Opinjoni | L-Istorja ta’ Malta fl-Ewropa
Minkejja tfixkil mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista, il-Presidenza Maltija kienet waħda ta’ suċċess u biha Malta kisbet viżibbilità importanti fuq il-palk Ewropew
Ir-relazzjoni ta’ Malta mal-Unjoni Ewropea ma bdietx bil-kwistjoni tas-sħubija li seħħet 15-il sena ilu. L-idea li Malta għandu jkollha forma ta’ relazzjoni mal-komunità Ewropea kienet issuġġerita għall-ewwel darba fl-1958 minn Dom Mintoff f’ittra lil Lennox Boyd, li kien imexxi d-delegazzjoni Laburista Ingliża f’konferenza kostituzzjonali dwar l-indipendenza ta’ Malta.
Fis-snin 60, Ġorġ Borġ Olivier kien esprima ruħu favur l-idea li Malta titfa’ l-ankri tagħha fil-komunità Ewropea. Fl-1970 sar ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn Malta u l-Unjoni Ewropea li kien immirat li jgħin lil Malta tiddiversifika u ssaħħaħ l-ekonomija tagħha anke bil-ħsieb li eventwalment isseħħ l-għaqda doganali.
F’nofs is-snin 70, l-amministrazzjoni Laburista ta’ Dom Mintoff wessgħat dan il-ftehim mal-komunità Ewropea permezz ta’ sitt protokolli oħra. Malta talbet relazzjoni speċjali mal-komunità filwaqt li l-ekonomija ta’ Malta bdiet tissaħħaħ permezz ta’ investiment barrani primarjament mill-Ġermanja u mill-Italja.
Ir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Unjoni Ewropea ħadu żvolta ġdida fl-1987, għalkemm l-amministrazzjoni Nazzjonalista damet tliet snin sakemm formalment ressqet applikazzjoni għas-sħubija ta’ Malta waqt il-Presidenza Taljana fl-1990. Il-Gvern ta’ dak iż-żmien kien anke mmira biex nidħlu mat-tkabbir tal-1995 iżda dan ma kienx realistiku.
Il-Gvern Laburista tal-1996 bit-tmexxija tal-Prim Ministru Alfred Sant, ipprefera strateġija ta’ sħubija mal-Unjoni Ewropea bbażata fuq kummerċ ħieles mingħajr parteċipazzjoni fl-istituzzjonijiet Ewropej. Il-fatt li l-applikazzjoni ta’ Malta kienet biss sospiża u mhux irtirata għamilha inqas diffiċli biex il-Gvern ta’ wara seta’ jerġa’ jattiva l-applikazzjoni Maltija.
In-negozjati tlestew fl-2002 u l-elezzjoni tal-2003 li saret f’nofs kontestazzjoni qawwija bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista wasslet biex Malta tissieħeb sena wara flimkien ma’ Ċipru u tmien pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. Jista’ jkun li din il-kontestazzjoni politika wasslet biex il-kundizzjonijiet tas-sħubija jkunu aħjar milli setgħu kienu.
Id-dibattitu akkanit dwar il-futur ta’ Malta f’dak il-perjodu wassal ukoll biex is-soċjetà Maltija tkun informata dwar l-Unjoni Ewropea iktar mill-medja tal-pajjiżi Ewropej. Dan kien ikkonfermat mill-istħarriġ tal-Ewrobarometru li jsir regolarment mill-Kummissjoni Ewropea.
Fil-fehma tiegħi l-ikbar żewġ sfidi li ġew mas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropej kienu tnejn. L-ewwel nett, il-kapaċità li nifilħu u nilqgħu għall-pressjoni kompetittiva tas-suq uniku Ewropew bir-regoli kolla li jiġu magħha primarjament il-prinċipju taċ-ċirkulazzjoni libera fis-suq intern. S’issa bi sħubija fl-Unjoni Ewropea l-ekonomija ta’ Malta baqgħet fuq saqajha u bit-tmexxija tal-Prim Ministru Joseph Muscat f’dawn l-aħħar sitt snin, l-ekonomija ta’ Malta kibret u ssaħħet b’mod impressjonanti.
Li hu żgur hu li għandna naħdmu biex inkunu aktar produttivi u innovattivi biex noħolqu iktar xogħol u ntejbu l-pagi. Naħdmu wkoll sabiex inkomplu niddiversifikaw l-ekonomija ħalli din ma tkunx tiddependi fuq ftit setturi.
It-tieni, il-kapaċità amministrattiva li bħala pajjiż membru neħtieġu l-istrutturi u r-riżorsi umani sabiex nimplimentaw l-obbligi kollha li jiġu mas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. L-ikbar test għal din l-isfida ġie fuqna bil-preparamenti twal li saru mill-Gvern Malti biex Malta daħlet għall-isfida tal-Presidenza tal-Unjoni Ewropea fl-2017.
Jien kelli l-privileġġ naħdem fil-qalba ta’ din il-ħidma f’Dar Malta Brussell matul dawn is-snin u servejt lill-Presidenza Maltija tal-Kunsill bħala negozjatur mal-Parlament Ewropew. Minkejja tfixkil mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista, il-Presidenza Maltija kienet waħda ta’ suċċess u biha Malta kisbet viżibbilità importanti fuq il-palk Ewropew.
Robert Micallef hu kandidat Laburista għall-Parlament Ewropew