Ħames Minuti ma' Ray Calleja
Ray Calleja - għandu 46 sena, jgħix San Ġiljan u jaħdem bħala attur u direttur artistiku, apparti li hu wkoll student Universitarju. Ismu mhux ġdid għal dawk li jsegwu t-televixin Malti. Interpreta diversi karattri u preżenta diversi programmi. Illum se nsiru nafu lil Ray mill-viċin.
Meta twelidt? U xi tgħidilna dwar tfulitek?
Twelidt f’Jum il-Mara, 8 ta’ Marzu 1968. Tfuliti żmien ta’ esplorazzjoni. Konna noħolmu bil-furbani, kellna l-penpals, kollox kien riċiklat, konna nimxuha s’għand tal-grocer u biex titkellem ma’ xi ħadd kont tkun trid tiltaqa’ miegħu.
Kemm ilek fix-xena tal-ispettaklu? X’kien l-ewwel xogħol li għamilt fil-mezzi tax-xandir? Min ħajrek tibda?
Ilni minn meta kelli 11-il sena. L-ewwel xogħol professjonali kien programm għat-tfal parti mill-proġett Media Education Centre. Id-Direttur kien Vanni Pule li kien għalliem tiegħi tal-Ingliż. Fil-verità naħseb li ma kienx hemm persuna partikolari li ħajritni għax dejjem xtaqt li nagħmel dan ix-xogħol.
X’inhu l-kulur favorit tiegħek? U għaliex?
L-abjad – hu l-kulur li hu magħmul mill-kuluri kolla, frisk u jdawwal. Imur ma’ kollox. Jaffaxxinani.
Diska favorita? U kantant favorit?
“Always on my mind” oriġinali ta’ Elvis, imma l-verżjoni ta’ Michael Buble hija eċċezzjonali. Is-swing huwa stil li nista’ nisma’ dejjem. Imma kollox inħobb nisma’ meta tkun mużika tajba. Minn klassiku sa pop.
Issa qed tagħmel xi kors l-Università? Fuq xiex? U għalxiex?
Il-kors li qed nagħmel huwa Baċċellerat fl-Antropoloġija u l-Psikoloġija. Żewġ suġġetti li jikkonċernaw in-natura tal-bniedem. Il-pjan hu li eventwalment naħdem proġett akkademiku u televiżiv li jinkludi ż-żewġ suġġetti għal trasmissjoni Ewropea.
Xi tfisser għalik it-tpinġija? Għala għażilt għonqok għal waħda mit-tpinġijiet tiegħek?
It-tpinġija tista’ tkun forma ta’ espressjoni artistika. Sa minn żminijiet ilu l-marki fuq il-ġisem kellhom użu u interpretazzjonijiet vasti. Ta’ għonqi għadha mhux kompluta, la tkun lesta tkun parti minn tpinġija akbar li għadni qed naħdem fuqha, imma hija rappreżentazzjoni artistika ta’ werqa bħala simbolu tar-riġenerazzjoni tal-ħajja u ċ-ċiklu tagħha.
L-esperjenza tiegħek f’Jien Inħobb, Inti tħobb?
Kburi li kont fi produzzjoni li kisret kull rekord għat-Teatru Manoel u l-palk Malti. Naħseb nista’ niddeskrivi t-test eċċezzjonali ta’ Simon Bartolo bħala frisk, ġenwin u modern. Id-direzzjoni ta’ Sean Buhagiar kienet friska u sinċiera għal dak li mdorrijin naraw. Il-kumpanija Staġun Teatru Malti għamlet passi kbar u ġid lil dan il-qasam f’pajjiżna. Kellna bżonn din l-injezzjoni fit-teatru Malti. Għad irrid naraw ħafna aktar u nkunu aktar miftuħa għall-ideat ta’ dan it tip.
BOMBA… u l-karattri kollha li kont tagħmel… xi tgħidilna fuqhom?
Bomba dejjem kien proġett ta’ mħabba kbira. Kienet esperjenza li kienet tinvolvi ħafna nies. Meta nħares lejn is-snin kollha ta’ meta kont nagħmel Bomba nirrealizza kemm dan il-proġett għadda minn fażijiet differenti. Għadni nkun sorpriż kif wara dan iż-żmien kollu l-karattri għadhom daqshekk ħajjin għal ħafna nies.
Xi tgħidilna fuq Bla Kondixin?
Ukoll proġett li għadda minn żviluppi kbar matul is-snin. Din is-sena se nirritorna għar-rwol li kelli fl-ewwel rappreżentazzjoni, dak ta’ Master of Ceremonies. L-isfidi kibru matul is-snin u Bla Kondixin illum huwa parti mill-kalendarju Malti għas-satira. Sabiħ tkun taf li kont parti minn mumenti bħal dawn.
X’sar minnha Jo Zette? U Catwalk? Mhux se terġa’ tipprova għal Eurovision?
Ilni ma nkellimha. Naħseb irtirat… imma qatt ma tista’ tgħid x’jinqala’ fil-ħajja! Naħseb f’pajjiżna qed nagħtu wisq importanza għall-mumenti bħall-Eurovision. Ċertament joffri ħafna eċitament imma kultant ninsew napprezzaw dak li għandna f’pajjiżna. Naħseb li l-kunċert Kelma Kelma u Nota Nota li sar riċentament fi ħdan il-Malta Arts Festival, ġo Pjazza Teatru Rjal kien xhieda ta’ kemm aħna neqsin minn mużika Maltija. Kien suċċess kbir u kien kollu kitba mużikali u letterali bil-Malti. Dan żgur għad ikun ukoll wieħed mill-proġetti li għad naraw regolari f’pajjiżna.
U Frankie Quattromani?
L-aħħar li smajt kien qed jagħmel it-tours f’pajjiżi eżotiċi, dejjem akkumpanjat mill-Kukku naturalment.
U Gloria Mizzi? Kif kienet ir-reazzjoni tagħha malli rat il-karattru tagħha jiġi interpretat b’mod daqstant tajjeb?
Gloria hija wahda minn dawk in-nies li s-sens ta’ umoriżmu tagħha huwa eċċezzjonali. Dak li bl-Ingliż ngħidulu ‘wit’. Niftakar li konna dħakna t-tnejn meta rajna lil xulxin wara li kien deher dak il-karattru l-ewwel darba. Gloria hija sportiva immens meta tiġi għal dawn l-affarijiet, li għalija jirrifletti kemm hija persuna ta’ stoffa.
It-teatru jew it-televixin?
It-tnejn. Huma ġeneri kompletament differenti. It-tnejn eċitanti. Ma nistax nagħżel u t-tnejn għandi passjoni kbira għalihom.
Kif tispira ruħek għal karattri li toħloq?
Inħares lejn il-ħajja, nies li nkun iltqajt magħhom jew stejjer li nisma’. Kultant tkun trid ukoll tagħmel riċerka intensiva. Kollox jgħodd, kull esperjenza li ngħaddi minnha.
X’inhi l-ħolma li għadek trid twettaq?
Li nara t-teatru u t-televiżjoni Malti jiżviluppa f’aktar artistrija. Ma jkunx skjav tal-finanzi, imma jiġġenera flus hu stess.
X’jiġifieri kuntentizza għalik fil-ħajja?
Sempliċi ħafna, li ngħix ħajti bla eseġerazzjonijiet u li nkun nista’ norqod kalm meta jasal il-lejl.
Tippreferi s-sajf jew ix-xitwa?
It-tnejn għandhom is-sabiħ tagħhom. Wieħed ma jiġix mingħajr l-ieħor. Ma jistax ikollok sajf biss jew xitwa biss. Tridhom it-tnejn biex tagħraf kemm huma sbieħ it-tnejn li huma.
Xi tfisser l-unjoni ċivili għalik?
Mument storiku ieħor għal pajjiżna. Fejn is-sens ta’ demokrazija jirrenja. Għalija pajjiż demokratiku jeżisti biss meta l-maġġoranza tal-poplu jagħmel li jista’ biex ikun ċert li d-drittijiet tal-minoranzi jkunu mħarsa u kulħadd jgħix flimkien fil-paċi. Id-differenzi ta’ razez, reliġjonijiet, orjentazzjoni sesswali, ħsibijiet eċċ eċċ għandhom ikunu s-saħħa ta’ poplu u pajjiż mhux id-diffett.