Films ġodda li ħerġin din il-ġimgħa
Films li se jibdew jintwerew fis-swali taċ-ċinema din il-ġimgħa
Kingsman: The Golden Circle.
Atturi Ewlenin: Taron Eggertonl Julianne Moore; Colin Firth; Mark Strong; Ħalle Berry; Channing Tatum; Pedro Pascal; Jeff Bridges.
Direttur: Matthew Vaughn.
Maħruġ minn KRS Releasing.
Tul: 141 min.
Ċert. 15
Is-’sequel’ ta' ‘Kingsman - The Secret Service’, ‘Kingsman - The Golden Circle’, bħal ta' qablu bbażat minn fuq kotba komik ta' Dave Gibbons u Mark Millar, hu film aktar elaborat minn dak tal-2015, iżjed iffullat bl-azzjoni, aktar varjat, bi stil aktar divertenti u b'taħlita ta' arti marzjali u avventuri gwappi, bl-umorizmu jinfiltra kontinwament. Fil-ftuħ, ifeġġ l-aġent ġdid Gary ‘Eggsy’ Unwin [Eggerton], żagħżugħ sofistikat, eleganti, kompost, b'aċċent Brittaniku impekkabbli u nuċċali komuni li stħajjiltu Harry Palmer [Michael Caine] f'‘The Ipcress File’ [1966]. Eżatt wara sseħħ ġirja mill-aktar sfrenata bil-karozzi li tħallik bla nifs fit-toroq ta' Londra u li, sorpriżament, ġiet maħduma mingħajr immaġini ġġenerati bil-kompjuter. Organizzazzjoni sigrieta u misterjuża, magħrufa bħala ‘iċ-Ċirku tad-Deheb’ immexxija mill-ġwejda, delikata u dejjem bi tbissima, Poppy [Moore], li tgħix ġo post attraenti, Poppyland, teqred il-kwartieri ġenerali ta' Kingsman. L-aġenti Brittanici jkollhom imorru l-Amerika u jitolbu l-għajnuna u l-koperazzjoni ta' Statesmen, li propjament hija distillerija tal-wiski f'Kentucky, biex isalvaw lid-dinja u jsibu fejqan għall-marda mxerrda minn dawn l-assassini. Naturalment, l-aġenti sigrieti Amerikani mhuma sofistikati xejn ħdejn sħabhom il-Brittanici. ‘Kingsman - The Golden Circle’ jiżvolġi b'andament tassew affaxxinanti u pjaċevoli, dirett bi stil leġġer u nnovattiv minn Matthew Vaughn, waqt li jsellem l-aktar il-films ta' James Bond, dawk tal-arti marzjali, tax-xjenza fittizja u fantasija bħal ‘Robocop’ [hawn żewġ klieb robots feroċi] u anki l-Western, b'aġent Amerikan, Jack Daniels [Pascal] espert bl-ingassa u fil-konsum tal-wiski. Diversi atturi mill-film ta' qabel jerġgħu jirrepetu l-parti, waqt li Eggsy issa hu l-maħbub tal-prinċipessa tal-Isvezja [Ħanna Allstrom] li kien salva fl-avventuri ta' qabel.
Mother!
Atturi Ewlenin: Jennifer Lawrence; Javier Bardem; Ed Harris; Michelle Pfeiffer.; Kristin Wiig; Domhnall Gleeson.
Direttur: Darren Aronofski.
Maħruġ minn KRS Releasing.
Tul: 121 min.
Ċert.: 15
Darren Aronofski mhux direttur li tħossok trankwill tara l-films tiegħu. Minkejja li l-aħħar xogħol tiegħu, ‘Mother!’ għandu titlu li jġib sentimenti sbieħ u ġentili, dan hu xogħol ieħor minn tiegħu li jassaltjalek il-menti u tħossu bħal daqqa soda fl-istonku. ‘Mother!’ jiżvolġi f'andament mhux konvenzjonali li bil-pawsa jaqleb f'wieħed ta' biża' u kaos u anki sadizmu tip ta' ‘Rosemary's Baby’. Mother [Lawrence] u Him [Javier],huma koppja miżżewġa ferħanin f'dar kbira fil-kampanja. Hi tidher devota ħafna lejn żewġha tant li tistħajjilha ‘qalbha f'idha’. Ir-relazzjoni ta' bejniethom tkun ittestjata bil-kbir meta, wara taħbita fuq il-bieb, jaslu raġel [Harris] u mara [Pfeiffer] mingħajr ma jkunu mistiedna. Meta ’l quddiem jaslu ħafna aktar ospiti, l-omm, issa tqila, se tgħaddi minn martirju u trawma kbira, waqt li r-raġel jidher frisk bħall-ħassa. Din il-produzzjoni, fuq storja miktuba mid-direttur stess, iġġiblek ħafna ħsibijiet f'moħħok. Tgħid dak kollu li qed jiġri jseħħ biss fil-menti tal-omm. L-omm qed tbati minn xi marda serja mentali? Ir-raġel tagħha hu miġnun jew mhux leali lejha? ‘Mother!’ iħallik iġġib il-konklużjonijiet personali tigħek waqt li hu xogħol li għalih m'hemmx triq tan-nofs - jew jogħġbok, jew le! Min hu midħla ta' dan id-direttur se jieħu gost bih.