Films ġodda li ħerġin din il-ġimgħa
Films li se jibdew jintwerew fis-swali taċ-ċinema din il-ġimgħa
American Assassin
Atturi Ewlenin: Dylan O'Brien; Michael Keaton; Sanaa Latham; Shiva Negar; Taylor Kitsch
Direttur: Michael Cuesta
Maħruġ minn KRS Releasing
Tul: 111 min.
Ċert. 18
‘American Assassin’, il-film ġdid mimli azzjoni ntensa, huwa thriller gwapp dwar l-ispjunaġġ bil-metodi tal-mument li jikklaxxjaw ma' dawk stabbiliti ta' qabel. Dan ix-xogħol jirrakkonta l-istorja ta' kontro-terrorist implakabbli li jippossedi abilitajiet supremi u manija assoluta li jpattiha lil dawk li telfulu l-hena ta' ħajtu. Fil-proċess, hu jkun ittrenjat kif għandu jaġixxi f'xogħlu minn aġent tas-CIA u flimkien jimbarkaw fuq missjoni ta' sogru kbir. Din il-produzzjoni hi bbażata minn fuq serje ta' kotba ‘bestseller’ tal-mibki Vince Flynn. Mitch Rapp [Brien] ikollu ħajtu rovinata minn att spontanju ta' vjolenza bla sens f'xatt il-baħar. Issa, mimli rimors u vendetta jrid isib kif din ir-rabja li qed tippersegwitah sewwa jikkontrolaha u jdawwarha billi jikkaċja lil dawk li jridu biss iġibu kaos fid-dinja u jeqirdu l-paċi tal-oħrajn. Bis-saħħa ta' Stan Hurley [Keaton], espert li jħarreġ fl-arti tal-kumbattiment, hu jdaħħal f''moħħ iż-żagħżugħ iddisprat li x-xogħol ta' spija ma jistax ikun biss wieħed b'vendetta għamja fuqu. Rapp jagħmel kuntatt personali ma' ċorma ta' negozjanti tal-armi, estremisti li kollha flimkien, mhux bħalu, jridu jqanqlu gwerra mondjali. ‘American Assassin’ jisplodi b'azzjoni diversa kważi spissa u anki torturi ħorox.
Victoria & Abdul
Atturi Ewlenin: Judi Denċh; Ali Fazal; Eddie Izzard; Tim Piggott-Smith; Olivia Williams; Fenella Woolgar
Direttur: Stephen Frears
Maħruġ minn KRS Releasing
Tul: 115 min.
Ċert. PG
Jidher li abbinati mar-Reġina Victoria hemm stejjer daqsxejn strambi, li nkixxfu snin wara u anki nħadmu għaċ-ċinema. ‘Mrs Brown’ [1997] jirrakkonta kif din ir-Renjanta, wara l-mewt tal-maħbub żewġha, il-Prinċep Albert, taffaxxina ruħha bil-kbir ma' John Brown, is-servjent Skoċċiz u raff ta' żewġha, li jqajjimha fuq tagħha mit-telqa li waqgħet fiha minħabba l-luttu ta' żewġha. Każ kurjuż ieħor hu dak li nsegwu f'‘Victoria & Abdul’. Din id-darba, ir-Reġina [parti maħduma fiż-żewġ films minn Judi Denċh] taqbad ħbiberija ma' żagħżugħ skrivan Indjan, Abdul Karim [Fazal] li bil-manjieri kumplimentuzi tiegħu jsir l-aktar ħabib devot tagħha, l-għalliem u dak li jagħtiha l-pariri spiritwali. ‘Victoria & Abdul’ b’metodi umoristiċi jesplora kwistjonijiet ta' reliġjon, poter u anki familja. Fl-1887, Abdul jivvjaġġa mill-Indja biex jippreżenta medalja ċerimonjali bħala parti mill-Ġublew tad-Deheb tar-Regina. Tant din ix-xwejħa taqa' għall-ħlewwiet fl-aġir tiegħu magħha, li dan malajr isir il-favorit tagħha. Din ir-relazzjoni damet sal-mewt tagħha fl-1901 u permezz tiegħu, Victoria bdiet tħares lejn id-dinja ta' madwarha b'għajnejn differenti u aktar umanità. Din ir-relazzjoni mhux mistennija tpoġġi lir-Regina fi klaxx mal-familja u ma' dawk tal-qorti rjali. Il-film hu bbażat minn fuq il-ktieb ‘Victoria & Abdul: The True Story Of The Queen's Closest Confidant’ ta' Shrabani Basu li ġie ispirat mid-djarji u ġurnali, mitlufin għal ħafna snin ta' dawn iż-żewġ protagonisti.
The Limehouse Golem
Atturi Ewlenin: Bill Nighy; Olivia Cooke; Douglas Booth; Daniel Mays; Sam Reid; Maria Valverde
Direttur: Juan Carlos Medina
Maħruġ minn KRS Releasing
Tul: 108 min.
Ċert.: 15
L-atmosfera skura ta' Londra tal-aħħar tas-snin tas-seklu dsatax u l-ħafna qtil makabri minn wieħed li jidher li hu kapaċissimu kif juża s-sikkina, bla dubju ta' xejn, ifakkru fl-era tal-infami Jack the Ripper. ‘The Limestone Golem’ dirett b'mod kumpless minn Juan Carlos Medina, hu bbażat minn fuq in-novella ‘Dan Leno And The Limehouse Golem’ ta' Peter Ackroyd. Ninsabu f'Londra Vittorjana tal-1880, fi triqat miżeri ta' din il-belt kapitali u se niffokaw sewwa fis-sala grandjuża ta' teatru barokk fejn jirreċtaw l-aqwa atturi. Fuq il-palk se ssir l-istorja tad-destin ta' mara żagħżugħa, Elizabeth Cree [Cooke] li ftit qabel kienet waħda mill-atturi rinomati ta' dan il-post, issa mixlija li qatlet lil żewġha [Reid] u b'hekk se tingħata l-forka. L-ispettur ditektiv John Kildare [Nighy] eku ta' Sherlock Holmes, li Scotland Yard iridu jeħilsu minnu, ikun imqabbad jieħu f'idejh il-każ tas-‘serial killer’ magħruf bħala ‘The Limehouse Golem’. Wara l-eżekuzzjonijiet kiefra tiegħu, dan il-viljakk kien iħalli warajh iġsma innoċenti mtertqin, bilkemm jintgħarfu u l-firma tiegħu bid-demm tal-vittmi. Elizabeth issa jidher li għandha ċans tiskappa l-mewt, għalkemm l-ispettur jinduna li kulħadd hu ssuspettat għax għandu xi sigriet x'jaħbi u mhux kollox jirrifletti l-verità ‘The Limehouse Golem’ għandu fotografija eskwiżita li tassew taqbad l-atmosfera morbida Vittorjana, però hu konfuż fl-iżvolġiment tiegħu, bil-‘flashbacks’, sekwenzi tal-wirja fit-teatru u x'qed jiġri fil-preżent jitħalltu b'manjiera spissa.
The Jungle Bunch
Vuċijiet Ewlenin: Philippe Bozo; Laurent Morteao; Pascal Casanova; Celine Monsarrat
Direttur: David Alaux
Maħruġ minn: KRS Releasing
Tul: 101 min.
Ċert.: P.G.
Il-kuluri varjati tal-ħxejjex u l-fjuri, kif ukoll tal-annimali jiddominaw fil-film animat ‘The Jungle Bunch’, li hu mmirat strettament għaż-żgħar. Minkejja dan, din il-produzzjoni hija waħda tassew movimentata b'ħafna azzjoni, speċjalment spluzzjonijet bi dħaħen ta' kuluri differenti. Fil-ġungla, l-annimali jgħixu fil-paċi, ferħana u jgħinu lil xulxin. Maurice hu pengwin li trabba minn tigra u fil-każ li jinqala' xi għawġ verament juri xi jsarraf billi hu intiż sewwa fl-arti tal-Kung Fu. Ma' dawn il-ħbieb hu jissorvelja li jkun hemm ordni perfetta fil-ġungla. Xi ħadd li jrid jagħmel ħsara lil dawn l-annimali kollha u ħerba sħiħa lill-abitat tagħhom hu Igor, koala feroċi li jikkmanda ħafna xadini [babbwini] bħala l-merċenarji tiegħu. Dawn, bil-bombi se jħarbtu u jaħarqu partijiet mill-ġungla u jżommu lill-annimali bħala lsiera jaħdmu bla nifs inkella jissawtu. Il-talenti ta' Maurice żgur li se jiġi bżonnhom biex jeħodha kontriehom. ‘The Jungle Bunch’ għandu jżomm liċ-ċkejknin interessati fit-taħwid kollu li jinqala' fejn il-ħbieb kollha jagħtu sehemhom fit-taqtigħa, fosthom anki ħuta żgħira u kkulurita, tassew ħelwa tal-ilma ħelu, li Maurice dejjem iġorr miegħu f'bieqja tal-ħġieġ. Il-pengwin, qisu xi karattru li ħareġ minn ‘Kung Fu Panda’ u l-ġiri bil-vagun fil-minjieri, fil-għoli, jfakkru f'‘Indiana Jones And The Temple Of Doom’.