Ħames Minuti ma’ Peter Carbonaro
Peter Carbonaro - ilu fix-xena tal-ispettaklu mill-1996, minn Birkirkara u jaħdem fil-preżentazzjoni u produzzjoni ta’ programmi diversi. Peter siefer kemm-il darba tant li qas kien kapaċi jiftakar kemm-il pajjiż żar.
Xi tgħidilna dwar it-tfulija tiegħek?
Niftakar fis-sajf konna mmorru ħafna l-bandli, kuljum preċett, minbarra fi tmiem il-ġimgħa. Konna nkunu grupp ta’ ħbieb u nivvintaw logħob differenti. Sfortunatament m’għadnix f’kuntatt mal-ħbieb ta’ tfuliti imma konna nieħdu ħafna gost. Fix-xitwa konna mmorru ħafna pikniks u ħarġiet oħra mal-familja.
Inħossni fortunat li għixt tfuliti f’dak iż-żmien hekk kif stajna nilagħbu barra u għandi memorji diversi ta’ tfuliti. Illum it-tfal moħħhom fit-teknoloġija u l-kompjuters u t-tfulija tagħhom hija ferm differenti.
Kemm ilek fix-xena tal-ispettaklu? Min ħajrek tibda?
Bdejt fl-1996 u kont animatur ma’ Corinthia Mistra Village. Kien hemm jieħdu ħsiebna Peppi Azzopardi u Anthony Bilocca u nista’ ngħid li bl-għajnuna tagħhom bdejt il-karriera fix-xena tal-ispettaklu.
Diska favorita u kantanta favorita?
Bħala diska favorita m’għandix, imma bħalissa qed togħġobni ħafna Walking with Elephants ta’ Ten Walls. Bħala kantanta favorita, bla dubju, Madonna, għal diversi raġunijiet.
Kulur favorit u għaliex?
L-isfar. Jien inħobb il-kuluri u anke fid-dar tiegħi nħobb li jkolli ħafna kuluri u dawl. Mhux qed ngħid li ħa nilbes l-isfar kuljum, għalkemm għandi ħwejjeġ sofor, imma xorta waħda huwa l-kulur favorit tiegħi għax ifakkarni fis-sajf u fix-xemx.
Kemm il-pajjiż żort?
Ma niftakarx kemm-il pajjiż żort, madwar 35 jew 40 żgur! Biss biss kont għamilt sena nivvjaġġa minn pajjiż għall-ieħor u f’dik is-sena biss żort 18-il pajjiż.
Liem hu l-iktar pajjiż li għoġbok?
Il-Brażil, mort darbtejn u żgur ma niddejjaqx nerġa’ mmur! Jogħġobni ħafna, b’mod speċjali Rio di Janeiro għax hija belt b’ħafna enerġija. Il-Brażiljani jħobbu jiddevertu u jħobbu ż-żfin ukoll. Il-Karnival tagħhom hu prijorità għall-pajjiż, bħalma hu l-futbol.
Kont il-Brażil ukoll għat-Tazza tad-Dinja. Naħseb huwa pajjiż li diffiċli nsib isbaħ u aħjar minnu. Niftakarni naraw il-logħob fuq il-bajja, imbagħad fil-half-time ninżlu ngħumu. Rigward l-irvellijiet li semmew li se jkun hemm, jien ma rajt xejn, kien hemm organizzazzjoni tajba ħafna u ħassejtni sigur.
L-inqas pajjiż li għoġbok?
It-Tajlandja. Destinazzjoni li saret maħbuba mal-Maltin. Sfortunatament, in-nies tal-lokal rajthom naqra slavaġ mat-turisti. F’dawn l-aħħar snin żdiedet ħafna l-kriminalità u ma ħassejtnix komdu hemmhekk.
Pajjiż li għadek qatt ma mort imma trid tmur?
Hemm ħafna! Imma nista’ nsemmi l-Kolombja. Hu pajjiż xi ftit perikoluż u wieħed irid joqgħod vera attent hemmhekk. Biss biss huwa pajjiż ’il bogħod u trid naqra finanzi mhux ħażin biex tmur. Din is-sena mort ukoll il-Grammy Awards f’Los Angeles u b’hekk iddedikajt flusi għalihom.
Xi tgħidilna fuq il-Grammy Awards?
Jien kif jaf kulħadd ix-showbiz jogħġobni ħafna. Is-sajf li għadda kont iltqajt ma’ wieħed mill-organizzaturi ta’ dan l-ispettaklu u bis-saħħa t’hekk kien irnexxili nġib il-kuntatti biex nattendi għal dan l-ikbar avvenimenti mużikali tas-sena. F’sagħtejn rajt lil Beyonce, Aerosmith, Paul McCartney, Julia Roberts, Madonna, Metallica, Daft Punk, Pharrell fost l-oħrajn. Kont ili ħafna biex immur u qatt ma tkun faċli ġġib biljett, iżda issa nista’ ngħid li rnexxieli.
Peter u Stylewatch…
Stylewatch se jerġa’ jibda! Jien u Carina konna waqafna minħabba li kellna affarijiet oħra x’nagħmlu. Konna nirċievu kummenti tajbin u ħafna nies riduna nkompluh. Fil-bidu ta’ dan is-sajf għamilna tmien episodji online u issa se jirritorna fuq NET tv mal-iskeda l-ġdida. Se nkunu qed nitkellmu fuq stilel internazzjonali u lokali u se nkunu qed nikkummentaw ukoll fuq il-pożittiv, mhux in-negattiv biss.
Se jkollna wkoll magħna xi mistiedna, mhux bilfors mill-qasam tal-moda, wara kollox kulħadd għandu par għajnejn u kulħadd jista’ jagħti opinjoni.
Peter u l-moda?
Il-moda nsegwiha ħafna, mhux minħabba n-nies imma biex inħossni komdu. Iżda nħobb naddatta u hemm ħafna affarijiet li huma moda imma ma nilbishomx għax ma jixirqulix. Dan l-aħħar hawn ħafna artisti u żgħażagħ Maltin li qed jinteressaw ruħhom fil-moda u qed joħolqu ħafna affarijiet kreattivi u nista’ ngħid li huma vera bravi.
X’ifisser għalik il-Eurovision? Il-Maltin iffissati żżejjed? Jew iffissati kemm suppost?
Jien naħseb li ffissati kemm suppost. Wara kollox huwa sors ta’ divertiment, għala le? Għalija jfisser ħafna u ili nsegwih mill-1990. Meta ġejt lura mis-sena safar kont dħalt parti mit-tim tal-Eurovision bejn l-2011 u l-2013 ma’ Glen Vella, Kurt Calleja u Gianluca Bezzina. Kienu tliet snin li ma ninsa qatt u dejjem ħdimna tajjeb.
X’inhu suċċess għalik?
Suċċess huwa meta tagħmel dak li trid u mhux dak li jgħidulek in-nies. Tilħaq kemm taħseb li għandek tilħaq int. Is-suċċess trid taħdem ħafna għalih. Iżda nemmen li apparti s-suċċess wieħed għandu jgħix ħajtu wkoll u jżomm biżżejjed ħin għalih innifsu. Billi taħdem ma jfissirx li għandek tkidd lilek innifsek.
X’inhi kuntentizza għalik?
Li nqum filgħodu b’saħħti. Immur għax-xogħol u nkun kuntent b’dak li qed nagħmel. Li filgħaxija mmur lura d-dar u nkun nista’ nistrieħ. Illum il-ġurnata hawn ħafna nies li jivvintaw l-istress. Il-kuntentizza mhux se tiġi b’hekk! Naħseb li l-imħabba tilgħab irwol importanti fil-kuntentizza wkoll. Li tkun maħbub, mhux bilfors f’relazzjoni bejn koppja, iżda li tirċievi mħabba mill-ħbieb u l-familja diġà biżżejjed.
X’ibikkik?
Meta nitlef lil xi ħadd viċin tiegħi. Jien kont tlift lill-ġenituri tiegħi u nista’ ngħid li ma kienx żmien sabiħ! M’ilux esperjenzajt ukoll it-telfa ta’ Nirvana, ħabiba kbira tiegħi. Dawn kienu perjodi diffiċli ħafna għalija.
X’idaħħkek?
L-istand up comedy! Persuni bħal Joan Rivers, li sfortunatament ħallietna wkoll, kienet iddaħħakni ħafna. Jogħġobni ħafna l-umoriżmu Ingliż u anke kultant dak Taljan.
X’jiffrustrak?
Nies li jkunu tard!
X’inhi l-opinjoni tiegħek fuq Facebook u l-mezzi soċjali l-oħra? Qed jgħinuna jew qed jeqirduna?
Allaħares ma kienx Facebook! Illum vera huwa għodda utli biex tikkuntattja u tagħmel riċerka fuq diversi affarijiet. Trid toqgħod attent li ma jeħodlokx kontroll ta’ ħajtek imma mill-bqija narahom bħala affarijiet tajbin ħafna.
Il-Malti jew l-Ingliż?
Skont. Nitkellem bit-tnejn li huma. Għandi ħbieb li sfortunatament ma jafux jitkellmu bil-Malti u b’hekk inkellimhom bl-Ingliż. Imma mill-bqija fix-xogħol tiegħi nuża ħafna l-Malti. Wara kollox, il-prijorità għandha tkun il-komunikazzjoni, u li jirnexxielna nikkomunikaw bejnietna, mhux liem lingwa nużaw.
Il-qawl Malti favorit tiegħek?
Min jorqod ma jaqbadx ħut.
Il-motto għal ħajtek?
Għix kull sekonda f’ħajtek għax ma tafx x’se jiġri għada.