Ħames Minuti ma' Joyce Grech
Joyce Grech - ilha taħdem fil-mezzi tax-xandir u d-divertiment mill-1993. Ħadmet fit-teatru, televiżjoni, radju, gazzetti u rivisti kif ukoll bħala għalliema.
Imwielda New York hux hekk?
Hekk hu. Preċiżament fil-belt ta’ Manhattan, magħrufa bħala ‘The Big Apple’. Sal-lum nattribwixxi s-sens ta’ avventura u l-imħabba tiegħi għal bliet kbar u kosmopolitani għal dan iż-żmien għalkemm il-ħajja f’New York meta kont żgħira jien hu differenti ħafna mis-sitwazzjoni preżenti. Sal-lum għandi rabta diretta mal-Istati Uniti, kemm minħabba li għandi ċittadinanza Maltija u dik Amerikana, kif ukoll għax b’mod volontarju nagħmel parti minn NGO bl-isem ta’ Stars and Stripes Malta li tgħaqqad lil dawk li għandhom rabta mal-Istati Uniti f’Malta flimkien.
X’tiftakar mill-Amerika?
Niftakar ħafna għax għext kważi għaxar snin hemmhekk. Niftakar l-iskola tas-sorijiet u l-camping fis-sajf. Niftakar li morna darba biss l-baħar u wara xi erba’ sigħat fit-trejn, wasalna u konna ddiżappuntati għax ma kien xejn sabiħ bħall-baħar ta’ Malta. Niftakar postijiet bħall-Istatwa tal-Libertà, it-Twin Towers u l-ġmiel ta’ siġra tal-Milied f’Rockefeller Center. Niftakar il-ksieħ tax-xitwa u lil missieri jqum mal-lejl jimpala l-borra kuljum. Ma nistax ninsa l-ġranet li qattajt ma’ tfal oħra ta’ familji Għawdxin fil-park Carl Schurz nilgħab fis-sandboxes u niftakarni noħlom b’Superman ġej minn fuq ix-xmara ta’ ħdejna. Idoli oħra ta’ tfuliti kienu Little Orphan Annie, E.T. u Michael Jackson.
It-tfulija f’Għawdex?
L-isbaħ ħaġa fiż-żmien li għaddejt Għawdex kien is-sens ta’ libertà li ma kellix f’New York. Għal bidu kienet diffiċli nifhem kif in-nies iħallu ċ-ċavetta fil-bieb u l-karozza miftuħa. Kelli wkoll nidra malajr ħafna nikkomunika bil-Malti għax f’sena ridt nagħmel l-eżami tal-Junior Lyceum u allura l-ewwel ftit żmien kien diffiċli ħafna. Konna wkoll għaddejjin minn mard fil-familja. Però ż-żmien f’Għawdex laqqagħni ma’ ħbieb tal-qalb li għalkemm għadda ħafna żmien, xorta baqgħu speċjali ħafna. F’Għawdex ukoll bdejt l-ewwel lezzjonijiet tad-drama, li kellhom iħallu impatt fuq ħajti kemm professjonalment u personalment.
X’kien li għażilt li tistudja l-ġurnaliżmu?
Jiena studjajt il-ġurnaliżmu f’livell ta’ Masters wara li kont ksibt il-Baċċellerat fl-Arti, fl-Istudji Teatrali u l-Komunikazzjoni. Dak iż-żmien kont ilni ġa naħdem fil-qasam tax-xandir għal għaxar snin, 3 snin part time u seba’ snin full time. Għalkemm ħdimt f’diversi oqsma tal-mezzi tax-xandir, kont inħoss l-akbar sodisfazzjon meta nkun ipproduċejt programm jew ktibt artiklu li kellu element ta’ riċerka imma angolu imprevedibbli u għalhekk għażilt li nispeċjalizza f’dal-qasam. Għalkemm jinteressani kull tip ta’ ġurnaliżmu, inħoss li l-ġurnaliżmu kulturali hu l-qasam li l-aktar li ħdimt fih.
Kif nibtet l-imħabba tiegħek lejn ir-radju u t-televiżjoni?
Minn età żgħira niftakarni nilgħab li qed nagħmel programm tat-televiżjoni jew tar-radju jew li kont xi DJ... però niftakar meta kelli xi 16 il-sena, rajt l-ewwel OB Unit ixandar kollegamenti tal-istrina minn Għawdex u dakinhar ħassejt li ridt inkun parti mix-xandir lokali.
Inti kont tifforma parti mill-istazzjon Education 22, kif tiddeskrivi dik l-esperjenza?
Education 22 kien l-ewwel esperjenza tiegħi ta’ xogħol ta’ xandir full time, fejn ħdimt bħala producer, direttur, u preżentattriċi. B’xorti tajba, kelli nitgħallem ħafna mill-Kap tal-istazzjon Charles Xuereb li għallimni ħafna dwar l-etika fix-xandir, kif ukoll aktar ’il quddiem kelli esperjenza importanti taħt kap ieħor ta’ Education 22, Stephen Azzopardi, li permezz tagħha, ħolma oħra tiegħi, li xogħli jintwera fuq stazzjon f’pajjiż ieħor saret realtà. Għal perjodu kont ukoll immexxi l-istazzjon, u allura tgħallimt ħafna dwar l-immaniġġjar. Għalkemm bqajt nipproduċi u nippreżenta programmi, però nistqarr li nimmissja d-direzzjoni teknika. Illum it-telespettaturi japprezzaw li d-direttur hu pedina importanti ta’ responsabbilità kbira speċjalment f’programmi televiżivi diretti fejn kull żball jidher ħafna. Programm li kont nidderieġi li jibqa’ f’qalbi hu l-programm tal-ġurnaliżmu dwar il-futbol Line Up li kien isir il-Ħadd filgħaxija.
X’inhu, fl-opinjoni tiegħek, dak l-ingredjent li jagħmel programm televiżiv interessanti?
Hemm ħafna aspetti imma bla dubju tispikka l-oriġinalità. Sfortunatament, naraw ħafna programmi li l-formola tagħhom tkun ikkupjata. Aspett ieħor hu r-relevanza għall-ħajja tal-udjenza tiegħek. Bħala persuna tat-televiżjoni ma nistax ma nsemmix ukoll il-kwalità teknika u l-kreattività tad-direttur.
Irrakkuntali r-rabta bejn Joyce u l-kotba!
Il-kotba kienu l-babysitters ta’ tfuliti u kibru miegħi. Id-dar għandi kamra mimlija b’kobta ta’ kull tip. Servejt bħala Direttur Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, fejn kelli l-opportunità nidħol f’din l-industrija u norganizza l-ikbar attivitajiet nazzjonali li jsiru fil-qasam, fosthom il-Fiera tal-Ktieb u l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb. Sal-lum għadni nippromovi l-kotba permezz ta’ programmi u artikli, kif ukoll ngħin lill-awturi fil-promozzjoni.
Apparti l-kotba għandek ukoll passjoni kbira lejn il-films, partikolarment il-films qosra, tant li waqqaft il-Malta Film Foundation.
Il-films minn dejjem kienu jaffaxinawni u l-ewwel programm tal-films li għamilt kien Xowkejs għal One TV li kien juri films Maltin li kienu saru fuq formats antiki u allura l-pubbliku ma kellux l-opportunità li jarahom. Minn hemm, flimkien ma’ Tony Parnis, li kien id-direttur tal-programm, bdejna nipproduċu l-Malta Short Film Festival li jintwera fuq TVM. Il-proġett kiber b’mod li ma konniex qed nistennew, u fl-ewwel sena rbaħna unur għall-Aħjar Programm Kulturali tal-2009 fil-Malta Television Awards. Iktar tard, xtaqna nagħtu struttura aktar formali għall-attivitajiet tagħna u waqqafna l-Malta Film Foundation. Għamilna wkoll attivitajiet oħra, fosthom, Tribute to Joseph Calleia, attur Malti li ħadem f’aktar minn 50 film f’Hollywood.
X’se nistennew li naraw din is-sena waqt il-Malta Short Film Festival?
Din is-sena kellna parteċipazzjoni rekord ta’ aktar minn 1700 film minn pajjiżi differenti u 9 minnhom Maltin. Bħalissa qegħdin fil-fażi tal-evalwazzjoni preliminarja u fil-ġimgħat li ġejjin, inħabbru l-għażla uffiċjali. Din is-sena peress li hemm it-Tazza tad-Dinja, se jkollna sensiela iqsar minn tas-soltu, imma nassigurakom li se jkun hemm ħafna films interessanti .
Joyce u l-vaganzi?
Jien inħobb is-safar u kemm minħabba xogħol u anke għal divertiment, is-safar dejjem hu prijorità. Il-vaganzi jservu wkoll biex niltaqa’ ma’ ħbieb li nkun ilni ma nara, speċjalment f’Għawdex u mal-familja.
X’inhu dak li jtik kuntentizza fil-ħajja?
Jien nipprova nsib kuntentizza f’affarijiet ta’ kuljum, f’kikkra kafè tajba, ċajta jew esperjenza ġdida. Inħoss li nifraħ bil-kisbiet ta’ ħaddieħor, anke nies li ma nafhomx personalment. Il-ħin li nqatta’ ma’ ħbieb, kollegi u familja jtuni sodisfazzjon kbir. Però nammetti li l-ħin li nqatta’ waħdi hu daqstant importanti. Ix-xogħol fil-mezzi tax-xandir ipoġġik fi spotlight li jkollok bżonn toħroġ minnu biex ikollok bilanċ f’ħajtek.