Ħames minuti ma' Karl Schembri
Karl Schembri twieled fit-3 ta’ Novembru 1999 u joqgħod Ħal Qormi. Schembri għadu kemm irritorna lura minn festival fir-Russja fejn fih kiseb l-ewwel post. Huwa student fil-Kulleġġ De La Salle u jaspira li jiggradwa fil-liġi. Apparti li għandu għal qalbu l-kant, Schembri jdoqq il-pjanu u jilgħab il-futbol mal-Pietà Hotspurs. Jiġi mħarreġ fil-vuċi mis-soprano Antoinette Miggiani u Claire McCartin. Ipparteċipa f’diversi festivals u rebaħ diversi premjijiet fosthom dak tal-Best Singer of the Year 2012.
Kelma waħda li tispjega ħajtek?
Avventura.
X’inhi l-attitudni tiegħek lejn il-ħajja?
Ngħix ġurnata b’ġurnata u nħobb inkun dejjem pożittiv.
Kif tħajjart tidħol fix-xena tal-kant?
Bdejt niskopri t-talent tal-kant minn età żgħira u minn sena għal oħra sibt ħafna appoġġ u kuraġġ mingħand ommi u minn bosta nies li dejjem inkoraġġewni biex inkompli nipperfezzjona dan it-talent.
Esperjenza partikolari li kellek u li se tibqa’ tiftakar...
Żgur mhux forsi dan l-aħħar konkors li kelli fir-Russja, speċjalment il-mument meta ħabbru l-premju.
Kif ħassejtek meta sirt taf li rbaħt il-konkors?
Għall-bidu bilkemm ridt nemmen, bħal donnu ħassejtni f’xi ħolma, iżda ovvjament kont ferħan u sodisfatt ħafna li rnexxieli nwettaq il-ħolma tiegħi.
Kif tlaħħaq mal-istudju tiegħek?
Nagħti importanza kbira lill-istudju u dejjem nagħmel mezz li nsib xi ftit sigħat għall-istudju kuljum. Il-ġenituri jagħtuni ħafna kuraġġ u appoġġ biex nissaħħaħ fl-istudji tiegħi wkoll.
Il-kantant/a favurit/a tiegħek?
Malena Ernman.
L-iktar kanzunetta li togħġbok?
La Voix.
Is-sajf jew ix-xitwa?
Is-sajf.
X’jiffrustrak?
L-għira tan-nies.
X’ibeżżgħek?
It-telfa tal-persuni għeżież f’ħajti.
Kemm hi importanti r-reliġjon f’ħajtek u għalfejn?
Għalija r-reliġjon hija importanti ħafna għax nemmen li Alla dejjem qiegħed jiggwidani u jagħtini l-forza biex inkompli miexi fid-direzzjoni t-tajba.
Persuna li tammira f’ħajtek?
Lil ommi.
Kemm tħobb lil Malta?
Jien kburi ħafna li jien Malti u nieħu ħafna pjaċir meta nirrappreżenta lil pajjiżna lil hinn minn xtutna u nkun ta’ unur għal gżira ċkejkna tagħna.
L-aħħar safra li kellek fejn mort?
San Pietruburgu, r-Russja.
X’inhu suċċess fil-ħajja għalik?
Għalija s-suċċess huwa sinonimu mal-progress, fis-sens li f’kull ħaġa li nagħmel f’ħajti jkolli sens ta’ sodisfazzjon li rnexxieli nagħmel progress u nimxi ’l quddiem, u anke jekk xi drabi niżbalja, inkun kapaċi nitfarfar u nerġa’ nipprova nagħmel pass ’il quddiem.
L-iktar darba li stħajt?
Ma jidhirlix li kien hemm mumenti fejn stħajt.
Il-Futur ta’ Karl Schembri...
Ma nħobbx nipprevedi dak li se jseħħ fil-futur però ħafna jgħiduli li jekk nibqa’ sejjer kif jien sejjer, kemm fil-kant kif ukoll fl-istudji tiegħi, għad ikolli futur sabiħ imżewwaq b’ħafna kwalitajiet sbieħ... iżda din hija xi ħaġa li nħalliha f’idejn Alla.