taż-żewġ partiti.
Sfortunatament, għax ma ngħaqdux, dik tal-25 ta’ Mejju mhux se tkun dik l-elezzjoni li fiha l-AD, il-PD u l-indipendenti moderati jagħmlu differenza. Issa tard wisq!
U għax l-għaqda u s-sens komun ma rrenjax, il-partiti li qed insemmu hawn qegħdin f’riskju serju li jaqilgħu tkaxkira minn kandidat li qalilna illi Auschwitz hija fantasija, gidba u Disneyland! Daqsekk serju l-fatt li min seta’ ġġilidlu lil Lowell (għal voti ta’ protesta) ipprefera l-interessi stretti tiegħu nnifsu.