Erba' films ġodda fis-swali taċ-ċinema
Din il-ġimgħa s-swali taċ-ċinema qed joffru erba' films ġodda...
Venom
Atturi Ewlenin: Tom Hardy; Michelle Williams; Riz Ahmed; Scott Haze; Reid Scott.
Direttur: Rueben Fletcher.
Maħruġ minn KRS Releasing.
Tul: 112 min.
Ċert. 12
Waqt li l-films tas-supereroj qed jagħmlu suċċess kbir fid-dħul tal-flus, il-produtturi dejjem jiskopru kif jistgħu jippreżentaw aktar minn dan id-divertiment. Waħda mill-ideat konkreti hija dak il-ġeneru li jissejjaħ spin-off. Karattru li deher fi Spider-Man 3, kien dak ta' Venom, li issa għandu film, li jġib l-istess isem, fejn hu jkun il-protagonist assolut. Dan il-karattru kumpless jilqa' ġo fih organiżmu parassit aljen u verament jinbidel fl-aġir tiegħu. Eddie Brock (Hardy) hu ġurnalist li qed jipprova jneħħi mill-poter lill-infami Carlton Drake (Ahmed), dak li waqqaf il-Life Foundation fejn isiru esperimenti xjentifiċi misterjużi fuq l-umani. Din l-ossessjoni tiegħu irvinatlu l-karriera u anki kienet il-kaġun li r-relazzjoni tiegħu mal-ħabiba Anne Weying (Williams) intemmet. Waqt li jkun jinvestiga wieħed mill-esperimenti ta' Drake, l-organiżmu Venom jingħaqad mal-ġisem ta' Eddie li jakkwista setgħat inkredibbli u b'hekk jista' jagħmel li jrid. Dawn it-tnejn issa għandhom bżonn lil xulxin biex jakkwistaw dak li qed ifittxu. Fejn se jaslu Eddie u Venom? Minkejja li Venom hu film tas-supereroj, għandu ħafna mumenti li jmissu l-ġeneru tal-kummiedja, forsi wkoll mhux dejjem kif xtaq id-direttur. Tom Hardy hu attur ta' stoffa, sikwit b'ton serju fuqu, iżda hawn, ħafna drabi, jidher f'burdata aktar leġġera. Kull min hu intiż fil-produzzjonijiet mill-kotba komik Marvel, se jħoss li din id-darba l-istil regolari nbidel. Kemm fl-azzjoni mħarrka, kemm teknikament u kemm fl-effetti speċjali viżwali Venom joffri divertiment xieraq!
A Star is Born
Atturi Ewlenin: Lady Gaga; Bradley Cooper; Andrew Dice Clay; Dave Chappelle; Sam Elliott.
Direttur: Bradley Cooper.
Maħruġ minn KRS Releasing.
Tul: 135 min.
Ċert 15
Kull medda ta' madwar 20 sena l-film A Star is Born qed jerġa' jinħadem ambjentat għall-ġenerazzjoni ta' żmienu. Fl-1937 ħareġ il-film oriġinali, waqt li dak tal-1954, issa bil-kulur, ingħata trattament mużikali; fl-1976 dan ix-xogħol kien imxaqleb lejn il-mużika rock. Wara 41 sena. A Star is Born tfaċċa għar-raba’ darba fuq il-liżar ċinematografiku, b'atmosfera ta' mużika pop. Fil-qalbha tagħha, l-istorja hi l-istess - kantant famuż tal-mużika country li għandu l-vizzju tax-xorb u anki tad-drogi, jiskopri kantanta żagħżugħa u prinċipjanta, li qed titħabat biex tikseb għarfien, isir iħobbha u jiżżewwiġha. Waqt li l-karriera tagħha tibda tifjorixxi, tiegħu tieħu sabta ’l isfel u anki ż-żwieġ tagħhom jaħbat mal-blat. B'mod evokattiv u reali din il-produzzjoni ġdida tesibixxi r-relazzjoni ħelwa, ġenjali u qarsa ta' Jack (Cooper) u Ally (Lady Gaga), żewġ kantanti li jirreaġixxu flimkien f'armonija kemm fuq il-palk kif ukoll fil-ħajja. L-andament hu qisu vjaġġ ikkumplikat f'baħar imqalleb, kemm fis-sbuħija u kemm fi qsim il-qalb ta' relazzjoni li qed titħabat biex tirnexxi. Barra li hu wieħed miż-żewġ protagonisti, Bradley Cooper hawn qed jagħmel id-debut tiegħu bħala direttur. Dan l-attur, erba' darbiet innominat għall-Oscar, verament tixraqlu l-parti ta' kantant tal-mużika country fl-istil ta' Kris Kristofferson, li nterpreta l-istess irwol fix-xogħol tal-1976. Tassew issorprendejt ruħi kemm hija naturali s-superstilla kantanta, Lady Gaga, f'din l-ewwel parti integrali tagħha, mingħajr l-irtokk tas-soltu. Mingħajr dubbji, nħoss li din hi produzzjoni superjuri u aktar sodisfaċenti fl-iżvilupp tagħha, minkejja xi ftit tul żejjed, mill-aħħar darba li nħadem dan il-film.
Night School
Atturi Ewlenin: Kevin Ħart; Tiffany Haddish; Rob Riggle; Taran Killan; Romany Malco; Megalyn Echikunwoke.
Direttur: Malcolm D. Lee.
Maħruġ minn KRS Releasing.
Tul: 111min.
Ċert. 12A
Night School hija kummiedja sfrenata msewsa fuq it-talenti ta' Kevin Hart dwar student li meta ffaċjat b'karta ta' eżami quddiemu tant jippanikja li jqum minn fuq is-siġġu u kważi jisfratta l-ordni u s-silenzju tal-klassi kollha u anki jabbanduna l-iskola. Ħafna snin wara, mingħajr xi forma ta' diploma, nsibu lil Teddy Walker (Hart) bħala bejjiegħ ta' oġġetti tal-barbecue. Meta jibda joħroġ ma' mara sinjura, Lisa (Echikunwoke), jagħmel tabiruħu li hu wkoll hu tat-tajjeb. Però, waqt li jipproponilha, it-tferfix u l-insigurezza li għandu fuqu jikkawżaw splużjoni li teqred il-ħanut. Issa, bla xogħol, iħoss li jkun aħjar li jakkwista il-GED (Ġeneral Educational Development) ħalli jsib post aktar diċenti. B'hekk, ikollu bilfors jattendi skola ta' filgħaxija fejn jieħu l-ikbar qata' ta' ħajtu meta jiskopri li l-prinċipal hu Stewart (Killan), it-tfajjel xipli li Teddy kien jittanta meta kienu fl-istess klassi. Night School hija farsa pjutost pwerili, b'xi sitwazzjonijiet interessanti li tfakkar fix-xogħlijiet ta' John Hughes, speċjalment f' The Breakfast Club (1985), film aqwa u aktar realistiku dwar studenti li b'kastig ikollhom jidħlu l-iskola s-Sibt. Fuq kollox, Night School hu mimli azzjoni kultant esaġerata u farseska. Tassew tolqot il-likk is-sekwenza meta Teddy, bil-karta tal-eżami quddiemu jara l-ittri ħerġin iduru u jtiru quddiem wiċċu, bħad-dubbien fitt, tant li jippanikkja bil-kbir!
The Captain
Atturi Ewlenin: Max Hubacher; Milan Peschel; Frederick Lau; Bernd Holscher; Waldemar Kobus; Alexander Fehling.
Direttur: Robert Schwentke.
Maħruġ minn SIDE STREET Films, Eden Cinemas.
Tul: 118 min.
Ċert. 15.
F'kull gwerra, speċjalment bħal dik terribbli tat-Tieni Gwerra Dinjija, wieħed jassumi li jsiru atti speċjali, bħall-erojiżmu tal-mument, xi ħarba spettakulari u xi aġir altruwistiku. Każ tassew stramb u uniku, li kieku mhux għax iddokumentat ma kienx jitwemmen, qed jiġi mfakkar fil-film Ġermaniż, The Captain (Der Hauptmann), ambjentat kollu kemm hu mil-lat tan-Nazisti. Will Herold (Hubacher), suldat ta' 21 sena, fl-aħħar ġimghat tal-gwerra jinsab dizilluz u jirnexxielu jiżgiċċa mir-riġment tiegħu. Meta jkun jiġġerra kważi fi stat ta' ġuħ, isib ġo jeep abbandunat libsa ta' Kaptan Nazista, jisraqha biex jistkenn mill-bard u l-ksieħ. Issa, minn moħħu bdew għaddejjin ħafna ħsibijiet għoljin, fosthom dak li kull suldat Ġermaniż jimxi wara l-kaptan. B'arja fuqu, jieħu l-identità ta' dan ir-rank u jibda jeżerċita ordnijiet stretti, b'ħafna suldati li tilfu r-riġment tagħhom, jakkumpanjawh. Ironikament, kull fejn imur jibda renju ta' qtil u terrur, fosthom fuq dawk maqbuda li abbandunaw lill-istakkament tagħhom, l-istess kif għamel hu qabel. The Captain , li hu bis-sottotitoli, hu maħdum appuntu bla kulur, biex joħroġ atmosfera tetra ta' biża' u orrur. Minn bniedem li ħarab mill-qilla tal-SS, wara jieħu l-istess identità mostruża ta' dawk li ħarab minnhom. Din l-istorja vera hi bbażata minn fuq il-Biċċier ta' Elmstad. Di hi produzzjoni tassew effettiva li ddaħħlek f'qoxortok u ġġiegħlek tirrefletti bil-kbir fuq kif bniedem mingħajr skrupli u bla ruħ fejn jista' jasal.