Leli Cini u s-salini tal-melħ

Leli u bintu Josephine
Leli u bintu Josephine
Leli Cini mal-familja
Leli Cini mal-familja

Minn din il-ġimgħa f’din il-paġna se nibdew inlaqqgħukom ma’ personaġġi li qed iżommu ħaj, xogħol jew snajja’ artiġġjanali li għadhom jeżistu f’din il-gżira ċkejkna fil-Mediterran. Xogħol jew aħjar arti li jiġbed mijiet jekk mhux eluf ta’ turisti lejh biex ikunu jistgħu jmissu xogħol li f’pajjiżhom miet mewta naturali, jew inkella li qatt ma kellhom ix-xorti jiltaqgħu miegħu, jekk mhux f’xi dokumentarju fuq xi stazzjon televiżiv.
Meta wieħed jmur sa’ Marsalforn ma jistax ikun li ma jasalx sal-Qbajjar u x-Xwejni fejn hemm is-salini (salt pans). Mort niltaqa’ ma’ Leli Cini tal-melħ f’xil-11 ta’ filgħodu, spiċċajt nistenna lil għexieren ta’ jeeps mimlija turisti, jieħdu ritratti ma’ dawn is-salini mdawrin b’xenarju spettakolari u uniku, jixtru l-melħ u l-postcards u bħal nemel telgħin lejn kamra fuq għolja ċkejkna. Fejn wara sirt naf li din il-kamra ċkejkna ma kienet xejn għajr waħda mill-għerien fejn jiġi miżmum il-melħ miġbur. Hawnhekk it-turisti jsibu lix-xwejjaħ Leli jfiehem lil kulħadd dwar il-passjoni kbira ta’ ħajtu għal dawn l-aħħar 50 sena. Il-melħ.
L-ewwel li laqgħetni kienet bintu, Josephine, li bi tbissima fotokopja ta’ missierha qaltli, “xi ġmiel hawn hux! Dak meta niġbru l-melħ ejja fl-4.30 ta’ filgħodu xħin tkun tiela’ x-xemx mill-faċċata u tara n-natura fl-aqwa tagħha.” Josephine urietni l-kamra ta’ missierha u qaltli biex immur ħdejh għax kien qed jistennieni biex ikellimni. Poġġieni madwar mejda tal-plastik imdawwar bl-ixkejjer tal-melħ, lampi tal-pitrolju u xkupi mwaħħlin mal-ħajt, “Xi tgħidli sieħeb” beda biex qalli Leli, “kemm hawn frisk f’dil-kamra hux. Dak minħabba l-umdità kbira li toħroġ mill-blat.”  U hawn Leli li llum jgħodd 72 sena mar lura 46 sena meta kien żagħżugħ ta’ 26 sena. “Qabel kien jinxtara ħafna melħ biex jippreservaw l-ikel għax dak iż-żmien ma kienx hawn fridges. Fi żmien il-gwerra (li jien ma niftakarhiex) kienu jibdlu l-melħ ma’ xi ħobża kienu jgħiduli. Fl-1968 sid dawn is-salini kien marad u wliedu ma dehrux kapaċi għal dan ix-xogħol u ħadthom jien. Bdejt nirranġa l-iskandlori (il-ħawt jew ġwiebel) għax jekk l-iskandlora tkun tnixxi l-ilma ma’ tistax issalva melħ. Barra hekk ħdimt fuq speċi ta’ gandotti biex twassal l-ilma baħar lejn l-iskandlori.
“L-istaġun tal-melħ hu bejn Mejju u Settembru. Iżda kollox jiddependi mit-temp. Ir-riħ mill-Majjistral u mit-Tramuntana jnixxef l-ilma iżda b’riħ mill-punent il-blata tiksaħ u jispiċċa kollox. Għax il-melħ il-blata ssajru. Fil-bidu bdejt nitgħallem bl-iżbalji tiegħi stess u għenitni ħafna l-mara f’dan ix-xogħol.
“Xtrajt landrover u bdejt nippakkja l-melħ u nbiegħu fl-irħula Għawdxin, fi żmien meta kollox kien jinbiegħ bl-imnut u mhux bħala pakketti. Mill-1976 bdejt inbiegħ fis-supermarkets.” Fil-fatt hawnhekk urieni l-ewwel xkupa (ritratt) li kien xtraha fl-1976, għax qabel kienu jikinsu l-melħ bil-qasab. “Maż-żmien bdiet il-moda tal-beauticians u bdejt inbiegħlhom ħafna melħ għall-prodotti tagħhom fejn jordnawli bejn 30 u 40 kilo melħ. Anke l-barranin jiġu hawn u jixtru ħafna melħ, għax meta jaraw minfejn eżatt jinġabar ikunu jafu li hu melħ tajjeb u naturali.”
Leli hu miż-Żebbuġ u għandu żewġ ulied, Raymond li hu għalliem tal-IT u miżżewweġ u jgħix Malta u bintu Josephine li ħadet dan in-negozju f’idejha biex tkompli żżommu ħaj, “Nixtieq nibqa’ erbat ijiem oħra hawn għax ma nixtieqx li dan ix-xogħol jispiċċa,” qalli Leli li l-imħabba tiegħu għall-melħ hi xi ħaġa li tħossha fi kliemu u tilmaħha f’għajnejh. “Is-salini jintirtu. Kien fl-1860 li ngħataw l-ewwel darba lil sidien bir-reġistru. Ibni ma kompliex iżda binti minn meta kienet ċkejkna kienet tħobb dan ix-xogħol. Għalkemm bih biss ma tgħix ta.”
Wara nżilna flimkien fis-salini u beda jfehmni kif jinġabar u jsir il-melħ. “Ikollna speċi ta’ bjar u ġibjuni bl-ilma baħar u b’mutur nimlew is-salini. L-ilma baħar fih 3.7% melħ u l-aħjar li s-salini jkunu baxxi ħalli l-ilma jinxef aktar malajr. Wara ġimgħa li nimlew is-salini niġbruh. Iżda meta jkun il-maltemp joħdilna kollox.” Leli qalli li s-sena l-oħra ma kinitx sena tajba u kull ma ġabar kien 9 tunellati melħ. Is-sena ta’ qabel kien ġabar 25 tunellata melħ. “Iżda ir-rekord tiegħi jibqa’ fl-1977 fejn ġbart 30 tunellata melħ.”
Hawnhekk ġew xi żewġ turisti Ġermaniżi li riedu jaraw il-melħ u jistaqsuh dwar is-salini u filwaqt li skuża ruħu telaqni biex jitkellem magħhom, filwaqt li kompliet miegħi bintu Josephine, “It-turisti jsejħulu l’ homme de sel de Gozo jew The Man of Salt u ġieli jiġu għaxar snin wara u jistaqsu għalih.”

Hawn urietni r-ritratti tagħha ta’ tifla ta’ 8 snin ma’ missierha u ommha jiġbru l-melħ. “ma stajtx ma nkomplix b’din il-passjoni ta’ qalbu għax hekk jinsab kuntent li xi ħadd qed ikompli dak li tant ħabb għal dawn l-aħħar 50 sena.” Qaltli Josephine li anke f’għajnejha stajt nara l-imħabba li għandha anke hi għall-melħ u għal missierha.
Leli reġa’ ġie, b’żewġ boroż melħ ta’ Xwejni li ġabar hu, qalli li sejjer jiekol dak li lestietlu l-mara għax kien qabeż nofsinhar, sellimli filwaqt li stedinni biex nattendi għall-ġbir tal-melħ waqt li tkun tiela’ x-xemx.

 

More in G?awdex