Il-kantanti ma jridux jikkummentaw dwar it-tibdil tal-Eurovision
Wara t-tibdil fir-regolamenti tal-Eurovision ILLUM tkellem mas-CEO tal-PBS Anton Attard, ma’ żewġ segwaċi tal-Eurovision u mal-kantanti nfushom li s-soltu jipparteċipaw li iżda ma ridux jikkummentaw
Wieħed mill-avvenimenti li jiddominaw ix-xena mużikali Maltija ta’ kull sena hu l-Eurovision. Irridu jew ma rridux nammettuha, aħna poplu fanatiku u nħobbu l-Eurovision u l-ġenn li jġib miegħu f’pajjiżna, biss.
Ftit tal-ġimgħat ilu tħabbru r-regolamenti l-ġodda tal-Eurovision. Regolamenti li qanqlu reazzjonijiet differenti minn dawk li jsegwu l-festival iżda għal xi raġuni jew oħra l-kantanti li s-soltu nafuhom jipparteċipaw fil-festival, iddejqu jgħaddu l-kummenti tagħhom.
Fejn il-Eurovision f’Malta kien isir f’Jannar jew bidu ta’ Frar, issa mexa għal Novembru li ġej. Jiġifieri sitt xhur qabel isir il-Eurovision ta’ barra. Se jsir fl-istess post fejn ġimgħa qabel se jsir il-Junior Eurovision, fix-shipbuilding tal-Marsa, avveniment li fih se jkun hemm il-parteċipanti tfal minn madwar l-Ewropa. Regola li qalgħet l-ikbar polemika hija li minn din is-sena d-diska rebbieħa tista’ tinbidel kompletament.
Fi snin preċedenti d-diska rebbieħa seta’ jsirulha tibdiliet iżda minn din is-sena, diska rebbieħa tista’ tgħosfor u l-istess tim jerġa’ jagħmel waħda ġdida.
ILLUM staqsa lil Anton Attard, CEO tal-PBS rigward dawn it-tibdiliet fejn qal li r-raġuni ewlenija kienet biex ikun hekk aktar żmien biex isiru l-preparamenti meħtieġa għall-festival ta’ Mejju li se jsir fl-Awstrija. “Raġuni oħra kienet biex jintuża l-istess palk tal-Junior Eurovision fejn l-ispazju tal-post jippermetti li l-palk ikun iktar minn dak li mdorrijin bih is-soltu.”
Attard qal li f’perjodu daqstant twil ta’ sitt xhur se jiżguraw li d-diska u l-vidjo jkunu tal-aqwa kwalità u dan iż-żmien jagħti lok biex kollox jiġi ppjanat minn kmieni u l-maġġoranza tal-promozzjoni se ssir online.
Dan l-aħħar smajna xnigħat li kantanti stabbiliti li diġà rrappreżentaw lil Malta jaf jerġgħu jippruvaw għal dan il-festival. Fosthom hemm Ira Losco u Gianluca li ftit tal-jiem ilu ħarġu għidut li dawn jistgħu jagħmlu dwett.
Il-gazzetta ILLUM tista’ tikkonferma li dan mhux minnu. Ira tinsab verament imħajra li tipparteċipa f’din l-edizzjoni iżda jekk se tagħmel dan, se tagħmlu waħedha. Ira jaf qed terġa’ tikkunsidra dan il-festival hekk kif fis-snin li għaddew il-parteċipanti Maltin spiċċaw fi klassifiċi barranin, u forsi l-mira ta’ Losco hi li tinfiltra fi klassifiċi Ewropej.
Staqsejna lil Anton Attard dwar ir-regola l-ġdida li tista’ tinbidel id-diska rebbieħa. It-tweġiba tiegħu kienet “Fir-regolamenti minn dejjem kien hemm il-premessa li jista’ jsir tibdil fil-kanzunetta. Dan isir b’konsultazzjoni mal-kantant jew kantanta, l-awtur u l-kompożitur fejn jiġi stabbilit x’livell ta’ tibdil ikun hemm bżonn sabiex titjieb il-kanzunetta. Jista’ jagħti l-każ li ma jkunx hemm bżonn tibdil.”
Il-ġurnal ILLUM staqsa ammont ta’ kantanti li s-soltu narawhom jipparteċipaw f’dan il-festival dwar x’inhi l-opinjoni tagħhom dwar dan. Iżda l-kantanti ma ridux jgħaddu kummenti dwar it-tibdil. Ir-raġuni wara dan is-silenzju ma nafuhiex. Tkellimna ma’ Anton Attard u qalilna li m’hemm l-ebda raġuni għala l-kantanti għandhom joqogħdu lura milli jikkumentaw dwar dawn l-emendi.
B’hekk ħadna kummenti ta’ żewġ persuni li ilhom għal snin twal isegwu l-Eurovision u huma midħla ta’ dan l-avveniment u rajna ftit x’jaħsbu dwar dan.
“Il-polemika bħalissa qiegħda fuq żewġ fatturi - in-nuqqas ta’ żmien biex wieħed jipprepara l-kanzunetti u l-fatt li jista’ jkun li l-kanzunetta rebbieħa tinbidel kompletament sal-Eurovision.
Id-diżappunt li qed jinħass bħalissa fost dawk li huma midħla tax-xena tal-festivals hija li r-recording studios huma ppakkjati bil-bookings ta’ recordings ta’ kanzunetti. Dan seħħ peress li l-aħbar tad-data tal-għeluq tas-sottomissjonijiet ħasdet lil kulħadd.
L-argument ewlieni ta’ dawk li tkellimt magħhom huwa li ladarba l-PBS kien jaf li se juża l-palk tal-Junior Eurovision għall-Malta Eurovision għaliex ma ħabbarx din f’Mejju li għadda u kien jagħtina ċans biżżejjed biex nibbukkjaw l-istudios u naħdmu bil-pass tagħna għall-kanzunetta li se nibagħtu?
Il-fattur l-ieħor huwa r-regolament li l-kanzunetta rebbieħa tista’ tinbidel kompletament sal-Eurovision, bi qbil mal-kompożitur u l-awtur rebbieħa. Ikolli nammetti li dan ir-regolament ma jdejjaqni xejn għall-fatt li l-kompożitur u l-awtur rebbieħa xorta waħda se jibqgħu jiffurmaw parti mit-tim li jirrappreżenta lil Malta fil-Eurovision. Fil-fatt rajna affarijiet simili jseħħu minn bosta pajjiżi oħra li jieħdu sehem fil-Eurovision. Tant idumu jirfinaw fil-kanzunetta rebbieħa li fuq il-palk tal-Eurovision nispiċċaw nisimgħu verżjoni totalment differenti tal-istess kanzunetta li tkun rebħet. Ħafna drabi din tkun verżjoni ferm aktar b’saħħitha u li tikseb pożizzjoni tajba.
Minkejja dan kollu jien ma nqisx li dan it-tibdil kollu huwa xi wieħed radikali. Bidla radikali kienet tkun li kieku ntgħażlet il-kantanta b’mod intern mill-PBS mingħajr ħtieġa ta’ festival - bħal ma sar fil-każ tal-Junior Eurovision sentejn fuq xulxin.”
“It-tibdil fir-regoli ġab miegħu ħafna problemi tekniċi, speċjalment dawk relatati ma’ ħin ta’ kitba, u produzzjoni. Il-perjodu qasir li fih il-kantanti, u l-kittieba tal-kanzunetti jridu jippreparaw huwa wieħed diżappuntanti, speċjalment meta l-għan huwa li l-prodott finali jkun wieħed b’saħħtu.
Huwa propju minħabba dan il-fatt li l-istazzjon nazzjonali implimenta regola li tgħid li l-kanzunetta rebbieħa tal-Malta Eurovision Song Contest tista’ tinbidel. Personalment, jiena naħseb li l-idea hija tajba però l-poplu inġenerali jaf jagħżel pakkett u fl-aħħar jiġi rrappreżentat minn pakkett ieħor, u dik taf tkun problema. Il-poplu hemm barra ma jifhimx l-għan ta’ din ir-regola u jara biss deċiżjoni li tmur kontra r-rieda tiegħu. Intant, regola oħra ġdida li naqbel magħha hija li kull parteċipant irid jissottometti kanzunetta li mhux oriġinali sabiex il-ġurija tanalizza l-vuċi bl-aħjar mod possibbli. Għalkemm fil-verità l-fażi live kellha l-istess irwol u jaf wieħed jasal fi stat fejn l-arranġamenti fl-istudjo jkunu wisq sfaċċati. Personalment nemmen li n-numru rekord ta’ sottomissjonijiet li kien hemm din is-sena mhux se jintlaħaq, bir-raġuni bażika jkun iż-żmien iżda l-kwalità jaf tkun hemm.
Iż-żmien jagħti parir.”