300 persuna fl-iskema ‘Greener & Cleaner’

Skema fejn persuni inattivi jew li qed jirreġistraw għax-xogħol setgħu jieħdu esperjenza ta’ xogħol, jgħinu fit-tindif tal-ambjent u fl-istess ħin jitħallsu.

Fil-5 ta’ Mejju tnehdiet skema ġdida f’Għawdex, Greener & Cleaner Gozo.
Kienu madwar 300 persuna li rreġistraw għal din l-inizjattiva maħluqa mill-Ministeru għal Għawdex bil-kollaborazzjoni tal-ETC.
Min minnhom għażel li jaħdem għal 20 siegħa fil-ġimgħa jitħallas €75 u dawk li ddeċidew li jaħdmu 40 siegħa fil-ġimgħa jitħallsu €145.
L-akbar ammont li daħlu għal din l-iskema kienu n-nisa. Il-parteċipanti qed jingħataw l-espożizzjoni tax-xogħol kemm mid-dipartiment tal-proġetti u żvilupp fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, kif ukoll mis-settur privat u NGOs. Dawn li qed jipparteċipaw f’din l-iskema jibqgħu fuq il-kotba tal-ETC u għaldaqstant ma jkunux marbuta b’ebda kuntratt għalkemm il-parteċipanti se jkomplu jagħmlu dan ix-xogħol għal ħames xhur.
Interessanti li bħalissa Għawdex minn kull fejn tgħaddi tara nisa jnaddfu pjazez, postijiet pubbliċi u governattivi, irġiel jirranġaw ħitan tas-sejjieħ, tindif ta’ bajjiet u anke għaddasa jnaddfu l-baħar.
Bħala parti mill-kampanja, membri tal-GTA (Gozo Tourist Association) organizzaw inizjattiva x-Xatt l-Aħmar fejn membri tal-kunsill tal-GTA naddfu l-kosta bejn l-Imġarr u l-bajja Għajnselmiża, ix-xatt l-Aħmar. Apparti fliexken u kaxxi tal-plastik, skrataċ u karti, ġew miġbura wkoll, bieba ta’ friġġ, xkafef tal-ħadid u ħbula tan-nylon.
Fl-istess waqt il-Ministeru qed jagħmel kampanja sħiħa biex Għawdex jinżamm aktar nadif fejn 12-il skola, 4 għaqdiet tal-NGOs, 10 kumpaniji tal-għadis, u 2 lukandi (Grand Hotel u Kempinsky) ħadu sehem f’kampanja ta’ kuxjenza fl-istess żmien. Din il-kampanja qed tissejjaħ Love Gozo Live Green.

 

Skema għal persuna qiegħda biex jaħdmu u jsebbħu l-Għawdex
Skema għal persuna qiegħda biex jaħdmu u jsebbħu l-Għawdex

More in G?awdex