Letteratura | Iżjed tifkiriet b’riħet il-folklor; Tislima lil Bamboċċu mingħand it-Terr’maxka
Fil-paġna tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Kevin Saliba jkompli jfannad fit-tifkiriet tiegħu mqanqla mill-folklor, b’mod partikulari mill-għana tradizzjonali Malti. F’din it-tislima lil Fredu Abela l-Bamboċċu – miġjuba lilu minn ġabra ta’ kitbiet akkademiċi dwar l-istudjuż Guido Lanfranco – Saliba jikkummenta b’ċerta nostalġija rigward studju partikulari tal-mużikologa Anna Borg Cardona li deher f’din il-ġabra. Intant Saliba jfakkar l-għarfien folkloristiku tal-Bamboċċu kif ukoll dik it-tislima aħħarija...
Għax tgħid dan l-aħħar donnu ġiet għall-folklor... jew aħjar għat-tifkiriet b’riħet il-folklor. Ftit tal-ġimgħat ilu fl-aħħar sibt biżżejjed ħin biex nifli iż-żewġ volumi etnografiċi tar-riċerkatur Steve Borg – Il-Maltin: Għemilhom, Drawwiethom, Ġrajjiethom – li jirrakkonta l-ħajja ta’ bosta Maltin u Għawdxin li twieldu fl-ewwel nofs tas-seklu għoxrin. Kif żgur jiftakru l-qarrejja ta’ din il-paġna ħadt ħsieb ukoll inġib dawn ir-riċerki għall-attenzjoni tal-pubbliku permezz ta’ riflessjoni dwar il-memorja kollettiva. Dakinhar ma naqsux ukoll – kif minn xi daqqiet jiġri jien u nikteb dwar dak il-ktieb jew l-ieħor – il-memorji personali, it-tifkiriet tal-imgħoddi.
Ftit jiem wara l-pubblikazzjoni tar-reċensjoni rigward il-ħidma ta’ Borg tħabbret il-mewt tal-etnografa Marlene Mifsud Chircop. U mill-ġdid: għaraft il-ħtieġa – dejjem bejn tifkira personali u oħra – li nfakkar il-ħidma tagħha u ta’ żewġha fir-riċerka folkloristika, b’mod partikulari dik dwar l-għana tal-fatt. Ftit jiem ilu, imbagħad, jien u nfittex qalb turrun kotba xi materjal bijografiku dwar id-drammaturgu Francis Ebejer, dlonk ġiet f’idi bla ħsieb ġabra bilingwi ta’ kitbiet akkademiċi rigward il-ħidma ta’ Guido Lanfranco – bijoloġista, studjuż tal-istorja naturali, lettur, xandâr u riċerkatur tal-kultura popolari Maltija, inkluża l-għana.
Kif aċċennejt fiż-żewġ artikli dwar Borg u Mifsud Chircop, wieħed mill-punti tat-tluq tal-interess tiegħi f’kulma jista’ jingħadd b’Malti kien proprju l-ambjent tal-għannejja, sewwasew il-każin tal-futbol tal-Fgura. Dik il-ħabta, voldieri fis-snin disgħin, il-każin kien mikri għand l-għannej Fredu Abela magħruf bħala l-Bamboċċu. Dan l-għannej Żabbari għadu sal-lum, bla ma rrid, ifeġġ quddiem għajnejja kull darba li b’xi mod jew ieħor nidħol f’kuntatt ma’ materjal dwar il-folklor Malti, l-iżjed l-għana, sintendi. (Ġieli jiġri l-istess meta nisma’ bl-isem Dom Mintoff, iżda dik storja għal darb’oħra.) Forsi għax ġaladarba n-nanniet irġiel tiegħi kienu laħqu miet tnejn qabel biss twelidt, kont infittex fih dak in-nannu li filfatt qatt ma kelli. (Bħalu hemm ‘nannu’ ieħor, did-darba mix-xaqliba ta’ Ġorġ Borg Olivier, iżda anke dik storja għal darb’oħra.) Għandu mnejn ukoll għax kien fost l-ewwel anzjani Maltin illi fi ċkuniti rabba fija n-namra mal-ilsien Malti u l-bżiegħ mit-telf tal-kelma.
Għaldaqstant segwejt b’interess kbir l-artiklu tal-mużikologa Anna Borg Cardona – It-Tradizzjoni tal-Għana u d-Daqq tal-Istrumenti fix-Xogħlijiet ta’ Juann Mamo – li huwa l-uniku kontribut miktub bil-Malti li nsibu fil-ġabra The Examined Life: Writings in Honour of Guido Lanfranco. Dan jagħmel parti minn kontribut li kienet tat matul il-Konferenza Juann Mamo li ttellgħet mid-Dipartiment tal-Malti tal-Università ta’ Malta bl-għajnuna tal-Ministeru għall-Edukazzjoni nhar is-26 ta’ Ottubru 2013. Fil-paper tagħha Borg Cardona teħodna – bħalma għamel Steve Borg fil-volumi etnografiċi tiegħu – daqs mitt sena ilu lura, sewwasew lejn il-bidu tas-seklu għoxrin. Fil-biċċa l-kbira tagħmel dan permezz ta’ żewġ kitbiet letterarji ta’ Mamo, voldieri l-poeżija L-Għannej Qormi u l-Għannej Żejtuni: Meta Morna tal-Mellieħa (1913) u r-rumanz Ulied In-Nanna Venut fl-Amerka (1930-31). L-istagħġib tiegħi jien u naqra dan l-istudju ġie mill-fatt illi lejn nofs is-snin disgħin kont sirt midħla tax-xogħol ta’ Juann Mamo proprju bis-saħħa ta’ dawn iż-żewġ kitbiet – sewwasew minn fomm il-Bamboċċu. Kienet l-hena tiegħu, l-iżjed meta l-kain kienu jitfaċċaw ċorma tfal “li ma jiggustawx il-għana”, li jinfexx jgħanni din l-istrofa partikulari li tikkwota Borg Cardona mill-poeżija L-Għannej Qormi...: “Mogħdija taż-żmien sabiħa / tinsab fostna l-Maltin: / meta nqabblu l-poeżija / fuq kitarra u pastardin”.
Għad illi kien jaf min kien Mamo, aktarx minħabba l-popolarità tar-rumanz Ulied In-Nanna Venut fl-Amerka, il-Bamboċċu ftit li xejn kien midħla tal-kotba. (Bħalma kien jaf bi Francis Ebejer minħabba d-dramm L-Imnarja Żmien il-Qtil.) Għandi nifhem li dawn il-versi ta’ Mamo kien tgħallimhom mingħand l-istudjuż tal-lessikografu de Soldanis illi fil-ħinijiet ta’ filgħaxija spiss kien ipoġġi l-każin – karattru importanti ħafna fil-formazzjoni bikrija tiegħi f’ħafna ħwejjeġ. Kien midħla ħafna, mill-banda l-oħra, ta’ bosta użanzi strumenti u użanzi antiki li ssemmi Borg Cardona fil-kontribut tagħha għall-ġabra ta’ kitbiet dwar Guido Lanfranco. Kważi ma hemm xejn fil-kontribut tagħha li ġieli ma smajtx dwaru mingħandu: l-għajta sfurzata u b’leħen għoli bl-id mal-widnejn jew mal-ħaddejn tal-bejjiegħa u tal-għannejja, in-nies iqabblu u jitħaddtu bejniethom bil-għana, “l-għana tal-banju” tan-nisa waqt il-ħasil tal-ħwejjeġ fil-għajn tal-ħasselin, il-ġlied li minn daqqiet kien jinqala’ bejn l-għannejja kaġun tal-botti u r-risposti niggieża, l-għana fil-Mellieħa fil-festa tal-Vitorja, fil-Buskett fl-Imnarja u f’Marsaxlokk f’nhar San Girgor, il-flejguta, il-pastardin, l-organetti, il-konċentrini, “il-kitarri jdoqqu fuq is-sol”, il-prejjem u l-burduni. Min jaf għaliex, li “lil wieħed minn sħabi kien fettillu jlaqqmu ‘Burduni’. Niġu f’dan naħlef li smajtu bosta drabi jsemmi – saħansitra – il-kelma dubjuża “antermaċċa”. Borg Cardona tispekula li fis-sew aktarx din il-kelma kienet tirreferi għat-terramaxka – il-laqam li ġieli kien isib bih proprju lili għax “qisek kaxxa tad-daqq”, daqqa għax ġieli kont neħodlu rasu ndoqqlu l-Pink Floyd, daqqa wkoll għax meta darba fil kien jeħel f’xi rima ġieli kien jiġi jistaqsi lili. “Ħallik miż-żoċċ ta’ pinkfloj’, ara ssiblix naqra dir-rima, Terr’maxka! Riħ b’riħ jerbaħ il-Master!”
Dwar Fredu Abela l-Bamboċċu kont ktibt artiklu tassew imqanqal fil-ġurnal l-orizzont ftit jiem wara mewtu, proprju lejn tmiem l-2003. It-tifkiriet li qed inħażżeż hawnhekk illum – miġjuba f’moħħi minn din l-inzertatura tas-sejba tal-ġabra ta’ kitbiet dwar Lanfranco – huma biss ftit farkiet minn storja twila t’għaxar snin kumpannija. Għalissa għandu mnejn jaqbel inħalli ’l dal-memorji rieqda – rieqda bħal bosta tradizzjonijiet tagħna li ormaj m’għadhomx daqstant moda. Rigward dan xi darba għad ngħid iżjed lil neputija tiegħu li żmien ilu ressqitli proposta dwar proġett adunur il-Bamboċċu.
Il-folkor forsi jmut iżda le l-memorji. Il-memorja kollettiva forsi tgħaddi iżda dik personali ma tgħaddix. Bħal dik il-għodwa meta wara lejl tbahrid f’Paceville irqadt f’tal-linja u minflok il-Fgura stenbaħt maħsud quddiem il-bandli ta’ Ħaż-Żabbar, proprju fil-waqfa ta’ bi dritt mafkar tiegħu. Jew bħal dik il-għodwa, ftit ġimgħat qabel, meta jien u tiela’ t-telgħa tal-Union Press fil-Marsa nilmħu jsellimli huwa u jsuq riħ lejn Ħal-Luqa – dakinhar kien sellimli bis-serqa... u għall-aħħar darba.