"Ta' 45 sena nixtieq ikolli stazzjon jew tnejn tiegħi"
Jonathan Abel hu wieħed mill-vuċijiet li ta’ kull filgħodu, flimkien ma’ tnejn oħra jkun fuq Vibe FM jibda l-ġurnata ta’ ħafna fuq nota tajba. Huwa DJ u għandu 35 sena.
Kemm ilek fix-xena tal-ispettaklu?
15-il sena.
Minn fejn bdejt?
Minn dejjem kont nixtieq li nkun dak li qed idoqq id-diski fuq ir-radju… ta’ tlettax-il sena kont noħlom li nkun fuq ir-radju nagħmel dak ix-xogħol… ta’ tmintax-il sena ġietni l-opportunità li ningħata taħriġ ma’ stazzjon… tgħallimt waħdi għax dejjem kelli passjoni u nies li jispirawni…
Kellek xi ħadd fil-familja li ħajrek?
Le... però kienu jafu bil-ħajra tiegħi u kienu jinsistu li tajjeb li nkun gradwat u nkompli l-istudji tiegħi l-ewwel…
X’inhu s-sigriet li bih tqum b’daqshekk enerġija filgħodu?
Ħajja bilanċjata ta’ fost ħafna affarijiet, irqad diċenti… u trid tkun trid tagħmlu dan ix-xogħol… il-passjoni li għandi hija kollox…
X’inhi ġurnata tipika ta’ Abel?
Inqum fl-3.55am, nipprepara xi ikel għal matul il-programm u wara… fosthom tuffieħ, ġewż, insalata… niekol ħafif imma spiss matul il-ġurnata… nevita l-ħobż… ninħasel u kolazzjoni li jinkludi bajda mgħollija… fil-5am nitlaq mid-dar u nasal ir-radju fil-5.15am… niffinalizza dak kollu li jkun hemm bżonn teknikament għall-programm tal-ġurnata, naġġorna ruħi bl-aħħar affarijiet li jkunu ġraw matul il-lejl u jkolli production meeting tal-aħħar fis-6.30am. Fis-6am inċempel lit-tifla Nia ta’ 5 snin biex inkellimha hekk kif tqum…
Xi tgħidilna fuq iż-żewġ kollegi tiegħek… kif tħossok li tibda l-ġurnata magħhom?
Kaxxa ġenn it-tnejn li huma!
X’inhu l-istil ta’ mużika favorit tiegħek?
Dance.
Kieku m’intix DJ x’int?
Għalliem probabbli. Gradwat fil-Fiżika u l-Matematika.
Xi tfisser il-familja għalik?
Fejn dejjem issib rispett assolut.
Xi tfisser kuntentizza għalik?
Li nara t-tifla tidħak u li tkun kuntenta hi.
X’idaħħkek?
L-umoriżmu ta’ Striscia La Notizia.
X’ibeżżgħek?
Li ma tkunx taf fejn qiegħed ma’ bniedem li jkun ifisser ħafna għalik.
Hemm żvantaġġi meta tkun taħdem fil-mezzi tax-xandir?
M’hemmx ħin meta tista’ tgħid li waqaft. Trid tkun dedikat u ma taħdimx għall-flus!
X’hemm differenti f’Abel t’issa minn dak li kien ħames snin ilu?
Għaddejt minn ħafna esperjenzi f’ħajti f’dawn l-aħħar 5 snin li llum iġegħluni ngħid li tassew għext.
Abel jagħti kas il-moda?
Iva, però ma nimxix magħha dejjem. Għandi l-istil tiegħi li inħossni komdu fih.
Ġieli tħajjart tagħmel xi ħaġa fuq it-TV? Għaliex?
Kemm-il darba. Bħala kontinwazzjoni ta’ dak li nagħmel fuq Vibe FM.
X’irwol għandu l-breakfast show?
Li jingrana lin-nies b’kemm jista’ jkun b’mod pożittiv. Illum iktar minn qatt qabel, kulħadd għandu ħafna tensjoni filgħodu… Xogħolna hu li nnaqqsuh!
X’ifisser għalik ir-rispons li tirċievu mingħand is-semmiegħa?
Dak huwa is-sodisfazzjon.
Fejn tara lil Abel għaxar snin oħra?
Ir-radju sar parti kbira minni… Ta’ 45 sena jkolli stazzjon jew tnejn tiegħi!