Ħames Minuti ma’ Marika Caruana Smith
Marika Caruana Smith - Duty Manager f’lukanda f’Malta u toqgħod iż-Żurrieq. Għandha 41 sena u omm Luca ta’ tmien snin. Tieħu sehem f’għadd ta’ programmi televiżivi fuq stazzjonijiet lokali.
Meta twelidt u xi tgħidilna dwar tfulitek?
Twelidt fl-1 ta’ Lulju 1973. Tfuliti kienet imżewqa għax niftakar li konna nieħdu gost b’affarijiet sempliċi, niftakar anke li konna nilagħbu barra. Għandi ħafna tifkiriet u għożża tan-nanniet tiegħi.
Diska favorita u kantant/a favorit/a?
Inħobb ħafna l-mużika Taljana, diska favorita tiegħi hija Grazie Roma għax għandha messaġġ sentimentali għalija – avolja nżomm mal-Juve! Oħra għal qalbi hija Happy, naħseb li hija kanzunetta ferriħija li laqtet lil kulħadd, hija anke l-favorita ta’ Luca!
X’ifisser Luca għalik?
Luca għalija jfisser ħajti, ifisser kollox. L-isbaħ esperjenza ta’ ħajti. Naħseb li kull omm taħseb hekk, u li t-tfal tagħha huma l-mimmi t’għajnejha. Luca huwa enerġetiku u kemm-il darba jirrabjani bħal tfal normali tal-età tiegħu iżda xħin inħares lejh, speċjalment xħin ikun rieqed, nirringrazzja lil Alla talli tani l-grazzja li nsir omm! Għalkemm għad għandu tmien snin nikkomunika miegħu daqs raġel żgħir, speċjalment meta nkunu waħedna jien u hu, jew fil-karozza jew immorru nieklu x’imkien.
Int għamilt xi żmien taħdem fil-Customer Care? Kif issibha din l-esperjenza? Diffiċli żżomm quddiem għajnejk li l-klijent dejjem għandu raġun?
Biex taħdem fil-Customer Care trid tkun dedikat u tkun taf tikkontrolla t-tempra, mhux dejjem faċli għax klijenti diffiċli ssib kemm trid u anke psataż imma trid taddatta għal kull sitwazzjoni.
Int taħdem fis-settur tat-turiżmu… x’sodisfazzjon jagħtik xogħlok?
Sodisfazzjon kbir speċjalment meta jkollok ilment u jirnexxilek iddawru favorik, bl-Ingliż jgħidu turn tragic into magic, dak il-motto tiegħi. Gost tiegħi meta nara turisti li jerġgħu jiġu u jibqgħu jiftakru ċertu dettalji. Xi drabi anke nibqa’ f’kuntatt ma’ xi wħud minnhom permezz tal-imejls.
X’inhu x-xogħol tiegħek fil-mezzi tax-xandir?
Bħalissa għaddejja bil-programm Executive kull nhar ta’ Ħadd fis-6.45pm li huwa produzzjoni tiegħi stess u hu għal qalbi ħafna. Għandi wkoll parti minn Mad-Daqqa t’Għajn, produzzjoni ta’ Emi Farrugia fejn kont qed nagħmel il-parti tal-kċina, interessanti immens. Nitgħallem mal-koki tagħna u fl-aħħar induq l-ikel li nkunu preparajna, l-iktar parti għal qalbi, peress li nħobb niekol ħafna!
X’jogħġbok l-iktar f’dan ix-xogħol?
Li tiltaqa’ ma’ ħafna nies, personalitajiet u għalija dejjem n sitgħallem, nitgħallem mill-esperjenzi u nitgħallem mill-mistiedna li jkolli. Sodisfazzjon ukoll meta niltaqa’ ma’ xi telespettaturi, nieħu gost nitkellem magħhom u nieħu s-suġġerimenti li jkollhom.
X’futur hawn għal kantanti u għax-xena mużikali f’Malta?
Futur għal kantanti naħseb li hawn, għalija kantanti bħal Ira Losco u Kevin Borg kif ukoll gruppi bħal Winter Moods u Airport Impressions għamlu diversi suċċessi kemm lokali kif ukoll internazzjonali. Għandna wkoll diversi talenti lokali li qed jagħmlu suċċess barra minn pajjiżna bħal Federica Falzon u l-grupp Malti li jgħixu Londra – Freddie Calls.
Sajf jew xitwa? U għaliex?
Sajf għax fix-xitwa nħoss ħafna bard, barra minn hekk il-fatt li fis-sajf il-ġurnata tkun itwal għalija isbaħ u għandek aktar fejn tmur u kif tqatta’ l-ġurnata. L-unika ħaġa li togħġobni fix-xitwa huwa żmien il-Milied.
X’inhi l-ħolma li għadek trid twettaq?
Mela ħolma li għad għandi hija li xi darba jkolli l-oppurtunità nippreżenta jew nieħu sehem fil-Eurovision, naħseb li hija ħolma ta’ kull preżentattriċi. U għandi ħolma oħra, dik li nieħu sehem f’xi film internazzjonali, noħlom hux?
X’inhi kuntentizza għalik?
Il-kuntentizza għalija hija s-serħan tal-moħħ, il-paċi fil-qalb u l-imħabba. Jista’ jkollok kollox imma jekk ma jkollokx dawn it-tliet affarijiet għalija ma tistax tkun kuntent.
Il-qawl favorit tiegħek?
Iż-żejt dejjem jitla’ f’wiċċ l-ilma għax nemmen li l-verità dejjem tirrenja fl-aħħar!
X’jirrabjak?
L-ipokrezija u l-ġakbiniżmu.
X’ibbikik?
Ibikkini meta nara ċertu ħmieġ u traskuraġni fl-ambjent. U jbikkini wkoll meta nkun qed insuq u nara ċertu sewwieqa jsuqu fuq il-karreġġjata tal-lemin bilkemm jiċċaqalqu jew aljenati jpaċpċu jew jibagħtu xi messaġġ bil-mobile!