‘Il-Forti Ricasoli hu post mitluq u wasal għar-rovina’
Is-segretarju tal-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara jiżvela s-sitwazzjoni inkwetanti li tinsab fiha l-akbar fortifikazzjoni ta’ Malta
Ftit passi ’l bogħod mill-bajja tar-Rinella ġewwa l-Kalkara nsibu l-Forti Ricasoli. Forti massiċċ li hu wkoll l-akbar fortifikazzjoni li nsibu ġewwa Malta. Il-kostruzzjoni tal-forti bdiet taħt id-direzzjoni tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann fl-1670 u spiċċat fl-1698. Minkejja l-istorja rikka li jiġbor fih ir-Ricasoli, skont is-Segretarju tal-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara Duncan Brincat,“illum il-ġurnata l-Forti Ricasoli jinsab f’sitwazzjoni inkwetanti.”
Mal-ILLUM Brincat sostna li “parti mill-akbar storja li għandha l-Kalkara llum il-ġurnata tinsab f’post mitluq u prattikament wasal għal rovina totali.” Brincat aċċena wkoll dwar l-importanza tal-Forti Ricasoli mhux biss għall-villaġġ pittoresk tal-Kalkara iżda kif ukoll għad-dehra tal-Port il-Kbir. “Il-Forti Ricasoli dejjem kien l-bidu tal-Port il-Kbir,” qal Brincat. “Il-persuna, il-baħri jew dak li jkun ġej minn bara minn Malta biex jidħol fil-Port il-Kbir, l-ewwel ħaġa li jara quddiem għajnejh hu l-Forti Ricasoli.”
“Sinċerament nemmen li kieku kellna nieħdu ħsieb dan il-Forti nemmen li l-Port il-Kbir jieħu dehra ħafna isbaħ milli għandu llum,” saħaq Brincat.
Il-Kalkariż kompla jispjega l-ħidma tal-Assoċjazzjoni fir-rigward ta’ din il-post storiku; “il-Forti Ricasoli hija waħda mill-prijoritajiet kbar li għandna. L-Assoċjazzjoni qed tagħmel pressjoni lill-Gvern sabiex dan il-Forti tibda sejra għall-aħjar,” spjega Brincat.
Hu kompla jgħid kif fil-futur huma jixtiequ li ssir manutenzjoni u restawr kif jitlob il-bżonn tal-post. “Nemmnu li dan ma jistax isir b’ċertu fondi biss. Dan għaliex il-post huwa kbir ħafna u fih jinsabu diversi binjiet oħra, li għandhom ukoll diversi ħsarat, fosthom id-dar tal-Gvernatur u l-Kappella ta’ San Nikola,” saħaq Brincat.
B’ton ta’ allarm Brincat spjega lill-ILLUM kif partijiet mill-Forti Ricasoli diġa huma mitlufin u qatt mhu se jirritornaw fl-istat oriġinarju tagħhom. “B’mod speċjali ċertu swar li jinsabu fuq in-naħa ta’ barra tal-port dawk waqgħu. Waqgħu minħabba l-qilla tal-baħar u l-qilla tar-riħ, jiġifieri iġġarrfu bl-elementi naturali. Iżda waqgħu u żgur mhux xi ħaġa sempliċi jew faċli li wieħed jirrestawra,” temm jgħid Brincat.