Erba' films ġodda fis-swali taċ-ċinema

Għad-dilettanti tal-films din il-ġimgħa s-swali qed jippreżentaw erba' films ġodda....inkluż wieħed bil-Malti

Ħabbilni ħa nirbaħ

Atturi Ewlenin: Shelby Aquilina; Sarah Micallef; Michela Galea; Jasmine Farrugia; Jan Zammit.

Jidhru Wkoll: Frida Cauchi; Larissa Bonaci; Carlos Farrugia; Laura Bruno; Kim Dalli; Narcy Calamatta.

Direttur: Mario Azzopardi.

Proġett ta' Valletta 2018 Premier Partners.

Tul: 90 min.

Ċert. 15.

 Skont iz-zokk il-fergħa! Dan il-qawl faċilment nistgħu napplikawh għall-erba' tfajliet żgħażagħ, moħħhom fis-sess, ġejjin minn familji tat-tajjeb iżda bi problemi soċjali kbar, imfissdin, b'arja żejda fuqhom, li jixtiequ jingħatalhom b'urġenza, fil-film Malti ta' stoffa, Ħabbilni Ħa Nirbaħ. Ibbażat minn fuq produzzjoni teatrali tal-istess isem, dan ix-xogħol hu dirett b'mod vigoruż u mexxej minn Mario Azzopardi, direttur li diġà għamel isem fil-Kanada. It-timbru effettiv tiegħu hu ovvju matul l-andament kollu. Dawn l-erba' tfajliet, neqsin minn kull sens ta' responsabbilità, spiss jirreaġixxu b'mod egoistiku u fl-aħħar jiddeċiedu li jinkwetaw bis-sħiħ lill-ġenituri aljenati tagħhom meta, b'fissazzjoni sesswali qawwija jinkarmu wara Nate Cross (J. Zammit), attur magħruf li jqisuh virili biżżejjed biex jaqta' x-xewqat arditi ta' kull waħda minnhom. Hawn tkun esibita t-trobbija mhix soda tagħhom b'nuqqas ta' ħsieb, u l-imġieba ribelluża tagħhom se ġġib diżordni u gwaj mhux biss fuq il-familji rispettivi tagħhom. imma anki fuq dawk ta' madwarhom u anki l-ħbieb l-oħra tagħhom. L-erba' tfajliet, soċjevolment irrisponsabbli (S. Aquilina, S. Micallef, M. Galea, J. Farrugia), b'dik l-arja ta' superjorità fuqhom u nuqqas ta' diċenza stħajjilthom dawk tal-film The Bling Ring, li fir-realtà serqu affarijiet prezzjużi mid-djar tal-atturi madwar Hollywood.  Ħabbilni Ħa Nirbaħ (Knock Me Up, Knock Me Down) li hu wkoll miktub minn Mario Azzopardi flimkien ma' Simon Bartolo, li hu bis-sotto titoli bl-Ingliż, ibbażat b'xi mod fuq avvenimenti veri, ma jibżax jesponi temi skabrużi bħal relazzjonijiet sesswali barra ż-żwieġ, it-tqala u l-abort, kif ukoll kliem iebes u qawwi. Dan hu proġett tal-Valletta 2018 Premium Partners. Din il-belt storika ta' kultura tassew tidher eleganti u kkulurita. Diversi atturi oħra ta' stoffa, tal-palk Malti jieħdu sehem u verament jiddomina f'parti żgħira u furjuża Narcy Calamatta. Din il-produzzjoni diġà wettqet id-debutt internazzjonali tagħha fl-Edmonton Film Festival, il-Kanada ma' oħrajn li diġà rebħu xi unuri.  Ħabbilni Ħa Nirbaħ se jibda jintwera nhar il-Ġimgħa 2 ta' Novembru fl-Embassy Cinema, Valletta.

The nutcracker and the four realms.

Atturi Ewlenin: Mackenzie Foy; Keira Knightley; Morgan Freeman; Helen Mirren; Matthew MacFayden; Jayden Fowora-Knight.

Diretturi: Lasse Halstrom u Joe Johnston.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 96 min.

Ċert. P.G.

Il-kumpanija Disney qed tippreżenta The Nutcracker And The Four Realms , avventura tassew fantastika bbażata minn fuq ir-rakkont Ġermaniż The Nutcracker And The Mouse King u minn fuq il-ballet klassiku The Nutcracker ta' Peter Tchaikowsky. Din il-produzzjoni fiha ħafna tibdil utli mill-oriġinali biex dan il-film, verament ta' lussu eleganti u kuluri mill-isbaħ, jagħti divertiment xieraq lill-addoloxxenti u lill-kbar. Clara (Foy), tifla intelliġenti ta' 14-il sena li tħobb ħafna x-xjenza, tirċievi kaxxa mużikali forma ta' bajda mingħand ommha qabel mietet, bħala rigal tal-Milied. Iżda ċ-ċavetta biex tiftaħha ma ssibhiex. Determinata li tkun taf x'inhu sewwa dan il-ġugarell, meta tmur fil-party tal-parrinu, Drosselmeyer (Freeman), timxi ma' ħajta tad-deheb u ssib ruħha f'dinja misterjuża biċ-ċavetta tisparixxi. Hemm tiltaqa' ma' suldat, Phillip (Fowora-Knight), ċorma ġrieden u ma' dawk li l-quddiem se jsiru rejiet tat-tliet renji - L-Art tad-Disinni tas-Silġ, L-Art tal-Fjuri u L-Art tal-Ħelu. F'dawn il-postijiet kulħadd jilqagħha b'idejh miftuħa, speċjalment Sugar Plum Fairy (Knightley). Fir-Raba' Renju fejn tikkmanda b'id tal-ħadid Mother Ġinġer (Mirren), mgħejjuna minn ċorma ġrieden bħala s-suldati tagħha, hemm il-biża' u d-dlam. Clara u Phillip iridu jiffaċċjaw lil din it-tirann biex iġibu lura ċ-ċavetta u b'hekk terġa' tirrenja armonija u paċi f'din id-dinja mhux reali. The Nutcracker And The Four Realms hu xogħol stravaganti u delizzjuż, li b'ħila kbira jaqbad l-atmosfera eleganti Vittorjana u ta' xi xogħlijiet klassiċi oħra ta' din l-epoka b'sets meraviljużi. Għalkemm għadu kmieni, tassew jixraq għal żmien il-Milied!

Hunter Killer.

Atturi Ewlenin: Gerald Butler; Gary Oldman; Common; Michael Nyqvist; Linda Cardellini; Toby Stephens.

Direttur: Donovan Marsh.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 121 min.

Ċert. 15

It-thrillers ta' azzjoni ġo sottomarin, taħt l-ilma, fil-preżent huma rari. Fil-vena ta' The Hunt For Red October (1990), jasal Hunter Killer ibbażat minn fuq in-novella tal-2012, Firing Points ta' Don Keith u George Wallace. Din hi produzzjoni avventuruża, ambjentata taħt il-baħar inġazzat tal-Oċean Arktiku. Waqt mawra f'bażi marittima fit-Tramuntana tal-pajjiż, il-President Russu Zakarin jinħataf mill-Ministru tad-Difiża tiegħu stess. Il-kaptan Joe Glass (Butler) ta' sottomarin Amerikan ikun qed ifittex sottomarin ieħor ta' pajjiżu li jinsab f'sitwazzjoni diffiċli. Fil-pront, jintbagħat f'ibħra territorjali Russi biex isalva lill-President u b'hekk jevita t-Tielet Gwerra Dinjija. Hunter Killer jiżvolġi bi pjan maħsub u eżileranti fl-istess waqt. Fil-final, dan il-film jikkarga bil-kbir b'azzjoni fantastika ta' depth charges jisplodu u jriegħdu lis-sottomarin, torpedos għaddejjin fil-wiċċ, sparar u ġiri sfrenat fuq art bajda bis-silġ u missili li kważi ma jfallux il-mira tagħhom. Tassew ħasra li l-attur Żvediż Michael Nyqvist, li rajnieh f' The Girl With The Dragon Tattoo u ż-żewġ sequels l-oħra tat-trijoloġija Millenium, u li jaħdem il-parti tal-kaptan Russu Sergei Andropov ta' sottomarin, miet wara li ħadem dan il-film fl-età ta' 56 sena. Il-protagonist Gerald Butler beka meta sema’ din l-aħbar kerha

Smallfoot

Vuċijiet Ewlenin; Channing Tatum; James Corden; Zendaya; Common; Danny De Vito; Gina Rodriguez.

Direttur: Karey Kilpatrick.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 96 min.

Ċert. U

Skont il-leġġendi, fil-muntanji għoljin tal-Himalaya, fin-Nepal, tgħix kreatura misterjuża msejħa Yeti. Wieħed mill-films dwar dan huwa The Abominable Snowman (1957), tal-kumpanija Brittanika Hammer Films. Kif m'ilux rajna produzzjoni animata dwar it-Trolls, esseri ġganteski tal-mitoloġija Skandinava, l-produtturi ġiethom l-idea wkoll ta' film dwar il-Yeti, Smallfoot. Dan hu xogħol animat, avventura mużikali forma ta' kummiedja. Ġo villaġġ 'il fuq mis-sħab qalb il-muntanji fin-Nepal jgħixu dawn il-kreaturi mitiċi mimlija xagħar imħabbel u folt, b'saqajn kbar u b'xi għajta li tidwi mal-ambjent kollu. Migo (vuċi ta' Tatum), meta ma jobdix il-liġi tal-post ikun imkeċċi mill-kap. Waħdu fil-beraħ, imdawwar bis-silġ, jilmaħ ajruplan li jikkraxxja u kreatura żgħira tinżel bil-paraxut fil-qrib. Dan hu Percy (Corden), li jiffilmja dokumentarji dwar in-natura u li messitu xorti ħażina. Għal Yeti, l-umani kienu meqjusa bħala esseri ċkejknin leġġendarji. Migo jsejjaħ lil Percy, Smallfoot, u wara li jagħmlu ħbieb it-tnejn li huma jibdew vjaġġ ta' skoperta. Smallfoot jiżviluppa b'mod imħarrek, b'diversi sekwenzi mużikali tassew spettakulari waqt li jesibixxi sens ta' ħbiberija, kuraġġ u l-ferħ u sodisfazzjoni ta' skoperti ġodda. It-tolleranza u qlubija li wieħed ifittex orizzonti ġodda huma temi oħra li jħaddan dan il-film b'mużika oriġinali.

More in Divertiment