Ħames Minuti ma' Rita Pace
RITA PACE – kantanta, awtriċi u kompożitriċi li tikteb kemm għaliha u anke għal kantanti oħrajn. Studjat il-kant klassiku imma tinterpreta ħafna stili ta’ mużika. Rebħet bosta konkorsi bħala kittieba fosthom l-Għanja tal-Poplu, Kanzunetta Indipendenza, Malta Summer Hit u oħrajn. Miżżewġa u omm ta’ żewġt itfal, Danjeli ta’ 4 snin u Liza-Marie ta’ 8 xhur.
Minn fejn int u fejn tgħix?
Jiena mir-Raħal Ġdid imma noqgħod Ħaż-Żebbuġ.
X’tiftakar minn żmien tfulitek?
Niftakar li dejjem kellna xi annimal domestiku d-dar u kont attiva fl-isports. Kont inħobb nikteb poeżiji u melodiji meta kont immur l-iskola primarja. Minn dejjem kont nieħu gost nikteb.
Hemm xi sport li jinteressak?
Hemm ħafna sports li jogħġobni imma ma nsib ċans nipprattika l-ebda wieħed.
Kemm hi importanti l-mużika f’ħajtek?
Il-mużika hija importanti ħafna għax tgħinni nesprimi lili nnifsi u nħares lejha wkoll bħala mezz li nista’ nqanqal ħsieb dwar ċertu kwistjonijiet. Għalija l-mużika hija avventura.
X’jispirak meta tiġi biex tikteb kanzunetta?
Kollox jista’ jkun ta’ ispirazzjoni, kultant xi sitwazzjoni li tara jew tgħaddi minnha.
Tippreferi tikteb lirika bil-Malti jew bl-Ingliż?
Ma tgħamillix differenza, ktibt anki bil-Franċiż u bit-Taljan.
Kif oriġinat il-kanzunetta ‘Jien ma Naħdimx’?
Kont qed nitkellem ma’ xi ħbieb tiegħi li bħali kellhom it-tfal żgħar u meta staqsejna lil xulxin jekk aħniex qed naħdmu, nibtet bħal ċajta li għalkemm ma taħdimx xorta mal-familja ssib ħafna x’tagħmel. Ftit wara jien u Mark iddeċidejna li niktbu diska għal Karen u użajt din l-idea.
X’tikkummenta fuq festivals lokali?
Illum hawn ħafna festivals ta’ livelli differenti fejn wieħed jesprimi t-talent tiegħu. Hemm festivals li jinkoraġixxu l-kreattività u oħrajn aktar formulajċi. Il-festivals tajbin imma m’għandhomx ikunu l-unika raġuni biex wieħed jikteb jew ikanta. Ir-raġuni ewlenija għandha dejjem tibqa’ li wieħed itejjeb lilu nnifsu u jieħu pjaċir.
Fejn sejra l-mużika u l-kanzunetta Maltija?
Naħseb li llum hawn iktar nies li jsegwu l-kanzunetta Maltija, allura l-messaġġ jista’ jasal iktar milli kien jasal qabel. Jalla l-mużika Maltija tingħata l-ispazju li jixirqilha.
X’taħseb fuq iż-żgħażagħ li qed jipparteċipaw fi programmi televiżivi barra minn xtutna?
Naħseb li huma eżempju ċar kif meta l-Maltin jikkompetu mal-barranin m’għandna xejn inqas minn ħaddieħor.
Taħseb li hemm bżonn ikollna programmi simili tagħna?
Għala le?
Bħalissa int omm full-time, meta se nerġgħu narawk fuq il-palk?
Bit-tfal ma tistax tagħmel pjanijiet fit-tul, imma jekk insib okkażjoni li togħġobni u li tħallili ħin għall-familja neħodha.
Qatt kien hemm mument fejn qtajt qalbek minn dan ix-xogħol kollu?
Le, għax nemmen li kulħadd jgħaddi minn sfidi f’ħajtu u qegħdin hemm biex tegħlibhom mhux biex tibża’ minnhom. Għalija l-mużika hija gost, ħadd ma jaqta’ qalbu minn dak li hu gost.
Kif tirrispondi lejn kritika fil-konfronti tiegħek?
Meta naqla’ xi kritika ngħarbel jekk l-intenzjoni hijiex kostruttiva u wara hekk niddeċiedi.
Bħalissa għaddejjin f’nofs kampanja elettorali għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew, tinteressak il-politika?
Ġieli nsegwiha imma l-aktar li nagħti każ huma ta’ dawk il-kwistjonijiet li jolqtu lili mill-qrib.
Teżisti politika fil-qasam tal-ispettaklu?
Fl-iktar sens wiesa’ ma jeżisti xejn taħt ix-xemx li ma jitlobx għażla allura kollox huwa politiku.
Liema qawl Malti li l-ewwel jiġik f’moħħok?
Min jorqod ma jaqbadx ħut.
Xi jfisser dan il-qawl għalik?
Li mill-bżulija joħroġ il-ġid.
Li kieku kellek tindirizza l-Parlament Malti, x’suġġetti tippreżenta lill-politiċi Maltin?
Il-ħarsien tal-ambjent inklużi l-annimali, u l-wirt etniku Malti.