Films fiċ-ċinema għal din il-ġimgħa

Il-films tal-ġimgħa minn Carmel Bonnici

TROLLS

Vucijiet Ewlenin: Anna Kendrick; Justin Timberlake; Christopher Mintz-Plasse; Russell Brand; Zooey Deschanel

Direttur: Mike Mitchell

Maħruġ minn KRS Releasing 

Tul: 87 mins

Cert: U

Trolls huma esseri ta' kull qies u forma, minn ġganti kbar sa kreaturi żgħar, li naqraw fuqhom fil-mitoloġija Skandinava. Fil-film ‘Song Of Norway’ dwar il-kompożitur Edvard Grieg, insibu sekwenza mużikali b'dawn l-esseri. ‘Troll Hunter’, film Norveġiż, kummiedja oskura, appuntu jirrakkonta kaċċa għal dawn il-kreaturi mitici. Oriġinarjament, it-Trolls kienu meqjusa bħala speċi li jbeżżgħu u anki koroh ħafna, però wara, minn xi erbgħin sena ilu 'l hawn, saru s-simbolu ta' hena u ottimiżmu. Mill-produtturi tas-sensiela profitabbli ‘Shrek’, jasal il-film animat ‘Trolls’ li jieħu lill-udjenzi f'dinja fantastika, ikkulurita, fejn jgħixu dawn il-ferrieħa li ċ-ċaqliq tagħhom jixbah liż-żfin movimentat u minn xufftejhom dejjem ħierġa xi kanzunetta melodjuża.  Il-familja Bergen li huma pessimisti u komiċi fl-istess waqt, jinvadu l-villaġġ tat-Trolls biex jaqbduhom u jiekluhom. Poppy [vuċi ta' Kendrick], l-aktar waħda ferrieħa minn dawn il-kreaturi, u l-gergieri Branch [Timberlake], li ma jafda lill-ħadd, jitilqu fuq vjaġġ biex isalvaw lil sħabhom. Jekk jixtiequ li l-missjoni tagħhom tirnexxi, it-tnejn li huma jridu jittolleraw sewwa lil xulxin. ‘Trolls’ għandu andament mexxej u ġenjali li tassew għandu jissodisfa liż-żgħar u lill-familji, b'diversi kanzunetti popolari ta' bejn is-snin sittin u tmenin irranġati u kantati mill-atturi stess li sellfu l-vuċi tagħhom lill-personaġġi animati.

 

KEEPING UP WITH THE JONESES

Atturi Ewlenin: Zach Galifianakis; Isla Fisher; Jon Hamm; Gal Gadot

Direttur: Greg Mottola

Maħruġ minn KRS Releasing

Cert: 12A

Ħadd ma jrid ikun agħar minn ħaddieħor, speċjalment meta l-ġirien ikunu nies li jagħtu l-impressjoni ta' lussu, kariżma u sofistikazzjoni. Din il-fissazzjoni tista' ġġib ammirazzjoni u xi kultant, anki xi għira u mibgħeda. F'‘Keeping Up With The Joneses’, koppja ordinarja li jgħixu f'subborg ta' belt kbira jiskopru li verament mhux faċli li jlaħħqu mal-attitudni u stil ta' ħajja ta' koppja ġirien ġodda. Wara ħdax-il sena żwieġ, Jeff Gaffney [Galifianakis] u martu, Karen [Fisher] issa bit-tfal tagħhom f'kamp tas-sajf, isibu ruħhom diżillużi u jixtiequ jgħaddu aktar ħin flimkien biex l-attrazzjoni ta' bejniethom terġa' titkebbes. Din il-ħaġa ma tidhirx li se sseħħ meta l-immaġinazzjoni fertili ta' Karen tiffoka fuq il-wasla għal għarrieda ta' Tim Jones [Hamm] u martu, Natalie [Gadot], tassew par eleganti, li kapaċi jieħdu l-aħjar milli toffri l-ħajja. Waqt li Jeff isir ħabib ta' Tim, u Karen tintilef wara l-glamoruża Natalie u din il-ħbiberija tissaħħaħ, il-Gaffneys isibu ruħhom f'ċentru ta' intrigu qawwi u spjunaġġ internazzjonali. ‘Keepin Up With The Joneses’ jurina li mhux kull ma jleqq hu deheb, mhux kull aspettazzjoni tiżvolgi kif noħolmuha u li l-ħajja normali u sempliċi hi l-aktar addattata għall-kuntentizza tal-individwu.  Din il-produzzjoni hi kummiedja b'xi azzjoni u sitwazzjonijiet oħra ta' qtigħ il-qalb.

 

THE COMEDIAN'S GUIDE TO SURVIVAL

Atturi Ewlenin: James Buckley; MyAnna Buring; Paul Kaye; Tim McInnery

Direttur: Mark Murphy

Maħruġ minn Side Street Films, Eden Cinemas

Tul: 106 min

Cert: 15

Fenomenu ta' dawn l-aħħar għoxrin sena jew ftit aktar hu x-xogħol ta’ dawk imsejħa stand-up comedians - dawk li jitilgħu fuq il-palk, bil-wieqfa, biex jippruvaw idaħħku lill-udjenzi b'ħafna ċajt goff jew doppju sens, kif ukoll ġieli joffendu. Wieħed minn dawn il-kwalità ta' films ta' livell aħjar minn normal kien ‘Punchline’ tal-1988 b'atturi popolari bħal Tom Hanks u Sally Field, żewġ kummidjanti prinċipjanti li jitilgħu fuq il-palk bħala antagonisti u jippruvaw jissuperaw lil xulxin billi jdaħħku u jumiljaw lill-pubbliku. Dan il-film kellu slogan tassew addattat, ‘Dying is easy, comedy is hard’.  Din il-kwotazzjoni tassew tixraq lill-produzzjoni Brittanika, ‘The Comedian's Guide To Survival.’  James Mullinger [Buckley], kummidjant li qed isibha verament diffiċli fix-xogħol tiegħu bħala stand-up comedian [ibbażat minn fuq karattru reali bl-istess isem u li għandu partiċella f'dan il-film], wasal f'punt deċiżiv f'ħajtu. L-udjenzi ma jridux jafu bih, martu xebgħet mill-imġiba tiegħu u s-sid fejn jaħdem matul il-ġurnata heddu biex iħalli x-xogħol ta' kummidjant jew isib ruħu mkeċċi. Meta l-boss tiegħu jibagħtu Los Angeles biex jintervista xi kummidjanti stabbiliti u popolari għall- magażin fejn jaħdem, James iħoss li l-kilba ħerqana għall-kummiedja qed terġa' titkebbes bil-kbir ġo fih. ‘The Comedian's Guide To Survival’ mhux xi xogħol ta' kalibru, imma l-personalità baħbuħa u simpatika ta' James Buckley tippermetti biex wieħed jissaporti dan il-film. Personalitajiet li jintervista, bħal Omid Djalili, Gina Yeshere u Gilbert Gottfried, huma tassew popolari f'din l-isfera ta' divertiment.

 

BLOOD  FATHER

Atturi Ewlenin: Mel Gibson; Erin Moriarty; Diego Luna; Michael Parks; William H. Macy

Direttur: Jean-Francois Richet

Maħruġ minn KRS Releasing

Tul: 88 mins

Cert: 15

Il-films ultra vjolenti, b'sensiela ta' qtil u ħerba palpabbli jidhru li għadhom jappellaw sewwa għal Mel Gibson issa li għandu sittin sena. ‘Ikkupjat’ minn ‘Taken’, missier li fi żmienu kellu ħafna reati bil-mutur, għadda xi żmien il-ħabs fuq xi qtil, eks alkoħoliku li issa jinsab f'sensih u li anki warrab il-ħsibijiet ta' atti vjolenti minn moħħu, ikun determinat li jipproteġi akkost ta' kollox lil bintu ta' sbatax-il sena, imfittxija minn gang tad-drogi. Wara li l-maħbub tagħha seraq il-flus ta' cartel tad-drogi u jitfa' l-ħtija fuqha, Lydia [Moriarty] jkollha taħrab u tistaħba. L-uniku bniedem li tista' tafda fih hu missierha, John Link [Gibson], persuna instabbli li ma tistax toqgħod fuqu dejjem. Din id-darba, John hu deċiż li lill-maħbuba tifla tiegħu jeħlisha minn kull periklu u għall-inqas, f'għomru, jagħmel xi ħaġa siewja. ‘Blood Father’ iforni lil Mel Gibson b'parti oħra tassew addattata għalih u kif jixtieqa hu, fejn b'rabja palpabbli fuqu u b'idejh bla waqfien biex jispara, ixejjer bil-ponn u jfarrak, ifakkar f’‘Mad Max’ u ‘Lethal Weapon’, fost oħrajn. Indikazzjoni forsi ta' dak li se jiġri nieħdu idea tagħha fil-bidu meta naraw lil John Link b'kollezzjoni ta' armi u munizzjon maħżuna f'

More in Divertiment