Clint in-Nassab
Simon Busuttil għandu jieqaf jagħmel għaġeb, Lou Bondi vera miskin, u Clint kien nassab?
Iż-żewġ siġġijiet ta’ Xmun
Ieqfu tafux. Imma jaqbel li x-Xmun jieqaf milli jagħmel għaġeb kbir fuq id-deċiżjoni tal-imħallef Padovani Grima li l-PINNE għandhom jieħdu żewġ siġġijiet. Jiena ma nafx, imma kull darba li xi ħadd jitkellem fuq ir-riżultat tal-elezzjoni tal-2013, oqogħdu attenti, għax se nibdew naħsbu li fl-elezzjoni, l-aħħar elezzjoni, kien hemm xi tbagħbis fin-numri. Niftakru li l-kummissjoni elettorali ġiet imwaqqfa taħt gvern Nazzjonalista bi preżenza kważi omnipotenti ta’ Nazzjonalisti. Meta jitkellem fuq l-aħħar elezzjoni kulħadd jiftakar ħaġa waħda, it-tkaxkira ta’ 36,000 vot. Ħaġa li jaqbel li kulħadd jinsa.
Il-miskin Lou Bondi
Mela Lou Bondi qed jgħid li ġie ttradut mill-Partit Nazzjonalista. Miskin vera miskin. Żomm, għax se nibki. Miskin, dan Lou kemm għadda minn tbatija! Infatti jien minn hawn nixtieq ngħid li jien mhux nemmen lil Lou imma nemmen li Bondi kien vittma tas-sistema. Iva miskin qatt ma ħa xejn, qatt ma kien preferut, qatt ma kien fdat, qatt ma mexa ’l quddiem għax ma kienx kapaċi u qatt ma wera li kien jobgħod il-partit tal-Lejber. Infatti min jgħid li Bondi huwa bżieq u skużi ħara qed jigdeb. Min qal li kien koċċut Nazzjonalista huwa giddieb. Min jgħid li jaħseb li hu xi ħaġa huwa ħarraj. U min jgħid li jara biss il-flus huwa pulċinell. Infatti ħadna l-kumment ta’ żewġt iħbieb tiegħu; l-ewwel kien Joseph Muscat. Huwa qal “Jien nemmen li Lou għandu ħafna x’jagħti u nemmen li b’konsulenza tajba ġġibu fejn trid. L-ieħor kien Silvio Debono li stqarr “Jien lil Bondi nħobbu għax kien Nazzjonalista bħali u issa m’għadux. Bondi delivers u taf fejn qiegħed miegħu…” sakemm tħallsu tafux.
In-Nassab Clint
Kemm ħadt pjaċir nara lil Clint… insejt x’kunjomu f’Xarabank, Oheo, Oheo. Iva dak is-sindku Laburista li kien ġie elett fil-Qala. Kemm hu gustuż, hux? Twil, sabiħ, għajnejn skuri, ġisem inkalkulabbli... Sabiħ! Imma għandu problema waħda, iżomm mal-kaċċaturi u jgħid li huwa nassab. Issa żomm ftit, jien ma nistax nifhem kif Clint huwa nassab meta infatti n-nassaba li suppost kellhom liċenzja kienu fil-pussess ta’ liċenzja fl-2002. Iva fl-2002, meta Clint kien għadu ħalib ommu fi snienu. Get it.
Jekk tara xi ħaġa interessanti ibgħatuhieli. Jekk tara lil xi ħadd interessanti ibgħatli ritratt bil-mowbajl. Ibgħat lil [email protected]