rakkont | Abel
Rakkont mill-pinna tal-awtriċi Sharon Calleja
“L-uniċi tliet affarijiet li jbeżżgħuni huma tfal bin-nemex, xagħar aħmar u li jkun jisimhom Abel.”
Pippa kienet tifla gustuża, simpatika u xagħarha kien ċar, ħamrani. L-hena tagħha kien li toqgħod tilgħab fil-ġnien imdaqqas li kellna n-naħa ta’ wara tad-dar. Jiena kont inkun qiegħda nsajjar, nagħmel il-faċendi tad-dar, jew dak li kien ikun hemm bżonn isir u kont noqgħod inħares lejha minn ġol-apertura kbira tal-ħġieġ li kellna tagħti minn ġewwa għal barra.
Kont nitbissem waħdi.
Kont niggustaha.
Kont inħobbha.
Pippa.
Pippa kienet ġabet tant ferħ ġo din id-dar. Bejni u bejn żewġi...
Iżda dawk l-aħħar ġranet, kont bdejt ninnota li l-komportament tat-tifla kien inbidel.
Kont naraha tħares fil-vojt u titkellem waħedha.
“Pippa, ma’ min kont qiegħda titkellem?” staqsejtha dakinhar qabel il-pranzu. Kont ilni naraha titkellem waħdeha fil-ġnien, qisha kienet tkun fil-kumpanija ta’ xi ħadd. U qisni ma tantx kont tajt kas. Fil-bidu. Imma issa...
Donnha kienet saret drawwa.
Konna qegħdin bilqiegħda mal-mejda, lesti biex ngħidu t-talba ta’ qabel l-ikel.
Pippa, b’dawk l-għajnejn kbar jixgħelu u b’dawk is-subgħajn żgħar ħelwin diġà magħqudin għat-talba, ħarset lejja u tbissmet. F’xagħarha kellha ċoff abjad li kien jaqbel ma’ xagħarha u mal-libsa ħamra u bajda li kienet liebsa.
“Ma’ Abel,” qaltli bid-daħqa fuq fommha.
“Abel?” staqsejtha jien, kważi nixraq fil-bżieq tiegħi stess. Issa dan Abel min iż-żikk kien jaħbat? Xi ħabib fittizzju minn dawk li kienu jħobbu joħolqu t-tfal iż-żgħar.
“Iva, Abel. Joqgħod jilgħab miegħi fil-ġnien.”
“U min hu dan Abel?” staqsieha missierha b’interess.
“Joqgħod jilgħab miegħi.”
“Ħabib tiegħek?”
It-tifla ta’ sitt snin għamlitlu iva b’rasha bil-mod u baxxiet rasha ma’ idejha donnha ma riditx aktar diskors.
Jien u r-raġel ħarisna lejn xulxin.
Ovvjament, dakinhar ma konniex ħsibna li l-affarijiet kienu ser jiggravaw.
“Mamà, illum Abel jixtieq jidħol jiekol magħna,” qaltli Pippa, b’għajnejn kbar, innoċenti.
“Abel ma jeżistix, binti,” għidtilha kważi rrabjata.
Kont iddejjaqt naraha titkellem waħedha fil-ġnien. U tilgħab ma’ xi ħadd li ma kienx jeżisti!
“U żgur li jeżisti mamà!” qaltli, tieħu għaliha.
“Le ma jeżistix! Dak int ivvintajtu! U mhux ta’ veru!” għollejt leħni magħha.
Pippa dehret li nkisret.
“Abel huwa ħija!” qaltli mgħaddba għall-aħħar u telqet lejn kamritha mingħajr aktar kliem.
Dakinhar għamilt ħsieb. Il-komportament ta’ binti xejn ma kien qed jogħġobni.
Mort għand psikjatra ħalli nara xi stajt nagħmel.
“It-tfal jibnu ħbieb immaġinarji għaliex ikunu waħedhom. Ikollhom bżonn lil xi ħadd ma’ min jilgħabu. Ma’ min jgħaddu l-ħin. Xi ħadd li jkunu jistgħu jgħidulu kollox. Sinjura Depasquale, m’għandekx għalfejn tinkwieta. La terġa’ tibda l-iskola, ċert li bintek terġa’ ssib lil ħbiebha u dan il-ħabib immaġinarju jitlaq għal kollox minn ħajjitha.”
Kont serraħt rasi. Bdejt nistenna dik il-ġurnata li kellha terġa’ tibda l-iskola, ħalli naraha terġa’ tibda ġġib ruħha b’mod normali.
Però ttamajt għalxejn.
“Mamà xħin inkun l-iskola miskin Abel jiddejjaq hemm waħdu fil-ġnien mingħajri. Taf kemm iħobbni?” qaltli darba fost l-oħrajn waqt li konna għaddejjin fil-karozza jiena u hi. “Ara x’għamiltlu?”
Urietni tpinġija ta’ tifel u tifla. It-tnejn li huma b’xagħarhom aħmar. U t-tifel b’xi tikek fuq wiċċu.
Dak il-ħin għal ftit ma ħbattx!
“Dawk x’inhuma?” staqsejtha mħassba u nkwetata fl-istess ħin.
“Dawk in-nemex tiegħu. Għax Abel għandu xagħru aħmar bħal tiegħi u wiċċu mimli nemex!” qaltli, tidħaq bil-qalb waħedha. “Issa la nurihielu tgħidx kemm ser jifraħ!”
Ħarist lejha u ma tkellimtx.
Ħassejt għoqla fl-istonku tiegħi. Għalkemm kienet diġà ilha għaddejja xi xahar l-iskola, kienet għadha qiegħda ssemmih!
Wara xi ġimgħa oħra ma flaħtx nissaporti aktar. L-għoqla fl-istonku tant kienet kibret li kelli nibda naħseb xi stajt nagħmel.
Forsi t-tifla kellha bżonn l-għajnuna....
Forsi din kienet xi ħaġa ġenetika....
Forsi...
“Abel iridni mmur miegħu, mamà,” qaltli dakinhar filgħodu malli wassaltha l-iskola.
Konna għadna ġol-karozza. Jiena u hi. Madwar il-karozza kienu għaddejjin tfal oħrajn ta’ etajiet differenti. Min mal-ġenituri, min grupp ħbieb, min waħdu. Kulħadd għaddej b’ħajtu. Kont qed nisma’ ilħna differenti madwar il-karozza u ħsejjes ta’ roti u passi, karozzi għaddejjin min magħna, xi sirena ta’ pulizija fil-bogħod u qniepel ta’ knejjes imbiegħda. Il-karozza kienet għadha mqabbda. Tfejtha. Ħarist f’għajnejn Pippa. U ma kontx naf x’kelli naqbad naħseb. L-inkwiet ta’ dan il-ħabib fittizju kien qed jiekolni minn ġewwa.
Ma kinitx xi ħaġa normali.
Le, ma kinitx.
Tajtha bewsa ħafifa fuq il-ġilda fina ta’ moħħa u xejjirtilha hekk kif telqet lejn l-għatba tal-iskola. Hekk malli waslet ħdejn il-bieb daret tħares lura lejja, donnha bid-dmugħ f’għajnejha. Donnha mbikkma.
Dak il-ħin ma nnutajthiex imma llum il-ġurnata meta naħseb f’dik il-ġurnata partikolari niftakar li kellha espressjoni differenti.
Daret tħares lejja sa xħin ma bqajtx nidher.
Minnufih tlaqt lejn id-dipartiment tar-reġistru fejn kellhom id-dettalji tan-nies kollha. Ridt inkun naf. Ridt inkun naf aktar fuq Pippa.
“Irrid inkun naf min hi l-familja tat-tifla addottiva tiegħi Pippa Depasquale,” għidt lill-mara li kien hemm wara l-bank, taqdi lin-nies.
“Ma nistgħux nagħtu informazzjoni fuq il-familja tagħha sakemm tagħlaq it-tmintax-il sena,” weġbitni.
Biex inkun għidt kollox, tlabtha mill-qalb, krabtilha, bkejtilha, inżilt saħansitra għarkubbtejja quddiemha! Lanqas ħaqq min kien qed jarani minn wara l-ħġieġ tal-uffiċini l-oħra! Imma ma flaħtx iżjed! Ridt inkun naf!
“Din trid tibqa’ bejnietna,” qaltli fl-aħħar. “U se naqdik għax qed tgħidli li qed tibża’ li għandha problemi ġenetiċi!”
Qamet bilwieqfa, ġabet fajl antik ħafna u bdiet tiflih.
“It-tifla addottiva tiegħek għandha passat daqxejn ikrah...” qaltli, taqra u tidher allarmata.
“Meta kienet tarbija, ftit qabel ma addottajtha inti, kienet tgħix mal-familja tagħha. Ommha u missierha kienu dipendenti fuq l-eroina u kienu jixorbu wkoll. F’lejl tal-biża’, ir-raġel kienet qabżitlu, ma kienx jaf x’kien qed jagħmel u spara lil ommha...” bdiet tgħidilha.
Issa kont bdejt nifhem ftit. Kienet qiegħda taqbadni r-rogħda nisma’ dawn l-affarijiet. Imma kont għadni m’iniex ippreparata għal dak li kien għadu ġej.
“Qatilha. Imbagħad ried joqtol lit-tarbija għax kien qed jissuspetta li ma kinitx minn tiegħu. Milli jidher miktub hawn, spara lejn it-tarbija u mbagħad spara lilu nnifsu.”
“Imma Pippa...”
“It-tarbija ma mititx għaliex ħuwa l-kbir dawwar idejh madwarha u ċ-ċomb nifed lilu. Filfatt, skont ir-rapport, ħuwa l-kbir miet iżommha f’dirgħajh...”
Il-mara li kien hemm quddiemi kont bdejt naraha mċajpra. Il-ħitan bojod u l-madum kien donnu qed idur kollu quddiem wiċċi.
“U ħuha...ħuha x’kien jismu?”
Ma flaħtx nismagħha.
Kont naf.
Kont naf x’kienet ser tweġibni.
“Kemm kien gustuż jaħasra....” bdiet tgħidli, hekk kif urietni ritratt ta’ tifel b’xagħru aħmar, mimli nemex.
“Abel.”
Saqajja ħassejthom jogħtru taħti hekk kif ħadt ir-ritratt f’idi u bdejt inħares lejh.
“Abel iridni mmur miegħu, mamà,” erġajt smajt leħen binti.
Erġajt smajtha tgħidli.
“Le!” kważi werżaqt fl-uffiċċju u mingħajr ma rringrazzjajt lil dik il-mara li kienet irriskjat il-pożizzjoni ta’ xogħolha biex tgħinni, tlaqt niġri ’l barra b’kemm kelli saħħa.
Qabbadt il-karozza u tlaqt lejn l-iskola. Ma stajtx naħli ħin! Ma stajtx! Mhux wara dak li kienet qaltli dakinhar stess!
Dħalt niġri ġol-iskola b’xagħri mħabbel, wiċċi xi ftit abjad u kont qed inħossni ppanikjata għall-aħħar.
Wasalt ħdejn il-bieb tal-klassi ta’ binti u ħabbatt fuq il-bieb.
Kollha kemm huma ħarsu lejja b’mod stramb.
“Fejn hi Pippa?” staqsejt lill-imgħallma.
“Pippa mhix hawn,” qaltli b’leħen kalm għall-aħħar. “Ġie għaliha ħuha Abel u ħadha miegħu.”
Tbissmitli.
“Naħseb s’issa diġà waslu d-dar għax ilu ftit li ġie...” kompliet tgħidli.
Qalbi għamlet tikk.
Ħriġt niġri mill-iskola u bdejt inwerżaq u nsejħilha b’isimha.
“Pippaaaaaa!” bdejt inwerżaq.
Fittixtha kullimkien.
Id-dar. Fil-ġnien. Fil-bandli. Madwar ir-raħal. Għamilt rapporti. Ġejt nidher fuq it-televiżjoni. Sejjaħt għall-għajnuna.
Iżda ħadd ma kien raha.
Ħadd ma kien jaf fejn kienet marret.
Imma jien kont naf.
U naf.
Li ħuha Abel riedha miegħu.
“Mamà xħin inkun l-iskola miskin Abel jiddejjaq hemm waħdu fil-ġnien mingħajri. Taf kemm iħobbni?” bqajt nisma’ leħinha jidwi f’widnejja. “Abel iridni mmur miegħu, mamà.”
“L-uniċi tliet affarijiet li jbeżżgħuni huma tfal bin-nemex, xagħar aħmar u li jkun jisimhom Abel.”