Il-poodle
Kerha jsejħulek bla bajd! Kemm hu ħelu Roderick mal-baqra! Chris Fearne tgħidx kemm hu sabiħ u Ray Zammit għandu bżonn jitbissem ftit! Mid-dehra Joe Mizzi jħobb joqgħod id-dar u ma jħobbx ix-xemx!
Jekk tisma’ xi ħaġa interessanti għidhieli. Jekk tilmaħ lil xi ħadd interessanti ibgħatli ritratt bil-mowbajl.
Ibgħat imejl fuq [email protected]
Bla bajd
Le, kelma kerha, li tkun bla bajd. F’sens metaforiku ovvjament. Imma hekk qalu l-għaqdiet ambjentali meta kienu qed jirreferu għal Leo. Jaħasra mhux raġel ħażin tafux. Fi żmien in-nannu kienu jgħidulu Kurunell Click, għax serju imma bejnietna jekk hu bla bajd meta jiġi għall-ambjent mhux tort tiegħu imma tal-Prim li ġabu hekk. Għax bejnietna Leo għandu għal qalbu l-ambjent u ta’ madwaru. Ole!
Roderiku u l-baqra
Iva, Roderiku l-ħabib kbir tal-kakkaturi jieħu pjaċir jitma dawk l-annimali li fl-aħħar mill-aħħar għandhom ħafna xebh għal politiċi tal-ġurnata. Il-baqar bħal ma tafu huma annimali li ma tantx jibbrillaw. Iħobbu jiġru wara xulxin u ma tantx għandhom attività intelletwali. Ehh, mhux qed ngħid li Roderiku hekk, xejn affattu, fejn jaqbillu jkollu ħafna attività intelletwali imma fil-biċċa l-kbira jħobb jobdi l-ordnijiet fosthom dawk li jagħtih il-Prim. U fost dawn l-ordnijiet insibu li joħroġ ilsien ma jispiċċa qatt għal kakkaturi.
Is-sabiħ Chris
Ħa ngħidilkom kieku ma kienx għaż-żaqq kieku vera nsibu gustuż lil Chris Cardona. Le mhux qed ngħid għal Chris Fearne, dak gustuż ukoll imma jieħu l-affarijiet daqsxejn bis-serjetà wisq. Imma ridt nistaqsi dan Chris għalfejn kellu jidher fir-reklami tal-White Rocks. Lanqas fi Żmien il-Ħaġar ma konna naraw ritratt ta’ ministru. Immaġina lil Austin dak li għandu żaqq ikbar minn ta’ Cardona u jħobb jintefa’ Triq il-Merkanti kuljum ma’ xi ħbieb ma kien jagħmel hekk.
Daqxejn aktar umiltà mhux idea ħażina.
Ilma fuq rasu
Isimgħu ftit jekk tridu tidħku araw l-ice bucket challenge tal-Kummissarju Ray Zammit. Marija x’mistħija, ara vera hemm bżonn li jipprova jifhem li l-ħajja għandha ħafna dimensjonijiet fosthom li tidħak ftit. Hemm bżonn ukoll li meta xi ħadd jitfa’ l-ilma kiesaħ minflok ma jgħajjat qisu bassa għax ħa dehxa (qed nirreferi għal Edward Zammit Lewis) jgħajjat kemm se jagħti flus f’donazzjoni.
Joey Mizzi jħobb ix-xemx
Jien ma nafx imma Joey Mizzi, il-Ministru tat-Trasport joħroġ barra mid-dar? Għax jekk joħroġ barra kieku jinduna li l-biċċa l-kbira mill-bus stops huma kollha jew bla saqaf jew inkella fuq bankini li ma jeżistux. Jien nistiednu li jdur ma’ Malta u Għawdex u jara b’għajnejh, il-porkerija ta’ bus stops li hawn. Jekk tkun fortunat tispiċċa b’xemxata u wisq aħjar xi ħasla gratis.