Elton Zarb u r-renju fix-xena tal-Eurovision
Wara li l-ġimgħa l-oħra intervistajna lil Amber, ir-rebbieħa li se tirrappreżenta lil Malta fil-Eurovision tal-2015 fi Vjenna, l-Awstrija, din il-ġimgħa kien imiss il-kompożitur tad-diska rebbieħa. Elton Zarb, li llum jagħlaq snin, ilu fix-xena tal-mużika għal ħafna snin iżda din kienet l-ewwel rebħa tiegħu fil-Eurovision.
Elton, kemm-il darba pparteċipajt fil-Eurovision bħala kompożitur?
Ipparteċipajt sitt darbiet.
Kemm kellek diski fil-finali tul is-snin?
B’kollox 14-il diska.
Kif tħossok li wara dawn is-snin issa rnexxielek? Min jistenna jithenna?
Dan hu festival hu x’inhu u jien nemmen li issa kelli diska li rnexxielha tirbaħ. Ma għamilt xejn anqas minn snin oħra. Jista’ jkun ukoll li tgħallimt u eżaminajt sew x’jirrikjedi biex tispikka waqt kompetizzjoni. Fl-aħħar mill-aħħar din hija logħba u dejjem tirriskja bl-istili mużikali li tagħmel. Din id-darba forsi sibna r-riċetta t-tajba.
Kif tiddeskrivi l-aħħar sena tiegħek fil-karriera tiegħek bħala kompożitur?
Kienet sena li tatni sodisfazzjon kbir. Nemmen li tgħallimt u kbirt fil-ħsieb. Inħossni grat ħafna lejn l-opportunitajiet li ġewni.
Is-sena l-oħra int kont il-kompożitur ta’ The Start, kantata minn Gaia, li rebħet il-Junior Eurovision fl-Ukrajna. Xi tgħidilna dwar l-esperjenza tagħkom fl-Ukrajna u dwar The Start?
Esperjenza unika ħafna. Malta reġgħet ipparteċipat wara ħafna snin u kienu ftit li ħasbu li stajna nirbħu. Kemm jien u kemm it-tim eċċezzjonali li ħdimt miegħu flimkien ma’ Gaia. Emminna mill-bidu nett li għandna materjal tajjeb u kantanta brava.
Xi tgħidilna dwar il-perjodu li fih ħdimtu bla heda fuq Diamonds?
Kien xenarju totalment differenti. L-istil mużikali u l-istil tal-kant ta’ Federica huma totalment differenti minn ta’ Gaia. Però kienet sfida kbira li ħadt pjaċir naħdem fuqha.
Sakemm għamiltu verżjoni finali ta’ Diamonds kemm-il verżjoni kien hemm?
18-il verżjoni.
U mbagħad kien hemm is-semifinali tal-Malta Eurovision Song Contest, kemm kellek diski fis-semifinali? Kif tħossu l-fatt li wħud jgħaddulek u wħud le?
Fis-semifinali kelli seba’ diski. Ifhem, kull diska tfisser xi ħaġa differenti għalija u kollha tajt il-massimu possibbli tiegħi. Il-kantanti li kelli kollha ħadmu ħafna ħafna u nemmen li kollha taw il-massimu taghhom. Iddispjaċieni ħafna għal Danica Muscat u Raquel Galdes. Nistqarr li fraħt għad-diski li għaddewli però dak il-ħin ħassejt għafsa ta’ qalb għalihom għax naf kemm ħadmu.
Meta kkomponejt Warrior, xi stennejt? Kemm-il darba biddiltuha biex kontu kuntenti biha?
Warrior bdiet fuq sieq tajba mil-bidu. Nistqarr li wara li ltqajt mal-Muxu u Amber ħassejt li hemm potenzjal kbir f’din il-formazzjoni. Kif bdejt nikkomponi mill-ewwel bdiet tagħtini emozzjonijiet kbar. Malli semmajt id-diska lil Muxu u Amber għoġbithom mill-ewwel. Tant hu hekk li malli telqu mingħandi baqgħu sejrin jiktbu l-kliem u ma kienx għadda ħafna ħin meta rċivejt video mingħand il-Muxu fejn Amber bdiet tkanta d-diska bil-lirika miktuba u bl-isem, Warrior. Mill-ewwel ħassejt li kien hemm potenzjal kbir.
Bħala kompożitur, taħseb li hemm xi affarijiet li għandhom jinbidlu fid-diska biex tkun aħjar fi Vjenna?
Bla dubju dejjem ikun hemm xi tbiddel u bħalissa qed naħdmu fuq dan.
X’ikun xogħol il-kompożitur sakemm jasal Mejju?
Sa Mejju apparti mill-arranġamenti l-ġodda tad-diska rrid nieħu ħsieb li Amber qiegħda komda fil-kant u ppreparata psikoloġikament għal Warrior. Nemmen ħafna fil-kapaċitajiet ta’ Amber apparti d-determinazzjoni tagħha.
X’inhi l-ħolma ta’ Elton Zarb fejn tidħol il-karriera mużikali?
Għandi ħafna. Però l-aktar importanti hu li nagħti l-massimu li nista’ f’dak kollu li nagħmel.
Temmen li Malta għad tilħaq il-quċċata tal-klassifika fil-Eurovision internazzjonali?
Bla dubju. Jien dejjem nemmen li l-aqwa diska dejjem tirbaħ. Fejn tidħol il-politika ta’ bejn il-pajjiżi tidħol biss fil-klassifika inġenerali. Però fl-aħħar mill-aħħar dejjem l-aħjar diska (jew waħda mill-aħjar) tirbaħ.
Qabel konna naraw dominanza kbira fil-Eurovision minn Philip Vella u Gerard James Borg, jidher li l-affarijiet qed jinbidlu u dis-sena rajna dominanza kbira tiegħek u tal-Muxu. Kif tiddeskrivu dan?
Ma nemminx f’dominanza ta’ festival minn xi ħadd partikolari. Nemmen li Philip u Gerard jiktbu u jipproduċu materjal tajjeb ħafna. Jien ma nfittixx li jkolli kwantità ta’ diski fil-finali iżda kwalità. Il-kwalità għadha dejjem tiżboq il-kwantità.