Il-Poodle - 04 ta' Mejju 2014
Il-blackberry u l-blueberry
Qabel konna nitnejku bil-Blackberry ta’ Gonzi, issa sirna nafu li lbieraħ, is-Sibt, Muscat il-Prim mar Għawdex biex jara bdiewa jkabbru l-blueberry. Tajjeb, imma jiena għadni ma nistax nifhem id-differenza bejn blueberry, blackberry u redberry. Forsi l-Prim bl-għerf tiegħu jispjegalna d-differenza u kif ukoll jinfurmana għalfejn iħoss li daqshekk importanti li jinforma l-istampa li mar jara dawk il-madoffi ta’ blueberries.
Il-misluta ta’ Charlon Gouder
Mela Charlon it-trumbun kien qed iżur ir-raħal ta’ Ħal Qormi meta mar fuq raġel u qallu. “Kemm hi sabiħa l-misluta tiegħek!” Kieku waqaf hawn kont ngħid mela Charlon baħbuħ u daqshekk. Imma kompliha u qal: “Wara l-elezzjoni jkolli misluta bħal tiegħek.” U aħna minn hawnhekk ngħidulu hekk hu, għax wara l-elezzjoni hawn Malta se tibqa’, bit-trumbun u l-misluta!
L-imnieħer jew il-banana
Dan ir-ritratt ħelu ta’ Pierinu, jurina biċ-ċar li ma kienx hemm bżonn li jżeffen fin-nofs il-banana. Biżżejjed ħa selfie mingħajr il-banana tal-Kolombja. Għax b’imnieħru, dak iż-żgħir kien ikun biżżejjed. U kif qegħdin fuq il-linja nistaqsu kif inhu sejjer Pierinu ma’ Rachel. Kollox miexi fuq ir-rubini jew? Ikolli ngħid ir-rubriki tagħha vera interessanti, jfakkruni fil-programm BondiPlus. Kemm nimmisjah!
Il-Beatles ma’ Bondi
U waqt kunċert bil-mużika tal-Beatles, kelli nqum u nitlaq ’il barra għax hekk kif kont qed nieħu pjaċir joħroġ fuq il-palk Lou Bondi jdoqq il-kitarra. Almadoffi kelli aptit inwaddablu tazza koka. Kemm hu kiesaħ. Mhux aħjar imur idoqq waħdu quddiem il-mera. M’għandux bżonn mera kbira sempliċiment mera 5 piedi fit-tul, ekwivalenti għat-tul ta’ ġismu.
Kurt u Sandro
Tistgħu tgħiduli x’kien qed jagħmel Kurt Farrugia ma’ Sandro Chetcuti jixrob in-Naxxar Lions? Parir żgħir lil Kurt, lil Sandro evitah. Bassa first class, bniedem li jaħseb li jifhem f’kollox, prużuntuż u minfuħ bih innifsu u bejnietna bniedem li jdaħħlek f’kazz.
L-istamperija ta’ Miller u Johann Buttigieg
Smajt li tal-MEPA rtiraw l-enforcement orders kontra Miller u qalu li mhux veru għandu stamperija. Ara dan Johann Buttigieg m’għandux għajnejh f’wiċċu. Li naf hu li kien hemm enforcement order u rapport tal-ombudsman u Alla jbierek ma ġara xejn. Eħħ, mid-dehra Miller ma għandux għalfejn jinkwieta għax f’Malta mhux x’tagħmel iżda minn int. U ifhmuni.
Il-programm ta’ Moira
Mela Moira dik l-isbejħa kelli taċċetta li wara l-programm tagħha jidher il-programm ta’ Caccia u Pesca fejn stajna naraw il-kaċċa Maltija u l-insib. Żewġ attivitajiet nobbli li jiġi prattikati minn eluf ta’ slavaġ Maltin. Fil-programm sibna il-parteċipazzjoni esklussiva tal-film star Joe Perici Calascione, magħruf għal good looks tiegħu u għall-fatt li huwa raġel twil u mhux qasir bħal dak it-tikka Bondi.
Stagno mal-Malta Enterprise
Karl Stagno Navarra ġie impjegat temporanjament mal-Malta Enterprise. Il-ġurnalist cum viżjonarju li magħruf għall-onestà u l-verità se jkun qed jaħdem f’xogħol konness mal-fiera f’Milan. Bħal ma nafu jaf jagħmel żewġ affarijiet tajbin ħafna: jitkellem bit-Taljan u jilbes qisu Taljan. Jaf jagħmel sa mitt oġġett ħażin, u aħjar ma ngħidu xejn aktar għax nispiċċaw nirremettu aktar milli meta naraw dak il-miskin ta’ Bondi jippulċinella fuq il-palk.