Ħames Minuti ma' Ivan Gaffiero
IVAN GAFFIERO – kantant, preżentatur u organizzatur ta’ konkorsi tas-sbuħija mill-Gżira imma joqgħod in-Naxxar. Missier ta’ żewġt itfal, Martina t’10 snin u Tiziana ta’ 18-il sena. Persuna li jidher kalm però minn ġewwa nervuż ħafna. Bniedem sensittiv, jinkwieta u jħobb malajr.
Meta u fejn twelidt?
Twelidt ġo l-isptar tal-Blue Sisters f’San Ġiljan fis-6 ta’ Settembru 1972.
X’tiftakar minn żmien l-iskola?
Ma kontx persuna li nħobb wisq l-iskola minħabba l-bullying li għaddejt minnu minn età żgħira. Kont persuna mistħi ħafna u kwiet wisq. Niftakar li ġieli kont inġib skuża li ma niflaħx biex ma mmurx skola.
Il-kulur favorit tiegħek?
Turqoise.
Kemm hi importanti r-reliġjon f’ħajtek?
Dejjem kont persuna viċin il-Knisja, kont anke abbati għal diversi snin. Però llum il-ġurnata nippreferi mmur għall-kwiet nitlob ġo xi post bħal Girgenti jew xi post ieħor għall-kwiet u meta nsib iċ-ċans immur ukoll il-quddies.
Temmen li hemm ħajja oħra wara din?
Iva nemmen ħafna. Nemmen li min iħallina minn din id-dinja jibqa’ magħna u li meta jasal iż-żmien nerġgħu niltaqgħu
Tħobb tara drama Maltija fuq it-televiżjoni?
Iva ħafna. Fil-fatt fuq it-TV ma nara xejn ħlief drama Maltija bħal Iċ-Ċaqqufa fuq TVM u It-Tfal fuq ONE.
Min hu l-kantant/a Malti favorit tiegħek?
Ifhem, hemm ħafna li jogħġbuni għax jiena Maltin biss inħobb nisma’. Kantanta li togħġobni immens hija Eleanor Cassar, kantanta brava ħafna u li fl-opinjoni tiegħi, sfortunatament ma tantx hija apprezzata.
X’taħseb fuq id-diska Coming Home ta’ Firelight?
Meta smajtha l-ewwel darba ma tantx għoġbitni però meta mort l-MFCC u rajt is-serata live, għidt li din se tkun il-kanzunetta rebbieħa. Kellha xi ħaġa ta’ ħajja fiha u rajt li hi diska li tista’ tagħmel isem tajjeb għal Malta.
Temmen li xi darba Malta qatt tirbaħ il-Eurovision?
Iva għaliex le? Jiena niltaqa’ ma’ ħafna tfal li jkantaw fil-festivals tiegħi u dejjem ngħid kemm hawn kantanti bravi. Nemmen iva li xi darba jsir hawn Malta.
Qatt kien hemm xi mument fejn qtajt qalbek minn dan ix-xogħol kollu?
Ħafna drabi. Mhux darba u tnejn ngħid li se nieqaf u kien hemm żmien li anke sibt minn jipprova jkissirni u jgħamilli ħsara kbira però nemmen u nitlob l-Alla u nipprova ma naqtax qalbi.
Taċċetta kritika fuq xogħlok?
Jiena nemmen li bil-kritika tikber u allura naċċettaha. Li niddejjaq hu meta n-nies jivvintaw qlajjiet fuqi għax sfortunatament ikunu jriduli l-ħsara.
Hemm xi attività f’moħħok li għadek ma wettaqtx?
Iva kunċert kbir minn kantanti li bdew il-karriera mill-festivals tiegħi u li llum qed jiksbu suċċessi kbar. Fosthom hemm Eleanor Cassar, Glen Vella, Daniel Testa, Jessica Muscat, Sophie Debattista, Christian Arding, Charlene u Natasha Grima, Christabelle Borg u ħafna oħrajn.
Tħobb issiefer u jekk iva, fejn hu l-post favorit tiegħek?
Mhux xi wieħed li se ndum ħafna barra minn Malta għax nimmisja ħafna lil dawk ta’ madwari però l-aktar li nħobb hu shopping Londra.
Xi tfisser għalik sbuħija minn ġewwa?
Ħafna. Dik hija l-aktar ħaġa importanti fil-karattru ta’ kull persuna.
Kemm tħoss li hu importanti li tisma’ lil min hu mdejjaq jew għaddej minn xi mument ħażin?
Nisma’ ħafna nies ta’ kuljum. Għandi ħanut u hemm nies li jiftħu qalbhom miegħi. Ma niddejjaqx nismagħhom għax naf xi tfisser meta tħossok waħdek jew tkun f’mumenti iebsa fil-ħajja għax jien stess kelli din l-esperjenza.
Int karattru li taqbiżlek malajr jew iddum tissaporti?
Indum nissaporti ħafna iżda meta nibda nara ħafna affarijiet ġejjin bil-kontra, nispiċċa mmur xi mkien waħdi, nibki waħda sew u nerġa’ niġi f’tiegħi.
Xi tfisser il-kuntentizza għalik?
Kollox hux. Bla kuntentizza ma tagħmel xejn. Importanti li tgħix ħajtek kif tixtieq int u mhux kif jiddettalek ħaddieħor. Irrid ngħix ħajti kuntent għax aħna ninsabu hawn għal ftit żmien biss, misluf lilna mill-Ħallieq.