Opinjoni | Riflessjonijiet post-elettorali
Carmel Cacopardo jirrifletti dwar l-aħħar riżultati elettorali
Meta l-votanti repetutament jeleġġu kandidat akkużat bl-użura u l-ħasil tal-flus hu inevitabbli li nistaqsi l-mistoqsija dwar jekk il-votant għandux dejjem raġun.
Fid-dawl ta’ dan hu inevitabbli li llum iktar minn qatt qabel nistaqsi lili nnifsi dwar x’qiegħed nagħmel fil-politika. Meta ssegwi l-proċess tal-għadd tal-voti tiġi wiċċ imb wiċċ mar-realtà ta’ numru mhux żgħir ta’ voti mħassra b’varjetà ta’ kummenti kkuluriti.
Bi tweġiba li kuljum nagħmel lili nnifsi, illum, iktar minn qatt qabel nagħżel li nibqa’. Dan nagħmlu b’sens ta’ dover lejn dawk in-nisa u l-irġiel li kuljum jitolbu u jeħtieġu l-għajnuna biex jiffaċċjaw il-problemi tagħhom ta’ kuljum li huma kkawżati minn stat insensittiv u dawk iggranfati miegħu.
Hu sfortunat li l-gwadann immedjat hu l-għażla ovvja tal-maġġoranza tal-votanti fil-lokalitajiet kollha, u dan f’kuntrast mal-kisba ta’ benefiċċji dejjiema fit-tul. Għada qisu hu ’l bogħod wisq biex ikun relevanti fl-għażliet tal-lum. Bħala riżultat ta’ dan il-votanti, flok ma jkunu megħjuna biex jagħmlu l-għażliet tagħhom huma kontinwament sgwidati.
Jiena ovvjament iddiżappuntat bħala riżultat tal-fatt li f’dawn l-elezzjonijiet ma ġie elett l-ebda kunsillier minn Alternattiva Demokratika. Mhux biss, talli l-unika kunsillier minn AD fil-kariga, Ralph Cassar f’Ħ’Attard, ma kienx elett mill-ġdid. Dan kien riżultat ta’ tnaqqis fin-numru ta’ dawk li jivvutaw kif ukoll tan-numru ta’ voti li jiċċaqalqu bejn partit u ieħor. Ralph ta servizz eċċellenti lil Ħ’Attard fuq numru kbir ta’ snin, kważi bla interruzzjoni sa mill-bidu nett tal-kunsilli fis-snin 90.
Il-fatt li l-votanti f’lokalità oħra repetutament jeleġġu persuna akkużata bl-użura u l-ħasil tal-flus hu ta’ tħassib kbir
L-għażla tal-votanti li ma jerġgħux jeleġġu lil Ralph Cassar imma li fl-istess waqt il-votanti f’lokalità oħra repetutament jeleġġu persuna akkużata bl-użura u l-ħasil tal-flus hu ta’ tħassib kbir.
Li tgħid li mdawrin bil-kriminali (Crooks are everywhere) hu mod simplistiku żżejjed kif tħares lejn l-affarijiet. Ċertament li mhux kulħadd subgħajh dritt. Imma jkun inġust li tfajjar akkuża ġenerali u ċċappas biha lil kulħadd għax il-parti l-kbira ta’ dawk li jidħlu fil-ħajja pubblika huma spirati minn sens qawwi ta’ servizz pubbliku.
Għalfejn qiegħed fil-politika? Li nkun ta’ servizz lill-komunità hi t-tweġiba li dejjem tajt b’konvinzjoni, sa minn meta kont għadni żagħżugħ. Hu servizz kontra stat li dejjem ifittex li jindaħal fejn ma jesgħux. Hu servizz favur it-titjib fil-kwalità tal-ħajja tagħna lkoll billi l-politika titfassal u ssir aħjar u tkun kontinwament iffukata biex ikun indirizzat il-ġid komuni. Matul ix-xhur u s-snin li għaddew, flimkien ma’ sħabi minn Alternattiva Demokratika fittixt li nissensibilizza iktar nies dwar il-ħtieġa li tingħata prijorità lill-materji ekoloġiċi. Il-ħarsien tal-ambjent hu wkoll politika għax jinvolvi t-teħid kontinwu ta’ deċiżjonijiet fuq varjetà kbira ta’ materji: mill-ikel u l-pestiċidi, l-ilma inkella l-ippjanar tal-użu tal-art, fost oħrajn.
Dawk li kontinwament jgħidu li m’għandux ikun hemm politika fl-ambjent sfortunatament mhumiex konxji li kull deċiżjoni dwar l-ambjent hi deċiżjoni politika. Il-politika hi wkoll servizz għall-ambjent, idealment servizz li jħares fit-tul u mhux egoistikament sal-ponta ta’ mneħirna.
Matul dawn l-aħħar ġimgħat Alternattiva Demokratika ffukat fuq diversi temi ambjentali relatati mal-ħtieġa li jkun hemm titjib fl-ambjent urban. Fuq quddiem f’din l-aġenda hemm il-ħtieġa ta’ titjib fl-ippjanar tat-trasport kif ukoll dwar il-bżonn li t-toroq ikunu għan-nies kif ukoll biex tkun assigurata aċċessibilità adegwata għal kulħadd. It-tnaqqis tal-karozzi mit-toroq tagħna hi ħtieġa urgenti, imma ma hemm l-ebda interess li dan l-oġġettiv jintlaħaq. Dan ser ikompli jżid il-pressjoni fuq l-ispazji pubbliċi tagħna li qed jittieklu minn iżjed parkeġġ inkella minn spazju riservat għall-imwejjed u s-siġġijiet għall-istabbilimenti tal-ikel u x-xorb.
Hi sfortuna li dawk li jaqblu ma’ dawn l-oġġettivi ma ħarġux biżżejjed bi ħġarhom biex jagħtu appoġġ lil dawk li qed imexxu din il-politika.
Hu diffiċli li nwieġeb il-mistoqsija dwar għalfejn qiegħed fil-politika, biex jitjieb il-ħarsien ambjentali għal titjib tal-kwalità tal-ħajja meta donnu li kollox ġej bil-maqlub! Imma ma hemm l-ebda alternattiva. Li nwarrbu l-eġoiżmu li jħares sal-ponta ta’ mneħirna tibqa’ prijorità assoluta.