Letteratura | It-Tawmaturgu; Mill-ħmura ta’ filgħaxija għall-ħmura ta’ filgħodu
Fil-paġna tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ta' din il-ġimgħa Kevin Saliba jiftaħ djalogu mal-kittieb tal-fantaxjenza Malti Mark-Anthony Fenech. Id-diskussjoni tiffoka fuq ir-rumanz tiegħu It-Tawmaturgu. Qabelxejn Saliba jistaqsi lill-awtur rigward il-ġejjieni possibbli ta’ dan il-ġeneru fil-letteratura tagħna. Imbagħad ifannad fid-diversi temi ewlenin tar-rumanz, bħall-kundizzjoni dejjem problematika tal-bniedem, it-twemmin fil-progress uman, l-inevitabbiltà tad-dekadenza fl-istorja ta’ kull ċiviltà u d-destin spiss kiefer tal-eroj li jittantaw idawlu lill-bnedmin billi joħorġuhom mill-għerien tal-illużjoni. Min-naħa tiegħu Fenech iwieġeb billi jgħidilna kif – fid-dawl ta’ dan kollu – biħsiebu jgħaddi mill-ħmura ta’ filgħaxija għall-ħmura ta’ filgħodu... u forsi wkoll mbagħad lura, bil-kontra..
K.S.: Nistgħu ngħidu li l-ġeneru tal-fantaxjenza fil-letteratura tagħna għadu fl-infanzja tiegħu. Kienet xi ħaġa rari, qabel il-pubblikazzjoni tar-rumanz tiegħek It-Tawmaturgu fl-2017, li joħroġ xi ktieb validu f’dan il-ġeneru. Madankollu, minbarra r-rumanz tiegħek, għall-kategorija tar-rumanzi tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb tal-2018 tressqu żewġ rumanzi fantaxjentifiċi oħra. Terġa’ u tgħid tnejn minnhom, fosthom tiegħek, intagħżlu bħala finalisti u wieħed minnhom, voldieri Rokit ta’ Loranne Vella, saħansitra rebaħ il-Premju. Laqtitni wkoll il-varjetà tat-tliet rumanzi inkwistjoni: minn narrattivi post-apokalittiċi s’oħrajn, bħal dan tiegħek, li tnebbaħ minn għejun iżjed mhux tas-soltu bħal-letteratura u l-logħob tal-Warhammer u x-xogħlijiet ċinematografiċi bħal Star Trek u Star Wars. Kif tispjega did-daqsxejn ta’ splużjoni? U taħseb li b’mod ġenerali dan kien biss il-bidu? Jew din fil-biċċa l-kbira kienet biss fażi?
M.F.: L-idea wara It-Tawmaturgu bdiet bit-teżi tal-Masters fit-Traduzzjoni meta ttraduċejt xi siltiet mir-rumanzi Soul Hunter ta’ Aaron Dembski-Bowden u Prospero Burns ta’ Dan Abnett għall-Malti. Qabel ma kinitx tgħaddili minn moħħi li nikteb rumanz fantaxjentifiku bil-Malti. Madanakollu jien u nikteb it-teżi rajt li dan jista’ jsir. Fil-kamp letterarju Malti dak iż-żmien kien hemm Meta Jaqa’ ċ-Ċpar ta’ Trevor Zahra, Magna Mater ta’ Loranne Vella u Ora ta’ Roman Païen. Ftit wara li bdejt nikteb It-Tawmaturgu John Bonello ppubblika r-rumanz Fil-Mergħat tal-Impossibbli: dik il-lakuna bdiet timtela bil-mod il-mod. Tajjeb li ngħid li Bonnello kien il-mentor tiegħi waqt li qed nikteb u li l-għajnuna tiegħu swiet mitqlu deheb, kemm għax huwa awtur stabbilit diġà u kemm għax huwa midħla tal-universi ta’ fantaxjenza bħal Star Wars u Star Trek. Ġaladarba xrobna mill-istess għejun seta’ jerfgħani minn xagħri milli nagħmel ċerta żbalji.
Spikka l-fatt li fl-2018, minn tmien rumanzi, kien hemm tlieta fantaxjentifiċi: It-Taár ta’ John Bonello, Rokit ta’ Loranne Vella u It-Tawmaturgu. Ilkoll ħadu angoli partikulari. Din il-varjetà kienet possibbli għax sa dak iż-żmien ftit li xejn kien hemm kotba ta’ fantaxjenza bil-Malti. Il-vantaġġ li tittanta timla lakuna f’letteratura hu li jkollok aktar libertà dwar ir-reġistri li trid toħloq – xi ħaġa li t-tlieta li aħna stajna nagħmlu. Mill-banda l-oħra kellna d-diffikultà li ma kienx hemm reġistri eżistenti li stajna nkomplu nibnu fuqhom u għaldaqstant ħtiġilna nibdew kollox mill-bidu.
Kif nispjega din l-isplużjoni? It-tlieta li aħna ridna nagħmlu xi ħaġa differenti fil-letteratura Maltija, it-tlieta li aħna nħobbu l-fantaxjenza. L-użu tal-Malti ma kienx ta’ xkiel, anzi l-fantaxjenza li ħloqna mdakkra mil-ilsien li qed inħaddmu. Nixtieq li ma kinitx biss fażi. Nixtieq li niktbu xogħlijiet oħra ta’ fantaxjenza u nixtieq li nebbaħna awturi oħrajn biex jiktbu fantaxjenza bil-Malti.
K.S: Fir-rumanz Il-Pesta (1947) Albert Camus jgħid illi “l-biċċa hi li lkoll niddejqu. Għaldaqstant ninxteħtu nrawmu d-drawwiet”. Jidhirli li dina l-osservazzjoni dwar il-kundizzjoni umana tgħodd għal kull żmien u epoka. Torbot ukoll mal-fenomenu – tant mistħarreġ mill-filosofija u l-psikoloġija – tal-aljenazzjoni. Tgħodd ukoll għan-narrattiva tiegħek, l-iżjed meta tqis l-istat mentali tal-umanità li tiddeskrivi fir-rumanz It-Tawmaturgu. Kif irrimarkat Melisande Aquilina f’intervista miegħek għall-ġurnal The Times of Malta, “il-bnedmin imdejqin. Jippruvaw minn kollox biex iħossu xi ħaġa – il-vjolenza, l-isport, is-sess addoċċ, sustanzi alluċoġeniċi applikati bir-reqqa, u dan jenfasizza l-fatt illi forsi l-ġejjieni mhux differenti mill-mument tal-lum”. Aquilina rrimarkat ukoll, bħalma ġieli għamilt int f’diversi kummenti oħra li tajt dwar dan ir-rumanz, illi l-karattru l-prinċipali – l-eroj, biex insejħulu hekk – huwa individwu b’sisien sodi fil-letteratura u fil-mitoloġija. Interpretazzjoni possibbli ta’ dan il-karattru mistħajjel – l-iżjed jekk nanalizzawh fil-kuntest partikulari tiegħu – hija li dawn il-ħwejjeġ huma r-risposta għad-dekadenza u għad-degradazzjoni taċ-ċiviltà. Inkun korrett jekk ngħid illi din hija d-djanjożi tiegħek għal diċ-ċiviltà tagħna?
M.F.: F’Pale Blue Dot Carl Sagan jgħid “For all its material advantages, the sedentary life has left us edgy, unfulfilled.” M’inix qiegħed ngħid illi qabel konna aħjar jew illi llum tlifna l-valuri. Ksibna affarijiet mentri tlifna oħrajn. Dawk li għalija huma valuri miksuba mhux bilfors l-istess għal ħaddieħor u viċiversa. L-istennija tal-għomor illum hija aktar minn dik passata, il-mediċina għamlet passi ta’ ġgant, it-teknoloġija li għandna tippermettilna nitkellmu ma’ xi ħadd ieħor minn-naħa l-oħra tad-dinja. Sirna aktar konxji u tolleranti rigward orjentazzjonijiet sesswali differenti, konxji mill-kruha tar-razziżmu. Mill-banda l-oħra qed nitbiegħdu mill-kuntatt dirett man-natura, il-frakass ambjentali li qed iseħħ qed jivvelena l-istess ambjent li ngħixu fih – il-lista tkompli.
Id-dwejjaq tal-bnedmin, kif ippreżentat f’It-Tawmaturgu forsi mhuwiex ikkaġunat minn xi dekadenza partikulari. Is-sitwazzjoni hi li anke fil-kumdità tagħha l-umanità tħossha skomda, mingħajr enerġija u entużjażmu, bħal xini maqbud f’nofs baħar mingħajr riħ. Veru, hemm l-għatx għall-estażi, iżda fl-istess waqt il-bnedmin maqbudin f’ċirku ta’ kumdità.
Waħda mill-premessi ta’ It-Tawmaturgu hija l-ħolqien ta’ alla artifiċjali, is-superuman bil-virtujiet tal-umanità magħġuna fih. Sintendi jekk se tamplifika l-virtujiet se tamplifika wkoll id-dnubiet. Din xi ħaġa li se nittratta aktar dwarha fit-tieni ktieb. Bin il-bniedem f’dan is-sens huwa litterarju, u tissuġġerixxi l-idea li l-bniedem ħoloq lil Alla. Aktar milli risposta għad-dekadenza, il-ħolqien tal-protagonist huwa xprun biex l-umanità tinqala’ minn din il-kumdità u toħroġ mill-għar u tesplora – stedina għal qawmien kbir. Jista’ jkun bħal Mosè? Jew forsi aktar bħall-flawtista ta’ Hamelin? Dik xi ħaġa li għadni rrid niskopri fit-tieni ktieb.
K.S.: Interessanti ferm l-isem tar-rumanz: It-Tawmaturgu. Qegħdin nitħaddtu dwar persuna li tagħmel l-għeġubijiet. U forsi minn banda dan huwa titlu propizju għaliex akkont għadd t’aspetti lingwistiċi u letterarji li jsawru dan ir-rumanz għandhom mill-għeġubijiet. Qed nirreferi b’mod partikulari għall-morfoloġija u għal-lessikografija. F’dan ir-rumanz ħloqt ħemel ta’ termini u neoloġiżmi ġodda. Għandi nifhem illi qabelxejn din kienet ħtieġa massima sabiex tinseġ narrattiva f’ġeneru letterarju lokali kważi ineżistenti. Il-kittieba li jidħlu f’territorji ġodda ma jistgħux jgħaddu mingħajr dan. Nissusspetta wkoll li dan għamiltu biex tagħti prova li l-ilsien Malti – almenu f’idejn kittieba mgħallmin – kapaċi jadatta għal dawn l-esiġenzi bħal kull lingwa oħra. Ngħid is-sew din għalija kienet waħda mill-motivazzjonijiet illi kienu ħeġġewni nippersisti fil-ħolqien ta’ termini ġodda f’diversi oqsma, l-iżjed fix-xjenza medika u fil-filosofija. Abbli mhux kull terminologu jagħżel l-istess proċessi sabiex iwettaq dat-tusigħ lessikali: dan jiddependi ħafna mill-ġeneru u l-kuntest tat-testi inkwistjoni. X’kien il-proċess li ħaddimt tul dan l-eżerċizzju assidwu?
M.F.: Minħabba li l-ġeneru lokali tal-fantaxjenza kien kważi ineżistenti kelli bilfors noħloq termini ġodda biex nimla l-vojt u nibni reġistru. Il-Malti huwa malleabbli biżżejjed u għandu l-mekkaniżmi meħtieġa biex jinħolqu termini ġodda. Il-metodu li użajt biex noħloq dawn in-neoloġiżmi kien li nirreplika l-istess proċess ta’ kif kelma tidħol fl-ilsien Malti. Pereżempju “lażerun” – kanun tal-lażer – tinduna li huwa xi ħaġa kbira mis-suffiss –un. Ridt ukoll li l-kliem ma jkunx fih xi wisq sillabi u jiġi goff biex jitlissen, l-iżjed għax għandna ħabta nqassru l-kliem meta nitħaddtu. Barra minn hekk ħallejt il-kuntest jispjega l-kelma bla ħafna indħil min-naħa tiegħi. Ħu mill-kelma “qawwun”. “Erba’ mekanijiet ta’ daqs medju kienu mmexxija minn qawwun akbar minnhom fin-nofs. Il-kanuni mmuntati fuq spallejhom u dirgħajhom...” Tinduna mill-kuntest li qawwun huwa inġenju kbir tal-gwerra.
Neoloġiżmi oħrajn kienu pjuttost faċli biex jinħolqu. Eżempju: “vertiport” – port vertikali għall-inġenji spazjali u tal-ajru. Oħrajn kienu jeħtieġu ftit aktar ħsieb u riċerka, bħall-kelma “spinturi” li ħloqt għal thrusters. L-idea hija li spintur jagħti spinta, dik l-imbotattura sabiex vettura tinqala’ minn ma’ moll, iżżomm il-pożizzjoni tagħha f’orbita. Hawnhekk erġajt ħallejt il-kuntest jispjega: “ħallew l-irmiġġi tagħhom u bl-ispinturi mixgħula bdew jinqalgħu mill-orbita”. Il-kelma maħluqa riedet tagħmel sens billi tinbena minn kliem eżistenti li jiġi applikat f’kuntest ġdid.
Neoloġiżmu ieħor ġej miċ-Ċiniż u relatat mal-ikel – “ġjawżiet” ġej minn 餃子 jiǎozi. Hawnhekk, għal darb’oħra, ħallejt il-kuntest jispjega jew aħjar jagħti idea “...ħadet platt ġjawżiet u naqa soppa...” M’hemmx għalfejn tingħata deskrizzjoni dettaljata ta’ kull ħaġa – biżżejjed tkun taf li dawn huma oġġetti tal-ikel.
L-użu ta’ kliem arjkajku u barrani flimkien ma’ kliem ġdid li ħloqt għeni noħloq nisġa koerenti fir-reġistri. Kif semmejt fl-intervista ma’ Melisande Aquilina, il-preżenza ta’ vokabularju Semitiku u Romanz flimkien mal-influss ta’ kliem mill-Ingliż tani l-għodda meħtieġa biex noħloq dawn ir-reġistri.
K.S: Ejja ma ntellfux wisq mill-gost tal-iskoperta tan-narrattiva. Iżda tajjeb li jingħad li fost ix-xenarji mistħajla mressqa fir-rumanz insibu l-migrazzjoni tal-umanità fl-ispazju. F’dar-rigward laqtuni l-versi mis-silta Planet Caravan tal-Black Sabbath: “And so we pass on by / The crimson eye of great god Mars / As we travel the universe.” Donnu hawnhekk qed tipproponi risposta – soluzzjoni konkreta did-darba – għall-għawġ tagħna f’din id-dinja. Fl-intervista msemmija tiegħek stqarrejt illi fil-fond nett tabilħaqq tixtieq li xi darba dan iseħħ. F’dar-rigward ngħid għalija xettiku: qajla nifhem kif il-migrazzjoni tagħna fi pjaneti oħra tista’ qatt issalva lil bniedem minn xi ħaġa, l-iżjed minnu nnifsu. Ġaladarba fuq dil-pjaneta donnu għaxxaqniha bil-kbir, ftit li xejn hemm x’jindika li ma nagħmlux l-istess fi mkejjen oħra. Hu x’inhu, il-perspettiva tiegħek hija ferm ’il bogħod minn tiegħi. Bħalma ddiskutejt ma’ Rachelle Deguara matul l-intervista tiegħek għas-sensiela Taħt il-Qoxra, huwa sewsew dan illi ridt tfisser bis-sottotitlu idjomatiku Il-Ħmura ta’ Filgħaxija. Tidentifika elementi ta’ ħelsien u fidwa. Fl-istess intervejt aċċennajt għall-fatt illi s-sequel għal dan ir-rumanz li qed tħejji ser iġib is-sottotitlu, did-darba kuntrarju, Il-Ħmura ta’ Filgħodu. B’dan ridt tfisser illi issa, wara l-ħelsien, il-bniedem xorta waħda ser isib ruħu fil-problemi. Għal liem problemi qiegħed tirreferi? Forsi ’qas ħaqq il-kedda mela.
M.F.: Minnhom infushom il-bnedmin huma speċi migratorja. Ħarġu mil-Afrika u tkattru mad-dinja u komplew jitkattru sal-ġurnata ta’ llum. L-istorja tal-umanità mimlija b’nies li vvjaġġaw fi bnadi fejn ħadd minn nieshom ma kien ivvjaġġa qabel – Leif Erikson, Marco Polo, Ferdinand Magellan, Amerigo Vespucci – il-lista tkompli. Il-Griegi waqqfu kolonji mal-Mediterran, ir-Rumani bnew wieħed mill-akbar imperi ta’ żmienhom, il-Mongoli nfirxu mal-Asja. Illum il-ġurnata l-irkejjen fil-mapep fejn qabel kien hemm il-vojt imtlew, għandna mappa dettaljata ta’ wiċċ il-qamar, bgħattna sondi spazjali bħal Voyager 1 u 2 li ħarġu lil hinn mis-sistema solari. Dan ifakkarni f’dil-kwotazzjoni famuża minn Star Trek: “Space: the final frontier [...] To boldly go where no man has gone before!”. Din tixhed l-għatx li hemm biex l-umanità bħala speċi titla’ s-sema – u lil hinn minnu - bir-ruħ u bil-ġisem.
Sintnedi, kif għedt tajjeb inti, ftit hemm x’jindika li mhux se nirrepetu l-istess żbalji, li m’aħniex se nġorru d-dnubiet tagħna kull fejn immorru. Pereżempju l-kolonja ta’ Leif Erikson fl-Amerka ta’ Fuq ma qabditx art. Meta sekli wara l-Ewropej waslu fl-Amerka ta’ Fuq u t’Isfel ġabu l-mard u l-kunflitt u kkawżaw ġenoċidju. L-invażjonijiet ta’ Genghis Khan u t’uliedu kkawżaw miljuni ta’ mwiet fi gwerer. Madanakollu wara t-tellieqa spazjali li laħqet l-ogħla punt fl-inżul tal-Amerikani fuq il-qamar kien hemm spirtu ta’ koperazzjoni bejn kulħadd bit-twaqqif tal-Istazzjon Spazjali Internazzjonali. Hawnhekk naraw li meta l-bnedmin jaħdmu flimkien tista’ toħroġ xi ħaġa ta’ ġid. Nittamaw li fl-ambjent ostili tal-ispazju – bl-isfidi kbar ta’ akklimatizzazzjoni li se jiffaċċjaw l-ewwel bnedmin fuq Mars, jekk xi darba naslu hemm – ikun hemm dan l-ispirtu ta’ koperazzjoni. Tama ta’ xi ħadd baħnan u inġenwu? Jista’ jkun, forsi.
F’It-Tawmaturgu: Il-Ħmura ta’ Filgħaxija mexxejt dik l-idea ta’ tama, tal-umanità lesta biex toħroġ lil hinn mill-benniena tas-sistema solari. Fil-ktieb li jmiss, It-Tawmaturgu: Il-Ħmura ta’ Filgħodu se nikteb dwar din il-migrazzjoni li żgur se ġġib magħha sfidi enormi għall-bnedmin. Barra minn hekk, se jkun hemm id-dnubiet tas-soltu bħall-egoiżmu fil-qsim tar-riżorsi u n-nuqqas ta’ rispett għall-ambjent misjub. Hemm problema ewlenija oħra li se nittratta: meta l-bnedmin se iħabbtu wiċċhom mal-baħħ infinit tal-ispazju bix-xemx dejjem titbiegħed u ssir bħal kewkba kwalunkwe, dawn mhux bilfors se jkunu kapaċi jikkonċepixxu x’qed jaraw quddiemhom u jagħmlu sens minn ambjent ostili li ma jispiċċa qatt. Metru kapaċi nagħmlu sens minnu. Miż-Żejtun sal-Belt hemm għaxar kilometri. Mill-ajruport ta’ Heathrow f’Londra sal-ajruport ta’ John F Kennedy fi New York hemm mal-5540 kilometru u tmien sigħat bl-ajruplan. Dawn kollha distanzi li nikkonċepixxu tajjeb meta naħsbu dwarhom. Imma unità astronomika waħda li tfisser 149,597,870.7 km? Din hija biss sempliċement id-distanza medja bejn id-dinja u x-xemx. Aħseb u ara mbagħad mela jekk nibdew ħerġin aktar ’il barra, lejn Alpha Centauri, bil-galassja tagħha magħmula minn miljuni ta’ kwiekeb, iċ-ċirka 200 biljun galassja li nafu bihom s’issa. Id-distanzi tant huma kbar li jsiru biss statistika. Bit-teknoloġija preżenti nieħdu mal-mitt sena biex naslu s’Alpha Centauri li hi l-eqreb kewkba b’distanza medja ta’ 4.367 snin ta’ dawl (41,315,000,000,000 km). Kif se jirreaġixxu l-bnedmin quddiem dan kollu se tkun waħda mit-temi tal-ktieb li jmiss.
K.S: Fl-intervista msemmija ma’ Deguara rreferejt għall-allegorja tal-għar ta’ Platun – narrattiva t’eroj traġiku li jispiċċa ħażin għax jiskopri verità li ħaddieħor ma jistax iġerraħ. Il-kaġun tiegħu jkunu l-istess nies illi jittanta jeħles mid-dlam tal-illużjoni. Tul is-snin din in-narrattiva nebbħet bosta kittieba, ngħidu aħna Francis Bacon, Thomas Browne, H.G. Wells, Ray Bradbury u José Carlos Somoza. Fil-letteratura Maltija, għall-inqas safejn naf jien, dehret għall-ewwel darba fir-rumanz Leli ta’ Ħaż-Żgħir. (Qed niftakar dal-ħin ukoll – la ftit qabel semmejna l-mużika tqila – fil-prog suite ċelebri tar-Rush 2112.) Bosta drabi, għad illi mhux dejjem, dawn l-eroj jispiċċaw ħażin. Nistgħu nsegwu dan ukoll fin-narrattiva Kristjana. Fir-rumanz tiegħek, madankollu, dan l-eroj iseħħu jisboq u jvinċi fuq l-imgħoddi. Anke hawnhekk nagħraf element ta’ narrattiva Kristjana, l-iżjed fl-episodji li jirrakkuntaw il-qawmien mill-mewt ta’ Kristu. Għaldaqstant anke hawnhekk, minkejja kollox, fil-viżjoni tiegħek tirrenja ċerta pożittività. X’wassal għal din il-konklużjoni mhux wisq tas-soltu? Xi twemmin fil-progress uman? Tama li fl-aħħar mill-aħħar nerġgħu nsibu l-ħmura ta’ filgħaxija?
M.F: Ir-rumanz It-Tawmaturgu tnebbaħ minn diversi għejun, fosthom l-allegorija tal-għar ta’ Platun u n-narrativa Kristjana. Xogħol ieħor li nebbaħni kien A Canticle for Leibowtiz ta’ Walter M. Miller Jr fejn l-umanità tgħaddi minn ċiklu ta’ apokalissi nukleari għal rinaxximent u wara għal illuminiżmu teknoloġiku u mbagħad fl-aħħar għal possibbiltà ta’ bidu ta’ apokalissi ieħor. L-istess żbalji li saru eluf ta’ snin qabel, bażikament. Dinja oħra li nebbħitni kienet dik ta’ Warhammer 40,000: dinja distopika għall-aħħar bit-tema ewlenija ta’ gwerra dejjem għaddejja mifruxa fuq galassja bl-imperu tal-bnedmin jiġġieled sal-aħħar nifs.
Din iċ-ċerta pożittività ġejja mill-fatt illi l-protagonist huwa mnebbaħ minn Ġesù Kristu bħala l-messija artifiċjali – is-superuman maħluq biex imexxi l-bnedmin lil hinn mill-benniena tas-sistema solari u fid-dlam interstellari. Hemm dik l-idea ta’ tama fraġli, imma tama xorta waħda, ta’ sulfarina tixgħel u miżmuma bejn il-pali tal-id, it-tama li x-xemx ittajjar l-għabra tal-lejl. Barra minn hekk, u hawn abbli se noħroġ ta’ injorant, kelli ċertu nuqqas ta’ sodisfazzjoni bil-konklużjoni tal-allegorija tal-għar. Nifhem ovvjament il-punt tal-allegorija, però fil-fond ta’ qalbi dejjem xtaqt illi l-protagonist fl-allegorija joħroġ rebbieħ jew li almenu jasal jifdi lil niesu. John, il-protagonist fi Brave New World ta’ Aldous Huxley, jispiċċa ħażin wara li jipprova jqajjem lin-nies ‘mir-raqda’ tas-soma.
F’dan l-aspett tar-rumanz hemm dawn in-narrattivi għaddejjin f’daqqa. Fl-interpretazzjoni tiegħi tal-allegorija tal-għar fil-prologu hemm l-idea li semmejt qabel: il-bnedmin mhumiex kapaċi jikkonċepixxu l-enormità tal-ispazju. Madanakollu hemm ukoll il-viżjonarju li għadda mit-tiġrib – il-wied tad-dmugħ – avolja lil sħabu m’għenhomx, maqbud kif kien f’din it-turbulenza. Hemm l-aċċenn għall-mitoloġija Nordika u l-ġgant Ymir li jinqatel minn Odin, Vili u Vé u li mbagħad mill-fdalijiet tiegħu jissawwar il-kożmos. Spunt ieħor mill-mitoloġija Nordika huwa Ragnarok – sensiela ta’ avvenimenti apokalittiċi fejn wara tliet xtiewi tfaqqa’ gwerra kbira li fiha jmutu ħafna mill-allat. Madanakollu fl-aħħar, wara dawn id-diżastri, id-dinja terġà titwieled mill-ġdid u aħjar minn qabel.
Kif aċċennajt inti hemm dak it-twemmin personali fil-progress uman, li minkejja d-diżastri, minkejja l-ostakli, minkejja l-pandemonju se ssib it-tama kif kienet misjuba f’qiegħ il-kaxxa ta’ Pandora. Bħall-puġilista li nisimgħu dwaru fid-diska The Boxer ta’ Simon and Garfunkel: “the fighter still remains”.
K.S: “May the force be with you!”