Ħames Minuti ma' Cryptic Street
Grupp alternattiv b’personalitajiet differenti, influwenzi mill-kultura Maltija u suċċessi internazzjonali
L-ewwel u qabel kollox, jidher li intom grupp b’membri li għandhom personalità verament differenti. X’taħsbu li hu dak li jgħaqqadkom? U dak li tiġġieldu fuqu ta’ spiss?
L-aspett li jgħaqqadna huwa l-ħbierija tagħna. Billi issa drajna lil xulxin sew, nifhmu il-karattru ta’ xulxin. Rigward dak li niġġieldu fuqu, ħafna drabi jkunu xi affarijiet żgħar li ma niftehmux fuqhom, li malajr insolvu!
Kif tistgħu tiddeskrivu l-mużika tagħkom?
Il-mużika tagħna tista’ tigi deskritta bħala alternattiva, però tinkludi wkoll aspetti mill-kultura Maltija, bħal lirika bil-Malti kif ukoll ħsejjes tipiċi Maltin.
Liema mużika tinspirakom?
Għandna ħafna tipi ta’ mużika li tinspirana. Kull membru għandu influwenzi differenti, però nipprovaw ninkorporaw dawn l-istili differenti biex noħolqu mużika interessanti. Niġu ukoll inspirati minn tipi ta’ arti differenti.
Kif bdejtu flimkien bħala grupp?
Aħna, Janelle, Leona, Julia u Denise ltqajna mill-iskola sekondarja wara li kellna proġett li kien jinkorpora l-mużika. Lil Cheyenne mbagħad konna nafuha billi kienet involuta fix-xena mużikali Maltija. Wara li sirna ħbieb, u bidla fil-lineup, stedinna lil Cheyenne biex tidħol magħna.
X’taħsbu li kien l-akbar suċċess tagħkom? Għaliex?
Bħala success kummerċjali, l-akbar success kien meta rbaħna l-Bay Music Award for Best Newcomer. Ġejna nnominati wkoll għall-MMA. Ukoll, il-video tagħna għall-ewwel single ‘Indecisive’ intwera fuq is-sit tal-grupp Coldplay. Suċċess personali hu li nrexxielna nkunu fost il-ftit gruppi Maltin li jinkludu membri nisa biss.
Kif taħsbu li l-approċċ tal-mużika f’Malta qed jinbidel? Qed jingħataw aktar opportunitajiet gruppijiet ta’ mużika alternattiva u ġdida?
Għalkemm baqa’ ħafna xi jsir f’dan ir-rigward, qed tiżdied il-kuxjenza kulturali f’Malta rigward il-muzika u l-arti, anke permezz ta’ festivals li jsiru. Ukoll, istituzzjonijiet bħal Malta Arts Fund jgħinu ħafna lill-artisti biex ikollhom opportunitajiet kemm Malta kif ukoll barra minn Malta.
Kif jirnexxielkom iżżommu s-sintonija bejnietkom bħala grupp?
Il-ħbiberija, kif ukoll billi nkomplu niskopru aspetti differenti tal-karattru lil xulxin, kif ukoll naċċettaw l-opinjonijiet mużikali ta’ xulxin.
X’tagħmlu aktar fil-ħajja? Skola, xogħol eċċ?
Aħna kollha studenti f’istituzzjonijiet varji, kif ukoll għandna xogħol. Involuti f’diversi passatempi oħra.
Taħsbu li tridu tieħdu xogħlkom bħala mużiċisti bħala xi ħaġa full-time?
Dik hija l-ħolma ta’ kull waħda minna, però hawn Malta hija difficli biex din tiġri minħabba li s-suq huwa żgħir. Però hija xi ħaġa li ma neskludux.
Fuqiex qed taħdmu bħalissa?
Bħalissa qed naħdmu fuq EP li se jkun jikkonsisti f’sitt tracks, li jinkludu żewġ diski bil-Malti. Se jkollna wkoll it-tnedija tal-EP fil-21 ta’ Awwissu. F’dan l-EP, li parti minnu ġie sponsorjat mill-Malta Arts Fund, ikkollaborajna ma’ diversi artisti fosthom Beverly Agius li hija poetessa żagħżugħa.
Xi pjanijiet għandkom għall-futur?
Li nippromwovu l-EP tagħna barra minn Malta, kif ukoll ma neskludux il-possibilità ta’ touring barra minn Malta.
Għandkom xi messaġġ għal min jixtieq joħroġ il-mużika tiegħu barra mill-garaxx li forsi bħalissa qed jipprattikaw fih?
Biex ma jaqtgħux qalbhom, jieħdu riskju, jisimgħu mill-pariri ta’ dawn li jkunu esperjenza, iżda fl-aħħar mill-aħħar biex dejjem iżommu mal-istint mużikali tagħhom, u jżommu saqajhom mal-art.