Bejn belt, bar u abbozzi
Serata ta' palk ħieles...itla' aqra, irreċta jew doqq
Jannar 2017 se jniedi sena ta’ palk ħieles għal Inizjamed. Nhar il-Ħamis 12 ta’ Jannar fis-7 u nofs, il-pubbliku ġenerali mistieden is-City Bar, il-Mosta, biex jaqra poeżija jew xi storja, jirreċta jew idoqq mużika oriġinali. Il-palk kollu tagħkom!
Kull ġeneru, kull lingwa u kull suġġett huma milqugħa. Kulma tridu tagħmlu, tiġu u tippruvaw! Din għandha tkun opporunità mill-aqwa għal dawk kollha li jixtiequ jaqsmu x-xogħol tagħhom u jieħdu r-reazzjoni tal-udjenza.
L-għan ta’ Inizjamed huwa li tiżviluppa kultura ta’ palk ħieles f’Malta u Għawdex. Sessjonijiet oħra bħal din saru l-Gżira, Wied il-Għajn, il-Qala u f’diversi mkejjen il-Belt. Din tal-Mosta se tkun l-għaxar waħda għal Inizjamed.
Il-mistieden speċjali tas-serata huwa l-poeta, rakkuntatur, performer tat-teatru u legatur, Glen Calleja. Calleja jikteb primarjament bil-Malti imma ppubblika poeżiji, esejs u stejjer qosra bl-Ingliż ukoll. Il-kitba ta’ Calleja ħafna drabi tesplora l-passaġġ mit-tfulija għall-irġulija u l-politika u l-perċezzjonijiet tal-maskulinità. Fil-poeżija tiegħu, ta’ spiss jirriċikla kitbiet oħrajn tiegħu bl-skop li joħloq forom ġodda.
Id-dħul u l-parteċipazzjoni huma bla ħlas. Għal iktar informazzjoni iktbu lil [email protected] jew [email protected].