Minn Ġuda maħruq sa tajr ikkulurit u frejjeġ kbar
Tradizzjonijiet tal-Għid minn madwar il-globu, lil hinn mill-figolli u l-karamelli
L-Għid il-Kbir f’pajjiżna huwa żmien maħbub u mistenni ferm, kemm għad-devozzjoni reliġjuża li din il-festa u ż-żmien tar-Randan u l-Ġimgħa Mqaddsa jġibu magħhom, iżda wkoll għall-għadd ta’ tradizzjonijiet marbutin miegħu. Hekk kif toqrob il-Ġimgħa l-Kbira, ara bosta swali, każini, garaxxijiet u saħansitra djar, jiġu trasformati f’wirjiet ta’ kull tip, kollha b’rabta mal-passjoni ta’ Ġesú. Min b’wirja ta’ vari, oħrajn bi platti ta’ ross jew melħ ikkulurit u mżewwaq f’forom li jħabbatha mal-aqwa xogħlijiet ta’ arti, oħrajn b’xeni miċ-ċenaklu bi statwi life size ta’ Ġesú u l-appostli, u anke rappreżentazzjonijiet, drammi u pageants, ġewwa jew fit-toroq. Wieħed ma jistax jinsa wkoll it-tradizzjoni tas-seba’ viżti ta’ talb f’jum il-Ġimgħa l-Kbira, jew Ħamis ix-Xirka, hekk kif familji u gruppi ta’ nies iduru seba’ knejjes differenti sabiex jagħmlu t-talbiet tagħhom u jfakkru l-mixja ta’ Ġesú Kristu fl-aħħar ħinijiet qabel ġie msallab. Dan kollu minbarra l-għadd ta’ purċissjonijiet tad-Duluri u l-Ġimgħa l-Kbira, li finalment iwasslu għal dik tal-Ħadd bi Kristu Rxoxt, b’uħud mill-Knejjes, għadhom jonoraw it-tradizzjoni tal-ġirja bl-istatwa lura lejn il-knisja. Minbarra dawn it-tradizzjonijiet reliġjużi, wieħed ma jistax jinsa lanqas it-tradizzjoni qawwija ta’ ikel li għandna f’pajjiżna, b’ispirazzjonijiet minn għadd ta’ pajjiżi madwarna, bil-karamelli, kwareżimal, qagħaq tal-appostli, figolli u bajd tal-għid fost l-oħrajn.
F’dan il-jum li jissimbolizza l-akbar festa għall-Insara, l-ILLUM tat ħarsa lil hinn minn xtutna lejn dawk it-tradizzjonijiet tal-Għid, fi rkejjen differenti madwar id-dinja.
Tiġrijiet u tfittix għall-bajd fl-Amerika
Ta’ kull sena, fl-Għid fl-Amerika, issir dik li hi magħrufa bħala l-Easter Egg Hunt, b’għadd ta’ bajd li jiġi kkulurit li jiġi mistoħbi fil-btieħi u fil-ġonna, bit-tfal jerħulha jfittxuh sabiex jingħataw iċ-ċikkulata bi premju. Din it-tradizzjoni, għalkemm hi popolari fl-Istati Uniti, bdiet tinfirex ma’ għadd ta’ pajjiżi, fosthom anke Malta, fejn jiġu organizzati diversi attivitajiet simili.
Il-White House ukoll tingħaqad fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-Għid hekk kif għal snin sħaħ, fil-ġonna ta’ mad-dar presidenzjali tiġi organizzata l-Easter Egg Roll. F’dan l-avveniment, li hu speċi ta’ tellieqa, jieħdu sehem tfal ta’ inqas minn 13-il sena u l-ġenituri tagħhom, bit-tfal jimbuttaw bajda qalb il-ħaxix b’magħrfa twila.
Fl-Amerika u għadd kbir ta’ pajjiżi, wieħed mis-simboli ewlenin ta’ żmien l-Għid huwa l-fenek li huwa magħruf bħala dak li jwassal il-ħelu u ċ-ċikkulata lit-tfal iż-żgħar.
Il-Ħruq ta’ Ġuda fil-Brażil
Tradizzjoni li ttieħdet lejn il-Brażil u partijiet differenti mill-Amerika t’Isfel hi dik tal-ħruq ta’ Ġuda. Fil-ġranet ta’ qabel l-Għid il-Kbir, il-Brażiljani jiffurmaw pupi kbar biċ-ċraret u t-tiben, forma ta’ bniedem li jissimbolizzaw lil Ġuda. Dawn imbagħad jiddendlu mill-għoli, ġeneralment minn xi siġra jew xi fanal ta’ triq, u jitħalla mgħallaq. F’xi każi, l-pupuazz jiġi msawwat u mqatta’ minn xi bnadi, biex imbagħad jingħata n-nar. Fl-antik kienu saħansitra jitfħgu xi logħob tan-nar fih sabiex meta jinħarqu, jagħtu wkoll spettaklu ta’ kuluri.
Għal ħafna, din tfisser il-ħruq tal-elementi tal-ħażen. Illum il-ġurnata, il-pupazz jingħata x-xbieha ta’ xi personalità mix-xena politika, soċjali, sportiva fost l-oħrajn li ma tkunx wisq maħbuba mill-pubbliku jew li saħansitra tkun involuta f’xi skandlu.
Tajjar tajra f’Bermuda
L-ikel u t-tajr huma prijoritaijiet waqt l-Għid fil-gżira f’ nofs lAtlantiku ta’ Bermuda. Fi tmiem il-ġimgħa ddedikat għall-Għid, in-nies ta’ Bermuda joħorġu t-tajra tagħhom u erħilhom itajruhom fis-sema. Għal dan jieħu sehem kważi kulħadd, kbar u tfal. Fil-maġġoranza tiegħu, it-tajr isir mill-persuni li jtajruhom stess u jagħmluhom kbar u mimlija kulur, sabiex jidhru sew meta jkunu qed jittajru.
Din it-tradizzjoni kienet bdiet meta lura fiż-żmien, għalliem Ingliż li kien qed jgħallem fil-gżira, bena tajra sabiex jispjega aħjar it-tlugħ is-sema ta’ Ġesú. Għalhekk, kull sena, il-persuni ta’ Bermuda jaraw min se jkun qed jagħmel l-ikbar tajra u l-iktar waħda mżewqa b’kemm jista’ jkun kuluri.
Halloween fl-Għid fl-Iżvezja
Fl-Iżvezja, l-Għid m’għandux sinifikat daqstant reliġjuż, u l-ġurnata propja tal-Ħadd hi kkaratterizzata minn ikliet differenti, ħafna minnhom li jinkludu bajd u aringi, flimkien ma’ platt tipiku bl-isem ta’ ‘Jansson’s Temptation’.
Minkejja dan, fil-ġranet ta’ qabel il-jum propju tal-Għid, it-tradizzjoni Żvediża titlob li t-tfal jilbsu ta’ sħaħar. Dan kważi kważi jixbaħ dak li l-istess tfal jagħmlu fil-bidu ta’ Novembru għal Halloween. Fil-fatt, it-tfal jilbsu dbielet twal, bi mkatar marbuta ma’ rashom, xkupa u rtokk pariġġ, imbagħad, dawn iduru d-djar tal-madwar u jitolbu l-ħelu u ċ-ċikkulata, u f’xi każi, jpartuhom ma’ tpinġijiet li jkunu għamlu t-tfal.
Ħasla ilma jew fwieħa fl-Ungerija jew il-Polonja
L-Ungeriżi għandhom tradizzjoni li kapaċi tiffriskak jew iġġibek qisek fellus hekk kif fi żmien l-Għid, il-ġuvintur Ungeriżi jitfgħu bramel sħaħ ta’ ilma fuq it-tfajliet u wara jitolbuhom bewsa. Il-ħsieb wara dan kien li l-ilma jnaddaf u jgħin fil-fertilità ta’ dawn in-nisa. Maż-żmien, din it-tradizzjoni nbidlet xi ftit u tista’ tgħid li ġiethom tajba lit-tfajliet Ungeriżi, hekk kif iktar riċenti, ma baqgħux jinħaslu bi bramel ta’ ilma iżda jitfgħulhom xi ftit fwieħa jew ilma mfewwaħ. Il-leġġenda tgħid li dawk it-tfajliet li jieħdu tixriba, jistgħu jippreparaw għall-ħajja miżżewġa hekk kif ikunu mistennija li jiżżewġu fi żmien sena. Tradizzjoni simili tinstab mhux wisq ’il bogħod mill-Ungerija, fil-Polonja hekk kif fi tradizzjoni msejħa Smingus-Dyngus, subien u ġuvintur jitfgħu bramel ta’ ilma jew pistoli tal-ilma lil kull min jiġi quddiemhom.
Froġa sħiħa f’nofs Franza
Jekk tkun se tqatta’ l-jiem tal-Għid fil-Lbiċ ta’ Franza, stenna li se tiekol froġa, filgħodu, wara nofsinhar u filgħaxija. Fil-villaġġ ta’ Haux qrib Bordeaux, fl-Għid issir froġa magħmula minn iktar minn 4,500 bajda, li titma iktar minn 1,000 ruħ. Din il-froġa tissajjar f’ambjent ta’ fest fil-pjazza prinċipali tal-villaġġ. Din it-tradizzjoni taf l-għeruq tagħha lil Napuljun meta dan il-ġeneral kien qed jivjaġġa mill-belt, u waqaf f’Haux sabiex jiekol l-omelets. Tant kemm għoġbitu l-idea lil Napuljun, li ordna lin-nies tal-villaġġ sabiex jiġbru l-bajd kollha li setgħu biex jagħmlu froġa enormi biex titma lill-armata tiegħu fil-ġurnata ta’ wara.
Attent minn xi borma f’Korfu
Fil-gżira ta’ Korfu fil-Greċja, għall-Għid, wieħed jaqbillu joqgħod attent ħafna jekk ikun se jgħaddi minn taħt xi gallarija. Dan għaliex it-tradizzjoni f’din il-gżira titlob li n-nies igaraw ’il barra borom, taġnijiet u kull tip ta’ oġġett minn ġot twieqi u l-gallariji tagħhom, għal ġot triq. Uħud isostnu li din it-tradizzjoni ġejja mis-simboliżmu tal-merħba lir-rebbiegħa u li l-frott u l-ħxejjex il-ġodda se jkunu qed jinġabru f’borom u oġġetti ġodda.
Anġli u purċissjonijiet fil-Filippini
L-Għid u l-Filippini ġeneralment huma magħrufa għal tradizzjonijiet partikolari bħal dik li rġiel jiddeċċiedu li jissalbu vera f’purċissjonijiet biex ifakkru l-passjoni ta’ Ġesú.
Minkejja dan, hemm purċissjoni oħra li ssir fil-Filippini u li b’differenza, tinvolvi tfal ċkejknin lebsin ta’ anġli. Din tibda kmieni filgħodu mas-sebħ u tqun maqsuma fi tlieta. Minbarra l-purċissjoni bit-tfal, ikun hemm ukoll purċissjoni bl-irġiel li jkunu qed jimxu wara xbiha ta’ Kristu rxoxt u purċissjoni oħra ta’ nisa li jkunu qed iġorru xbieha tal-Madonan b’velu iswed. Meta t-tliet purċissjonijiet jiltaqgħu fil-knisja, l-anġli ċkejknin ineħħu l-velu iswed minn fuq ix-xbieha tal-Madonna, u hemmhekk ikunu jistgħu jibdew iċ-ċelebrazzjonijiet.