Din il-ġimgħa fiċ-Ċinema
Aqra dwar il-films maħruġa din il-ġimgħa, minn Carmel Bonnici
The Accountant
Atturi Ewlenin: Ben Affleck; Anna Kendrick; J.K. Simmons; Jon Bernthal; Jeffrey Tambor; John Lithgow
Direttur: Gavin O'Connor
Maħruġ minn KRS Releasing
Cert: 15
Tul: 128 min
‘The Accountant’ jiżvolġi fi thriller tassew imħarrek, b'andament splussiv fejn il-karattru prinċipali, skrivan li jeċċella fil-matematika, mhuwiex dak li jidher li hu. Christian Wollf [Affleck], li jaħdem baxx baxx bħala skrivan għal rasu, hu aktar intiż fin-numri milli fin-nies. Hu qed iżomm il-kontijiet għal xi wħud mill-aktar organizzazzjonijiet perikolużi fid-dinja. Id-dipartiment tat-Teżor li jinforza l-liġi kontra l-kriminalità mmexxi minn Ray King [Simmons], qegħdin jistudjaw il-mossi tiegħu. Christian jaċċetta xogħol ma’ kumpanija ta' robotika avvanzata, ażjenda leġittima. Meta Dana Cummings [Kendrick], skrivana tiskopri diskrepanza ta' miljuni ta' dollari u Christian jibda jistħarreġ, l-irwiefen kollha jduru kontriehom u l-vittmi se jkunu ħafna. ‘The Accountant’ jista' jitqies ukoll bħala xogħol ta' azzjoni u studju ta' karattri. Il-personalità ta' Christian hi waħda kumplessa; mid-dehra jidher bniedem ta' għalih waħdu, kwiet u riservat, imma sa fejn jista' jasal, ħadd mill-avversarji tiegħu ma jobsor. Spjegazzjoni ta' dan nehduha waqt l-iżvolgiment tal-istorja, fil-flashbacks ta' meta kien tifel ma' ħuh u missieru ta' dixxiplina militari. Fuq kollox, fl-istorja niltaqgħu ma' personaġġi oħra li mhumiex ta' min jafdahom. Waqt li Anna Kendrick tassew dehret promettenti u simpatika f'‘Up In The Air’ [2009] li kważi ddominat lil George Clooney, issa reġgħet sabet l-irwol xieraq għaliha.
____________________________________________________________________________________________
A street cat named Bob
Atturi Ewlenin: Luke Threadaway; Ruta Gedmintas; Joanne Froggett; Anthony Head.
Direttur: Roger Spottiswoode
Maħruġ minn KRS Releasing
Ċert. 12A
Tul: 102 min
Eżempju ta' kif direttur jaħdem film sempliċi, bi storja komuni u b'andament pjaċevoli, fejn l-udjenzi joħorġu aktar ferħana mit-teatru, hu ‘A Street Cat Named Bob’. Dan il-film li jirrakkonta l-istorja vera li tmiss il-qalb dwar ħbiberija mhux tas-soltu bejn żagħżugħ bla dar u qattus mitluq barra, hu bbażat minn fuq il-ktieb tant maħbub li nbiegħ bi kwantità ma' kullimkien. James Bowen [Threadaway] li jorqod fit-triqat ta' Londra, jaqla' xi ħaġa biex ikollu biex jitrejjaq billi jdoqq barra f'diversi postijiet. Żgur li qatt ma għadda minn rasu li f'din l-estremità tal-eżistenza tiegħu se jkollu jrabbi xi annimal. Però, meta sab qattus ġinġer [ta' kulur oranġjo] mitluq u ferut, messitu l-ħniena u ħadu miegħu. Wara li kkurah u semmieh Bob, dan l-annimal ma riedx jitlaq lis-sid ġdid tiegħu. Flimkien, dawn it-tnejn għaddew minn ħafna avventuri perikolużi, komiċi u diversi li ttrasformaw lil ħajjithom ħafna għall-aħjar. Dan kollu ġara mill-2007 'l hawn u fl-2012, Bowen qabbad lill-kittieb Garry Jenkins jikten "A Street Cat Named Bob" li sar bestseller f'ħafna pajjiżi. Warajh, ħareġ ktieb ieħor, ‘The World According To Bob’. Dan il-ġawhra ta' film hu addattat minn fuq dawn iż-żewġ volumi.
I. Daniel Blake
Atturi Ewlenin: Dave Johns; Hayley Squires; Briana Shann; Dylan Phillips Mckiernan
Direttur: Ken Loach.
Maħruġ minn KRS Releasing
Tul: 100 min
Ċert: 12 A
Il-polz tad-direttur Ken Loach dejjem ħabbat favur il-klassi tal-ħaddiema u tal-batuti, waqt li diversi films tiegħu tal-passat jixhdu dan. Flimkien ma' Paul Laverty, dak li jaddatta l-istejjer għal fuq il-liżar, f'din it-tnax-il kollaborazzjoni flimkien, din id-darba taw ħarsa sarkastika, inċiżiva, kif ukoll b'fil umoristiku lejn il-burokrazija anarkronista li teżisti fis-sistema soċjali Brittanika, li tbaxxi d-dinjità ta' dawk li jiġu bżonn tagħha, wara li jgħaddu ħajjithom jaħdmu onestament u jħallsu t-taxxi. Daniel Blake [Johns], armel ta' 59 sena minn Newcastle, dejjem ħadem bħala mastrudaxxa. Issa li sofra attakk ta' qalb serju u ma jistax jibqa' jagħmel dan ix-xogħol, għandu bżonn l-għajnuna finanzjarja mill-istat. Meta jkun qed japplika għal dan, id-destin ilaqqgħu ma' Kate [Squires], omm waħedha ta' żewġt itfal, minn Londra li ħadet flat fi Newcastle u li wkoll għandha bżonn din l-għajnuna finanzjarja. Dawn it-tnejn jinqabdu f'xibka ta' mistoqsijiet ta' bla sens u mili ta' formoli fejn l-għajnuna finanzjarja mid-dipartiment konċernat tal-gvern tidher remota ħafna. ‘I, Daniel Blake’ li għat-tieni darba rebbaħ lil Ken Loach il-premju Palma tad-Deheb fil-festival ta' Cannes, hu xogħol sinċier u topiku li jesibixxi diżilluzjoni. Tajbin ferm huma ż-żewġ protagonisti, speċjalment Hayley Squires, li fuq wiċċhom jidher biss sens ta' vulnerabbiltà, disperazzjoni u sofferenzi.