Poodle - 27 ta' April 2014
Ta’ Ħaġrat Blues
Ara vera trid tkun bla melħ f’wiċċek. Tal-Pinne qed jitkellmu fuq Ta’ Ħaġrat, insew li l-local plans ta’ Georgie Pullicino kienu ħallew il-plottijiet madwar it-tempju fl-iskema. Eħħ. U kif qegħdin fiż-żifna, ngħidu wkoll li ġurnalist pjuttost famuż li jaħdem mal-PBS, se joqgħod f’post ġdid maġenb it-tempju. Jaħasra kulħadd irid jgħix.
Norman magħna lkoll
Jekk tridu toħolmu ikrah immaġinaw lil Norman Vella membru parlamentari. Hekk, dak il-wiċċ ikrah, li sa ftit żmien ilu kien jippreżenta lilu nnifsu bħala xi paladin tal-indipendenza! Indunaw kif jitkellem, kollha mossi ta’ Peppi Azzopardi, li hu ħabib tiegħu u li mistgħaġeb kemm iħobb il-lejber. Kos, Norman nesa kemm kien Laburist missieru, u dak iż-żmien meta kien jaħdem ma’ L-Orizzont u One TV meta l-Lejber kien kontra l-Ewropa. Jekk Norman jiġi elett jien naħlef li nbiddel ismi minn Poodle għal Norman.
Iftaħ ħalqek Lin!
Din il-ġimgħa jkollna nammettu li hija l-ġimgħa ta’ Lino Farrugia, l-eżekuttiv jew CEO tal-kakkaturi. Iva dan għajjar lil Bill Oddie b’li għandu u li m’għandux. Fosthom li għandu depression u kien suwiċidali. Issa jien ma nafx jekk Lino huwiex nisrani jew jekk jemminx b’Alla li ħalqu imma jekk le, mela nifhem għalfejn hu persuna aħdar u bla qalb u fuq kollox kattiv u kiefer. Lil Lino ngħidulu kompli, għax aktar ma tiftaħ ħalqek, iktar taqa’ għan-nejk!
No vote
Qed inħossni vera tajjeb li meta nħares lejn il-lista ta’ kandidati għal Brussell u l-paga tal-beati pawli, naf lil min mhux ser nivvota. Ħa naqsam ftit mill-ħsibijiet tiegħi: David Casa, le għax moħħu fil-parties u …, Fredu Sant għax mhux kredibbli, Norman Vella għax għandu wiċċu u s**** l-istess, Stefano Mallia għax għandu biżżejjed flus, Charlon Gouder għax aħjar joqgħod idoqq it-trumbun, Kevin Plumpton għax ismu taċ-ċajt, Ray Bugeja għax timmisjah il-partner, Cyrus Engerer għax mhux Laburist u ma ħaqqux paga aħjar minn tiegħi, Carmel Cacopardo għax Malta ma tistax tibqa mingħajrek u fl-aħħar iżda mhux l-inqas lil Norman Lowell għax postu f’xi ċentru ta’ detenzjoni mdawwar minn dawk in-nies li tant jobgħod.