Il-Ġużeppini Rabtin jiftħu l-bibien ta’ djarhom għall-festa
L-ILLUM tinżel fit-toroq Rabtin waqt li l-fratelli tal-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp kienu qed iħejju t-toroq għall-festa
Jekk illejla tkun ir-Rabat u tinnota d-djar miftuħa u n-nies deħlin u ħerġin, tajjeb tkun taf li din hija tradizzjoni unika marbuta mal-festa ta’ San Ġużepp.
Il-gazzetta ILLUM niżlet fit-toroq Rabtin u tkellmet ma’ Adrian Zahra, fratell tal-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp li huwa responsabbli mill-Kummissjoni Festa Esterna fi ħdan l-istess fratellanza, liema Kummissjoni din is-sena qed tagħlaq 175 sena.
Zahra tkellem magħna dwar dawk il-partikolaritajiet li jagħmlu l-festa esterna ta’ San Ġużepp tar-Rabat unika u fost dawn semma l-fatt li l-Ġużeppini Rabtin, l-aktar dawk li joqogħdu madwar il-knisja Franġiskana, waqt il-marċ tal-aħħar tat-Tridu u waqt il-marċ magħruf tas-siegħa, jiftħu l-bibien tad-djar tagħhom għal sħabhom Ġużeppini u joffrulhom ikel u xorb.
“Il-bibien ikunu miftuħa mhux biss għall-bandisti. Jekk int Ġużeppin u ma tidħolx, kważi kważi jieħdu fastidju. Bilfors trid tidħol,” qalilna Zahra. “Għall-festa tista’ titla’ bla flus u xorta toħroġ fis-sakra,” kompla jgħidilna bi tbissima.
Komplejna nitkellmu dwar il-festa esterna għax ta’ min ifakkar li għall-kuntrarju ta’ dak li jiġri f’lokalitajiet oħra, l-organizzatur tal-festa esterna mhijiex xi għaqda mwaqqfa apposta jew inkella l-każin, iżda l-Arċikonfraternità nnifisha. Fil-fatt, anke l-armar fit-toroq huwa proprjetà tagħha.
“Ovvjament naħdmu id f’id mal-Għaqda Mużikali L’Isle Adam u anke mal-Għaqda tan-Nar 19 ta’ Marzu,” kompla jispjegalna Zahra.
Festa mżejna b’armar uniku u antik
Tkellimna dwar l-armar li matul dawn il-ġranet qiegħed iżejjen it-toroq Rabtin, b’Zahra jispjegalna li ħafna mill-armar ta’ din il-festa jmur lura mijiet ta’ snin.
Fil-fatt, semmielna l-armar li jżejjen Triq San Ġużepp u li din is-sena qed jagħlaq 100 sena.
Meta għandek armar antik, trid tieħu ħsieb li tirrestawrah u żżommu fi stat tajjeb biex jibqa’ jitgawda. Zahra spjegalna kif it-tir tal-Arċikonfraternità huwa li tirrestawra l-armar f’din it-triq, proġett li se jiġi jiswa madwar €40,000.
Fost armar ieħor li jagħmel din il-festa rikka, Zahra semma l-ark trijonfali, li ftit huma l-festi Maltin li għandhom bħalu u ż-żewġ pilandri kbar li jintramaw quddiem il-knisja. Ta’ min jinnota li dawn il-pilandri huma mżejna bit-tazzi tal-ħġieġ ikkulurit għax fl-imgħoddi kienu jinxtegħlu biż-żejt.
Apparti d-drapp ġdid li sar matul l-aħħar snin, Zahra qal li min se jżur ir-Rabat se jinnota wkoll li s-sitt pedestalli ta’ quddiem il-Knisja saru mill-ġdid bi tnejn minnhom lesti miż-żebgħa u anka l-induratura.
Jekk wieħed idur dawra mat-toroq dojoq u mserrpa tar-Rabat jinnota l-armar uniku li jżejjinhom, fosthom arkati żgħar tal-injam u anke linef ċkejkna tal-ħġieġ li jagħtu dehra mill-isbaħ lil din il-parti tar-Rabat.
L-armar u l-limitazzjonijiet tat-toroq
Tkellimna wkoll dwar diffikultajiet li jsibu biex jarmaw it-toroq, mhux biss minħabba l-maltemp iżda anke għax it-toroq Rabtin huwa xi ftit limitati.
“Mit-toroq li narmaw jgħaddu ħafna vannijiet tad-deliveries u mhux dejjem insibu koperazzjoni u nispiċċaw bil-ħsara,” saħaq Zahra waqt li fakkar li ħafna mill-armar huwa frott is-sagrifiċċji li jagħmlu ħafna voluntiera.
Fil-fatt tkellimna dwar l-assigurazzjoni tal-armar li jkollha tieħu ħsiebha l-Arċikonfraternità nnifisha.
“Fejn l-armar huwa ta’ każin, dan ikun jista’ japplika u jieħu fondi għax huwa rreġistrat bħala NGO. Għalina, li naqgħu direttament taħt il-Knisja, ma nistgħux. Tajjeb li anke frattellanzi u għaqdiet oħra li jorganizzaw il-festi, iżda li jaqgħu taħt il-knisja jew ordnijiet reliġjużi, jingħataw l-għajnuna wkoll” kompla jgħidilna Zahra.
X’sar ġdid din is-sena?
Għall-ewwel darba wkoll, wara nuqqas ta’ diversi snin, nhar it-Tlieta filgħaxija, se jkunu tliet baned u mhux tnejn li se jkompli jżidu mal-atmosfera sabiħa ta’ festa fit-toroq Rabtin.
“Kien hawn żmien fejn saħansitra kien ikun hawn sitt baned nhar San Ġużepp,” temm jispjegalna Zahra.
Apparti minn hekk, Zahra ġibdilna l-attenzjoni għall-fatt li għall-ewwel darba wara 15-il sena, il-faċċata tal-Knisja reġgħet qed tinxtegħel bil-bozoz.
“Hija ħasra li t-tradizzjoni li nixegħlu l-faċċati tal-knejjes fil-ġranet tal-festa qed tinqata’,” temm jgħid Zahra waqt li wera x-xewqa li lokalitajiet oħra li qatgħu din it-tradizzjoni jagħmlu bħalhom u jerġgħu jibdew jixegħlu l-faċċati tal-knejjes tagħhom.