Ħames Minuti ma' Glen Vella
Glen Vella - kantant u għalliem li tarah fejn tarah dejjem se ssibu b’xi tbissima fuq wiċċu. Il-karattru ferrieħi tiegħu kien iċ-ċavetta li daħħlitu fi qlub il-Maltin u l-Għawdxin kollha.
Meta twelidt u x’tiftakar minn tfulitek?
Jien twelidt fl-14 ta’ Mejju 1983 u niftakar tfulija sabiħa ħafna u nqis ruħi fortunat li kelli u għad għandi ġenituri li jħobbuni u jappoġġjawni daqslikieku għadni dak it-tfajjel ċkejken.
Il-kulur favorit tiegħek?
L-aħmar minn dejjem kien il-kulur favorit tiegħi.
Int taħdem bħala Learning Support Assistant…
Iva, naħdem dan ix-xogħol għax jogħġobni s-settur edukattiv u l-inklużjoni sħiħa tal-istudenti fl-iskejjel, xi ħaġa li jien nemmen fiha ħafna.
X’sodisfazzjon tieħu minn dan ix-xogħol?
Apparti l-fatt li nieħu gost ħafna nara l-istudenti jimxu ’l quddiem, il-fatt li nqatta’ ħin maż-żgħażagħ, jgħini li nibqa’ żagħżugħ jiena wkoll u b’hekk ikolli l-enerġija meħtieġa biex dak li naf jien u li dejjem nitgħallem, inkun nista’ ngħaddih lil żgħażagħ oħra li llum jew għada kapaċi jkunu l-mexxejja ta’ pajjiżna.
Il-karriera tiegħek issa ilha għaddejja, x’kienet l-ewwel diska li qatt kantajt fuq palk?
L-ewwel kanzunetta li kantajt kien propju fuq televixin Malta f’karaoke ma’ John Bundy, fejn kont interpretajt silta mill-kanzunetta ‘Shiny Happy People’ ta’ R.E.M., esperjenza li għadha friska f’moħħi.
Liema hi dik id-diska cover version li tħobb tkanta l-aktar?
Id-diska ‘Smile’, miktuba minn Charles Chaplin.
L-għanja tal-poplu u d-diska ‘It-tfal ta’ Llum’…
Memorji sbieħ ħafna u pass kbir fil-karriera tiegħi għaliex minn dak il-festival ġejt avviċinat minn kompożituri Maltin sabiex stajt dejjem nikber u nipperfezzjona fil-qasam mużikali. Kienet diska sabiħa ħafna li jien kantajt bħala dwett ma’ Eleonor Cassar.
Maltasong for Europe u One Life…
Wieħed mill-akbar passi li dejjem ridt u ħdimt sabiex nesperjenzaha. Esperjenza li għallmitni ħafna u li sirt inħobbha aktar minn qatt qabel. Esperjenza indimentikabbli.
U l-Animae Gospel Choir?
Kor li jqanqalli emozzjoni sabiħa f’qalbi f’ħafna mid-drabi li nkanta miegħu. Kor li nista’ ngħid kiber malajr imma dejjem żamm livell tajjeb ħafna ta’ mużika u li kapaċi jqanqal emozzjoni pożittiva lil kull min jisimgħu.
Qed taħdem fuq xi ħaġa partikolari bħalissa?
Apparti li naħdem bis-sħiħ ma’ kantanti żgħażagħ fuq proġetti mużikali, erġajt dħalt lura fl-istudjos biex jekk Alla jrid tisimgħu l-kanzunetta l-ġdida tiegħi fiż-żmien qarib.
Tippreferi s-sajf jew xitwa u għaliex?
Bla dubju, is-sajf! Għax huwa żmien fejn ingawdi aktar lil dawk qrib tiegħi u fejn nista’ nieħu nifs ġdid wara perjodu twil ta’ ħidma intensiva.
Qatt ikkunsidrajt tmur tagħmel xi xogħol volontarjat barra minn xtutna?
Il-ħsieb dejjem hemm qiegħed biss il-pass għadni qatt ma ħadtu.
X’inhu dak li jgħamlek kuntent fil-ħajja?
Ir-rispett u l-imħabba umli ta’ dawk vera qrib tiegħi u l-istess ħaġa jien lejhom.
Il-ħolma li għad triq twettaq?
Mistoqsija diffiċli ħafna għalija! Bniedem li noħlom ħafna… il-ħin biss iżommni!