Opinjoni | Tkabbir għall-ħafna, mhux għall-ftit
Għadna rridu nsibu dak il-bilanċ bejn it-tkabbir u l-ħarsien ambjentali. Irrid nara infurzar serju tal-liġijiet tagħna fil-qasam tal-kostruzzjoni
Li pajjiżna f’dawn l-aħħar ħames snin għamel avvanzi kbar f’diversi oqsma hu fatt li ma jista’ jmerih ħadd.
Li llum ħloqna middle class ġdida, qlajna eluf mill-faqar, u lħaqna stat fejn hawn xogħol għal kulħadd huwa wkoll fatt evidenti.
Huwa ta’ sodisfazzjon li tħares lura lejn ix-xogħol kollu li sar għall-ġid tal-familji tagħna. Iżda dan il-Gvern ma jtikx ċans tieqaf u taħseb fuq dak li ksibna, għax diġà qiegħed iħares lejn il-futur.
Issa allura, il-Gvern għandu quddiemu dawk li ngħidilhom sfidi li jinbtu mis-suċċessi li ħloqna aħna stess għal pajjiżna, iżda sfidi xorta waħda għaliex irridu nibqgħu naraw kif il-ġid jasal għand kulħadd, b’mod speċjali għand dawk li l-iktar li għandhom bżonn.
Is-sisien ta’ pajjiż modern, effettiv, u stabbli issa qegħednihom. Minn pajjiż imkisser bid-djun u maħkum minnn letarġija serja, Gvern Laburista ġab lil Malta u Għawdex fuq saqajhom. Bħala pajjiż, għażilna t-triq tal-progress minflok dik tal-apatija – kienet għażla għaqlija, li issa rridu nindirizzaw l-isfidi li ġabet magħha.
Fil-qasam tal-impjiegi, il-pass li jmiss issa li ġibna xogħol għal kulħadd hu li nassiguraw li dak ix-xogħol irendi, u fl-aħħar mill-aħħar jagħti dinjità u serħan-il moħħ lill-ħaddiem. Bħalma ħdimna biex għollejna l-paga minima, u ħloqna mekkaniżmu biex kulħadd jinqala’ mill-paga minima wara sena, hekk ukoll nistgħu nsibu soluzzjonijiet ġusti għal min bħalissa mhux jiġi trattat b’mod ugwali fuq il-post tax-xogħol.
Minn pajjiż imkisser bid-djun u maħkum minnn letarġija serja, Gvern Laburista ġab lil Malta u Għawdex fuq saqajhom
Fl-ewwel minn serje ta’ laqgħat li organizzajt matul il-kampanja tiegħi, għażilt li niltaqa’ mal-General Workers Union biex niddiskuti dawn l-isfidi. Dejjem sħaqt li qabel kollox, il-ħaddiema huma bnedmin, u meta tirregola s-settur b’dan f’moħħok, tifhem aħjar il-bżonn u d-dritt għall-ħin ta’ mistrieħ, ħin għall-familja, u ugwaljanza fuq il-post tax-xogħol.
Fis-settur tal-akkomodazzjoni soċjali, il-ħidma tal-Gvern hi u trid tibqa’ viżjonarja. L-investiment qiegħed isir, u l-għan tagħna jrid jibqa’ li kulħadd ikollu saqaf diċenti fuq rasu. Għalija din mhix kwistjoni ta’ karità: din hi kwistjoni ta’ prinċipju u dritt bażiku f’soċjetà ġusta. Irridu li kull Malti u Għawdxi jkollu rajh f’idejh, u dan nagħmluh ukoll billi nassiguraw li kemm jista’ jkun, ikun sid ta’ daru stess.
L-għażla tal-progress li ħadna flimkien f’dan is-sens fissret żieda enormi fl-attività ekonomika u soċjali f’Malta, li kulħadd jista’ jara b’għajnejh stess. Kull min ilu jgħix Malta jew Għawdex għal talanqas għaxar snin jista’ jikkonferma kif pajjiżna inbidel drastikament fis-sens ambjentali. Hawnhekk ma nsemmix biss l-ambjent naturali, iżda wkoll dak urban, li l-maġġoranza tagħna inqattgħu nofs ħajjitna fih. Għalhekk dejjem sħaqt li l-ambjent tagħna hu dak li jsawwarna u dak li jifforma l-qagħda psikoloġika tagħna, u għalhekk hu kruċjali li nħarsuh.
Il-Gvern dan diġà beda jagħmlu. Nitpaxxa, pereżempju, ngħaddi mill-Kottonera, jew miċ-Ċittadella, ġawhar nazzjonali li sa ftit snin ilu kienu minsija. Għandna bżonn iktar proġetti ta’ riġenerazzjoni ta’ dan it-tip; proġetti li jerġgħu jqajmu lill-komunità, li jsebbħu l-ambjent urban għalina u għal dawk li jżuruna u jkomplu jinvestu f’pajjiżna.
Qabel kollox, il-ħaddiema huma bnedmin, u meta tirregola s-settur b’dan f’moħħok, tifhem aħjar il-bżonn u d-dritt għall-ħin ta’ mistrieħ, ħin għall-familja, u ugwaljanza fuq il-post tax-xogħol
Bl-istess mod li l-aġenzija Ambjent Malta qed tniedi masterplans għall-widien tagħna, irrid nara masterplans għal-lokalitajiet tagħna. Ma nistgħux nibqgħu niddependu fuq pjanijiet lokali li l-aħħar li ġew aġġornati kien fl-2006. Pajjiżna issa għandu kuntest kompletament differenti, u rridu nindirizzaw il-bżonnijiet ġodda tiegħu.
Iż-żieda fil-kostruzzjoni hi effett dirett tat-tkabbir ekonomiku – ma jfissirx, iżda, li m’għandhiex tkun irregolata. Għadna rridu nsibu dak il-bilanċ bejn it-tkabbir u l-ħarsien ambjentali. Irrid nara infurzar serju tal-liġijiet tagħna fil-qasam tal-kostruzzjoni. Irrid nara sens ta’ estetika fl-irħula u l-ibliet tagħna li jżommu l-identità unika tagħhom, waqt li jħarsu ’l quddiem.
Dan hu t-tkabbir li jgħodd u li verament isaħħaħ lil pajjiżna; din trid tibqa’ l-aġenda ta’ Gvern b’Malta u Għawdex f’qalbu
Josianne Cutajar hija kandidata tal-Partit Laburista għall-Parlament Ewropew