Żewġ films ġodda fis-swali taċ-ċinema

Ilek ma tmur iċ-ċinema...żewġ films ġodda minn din il-ġimgħa

The Girl in the Spider's Web

Atturi Ewlenin: Claire Foy; Sverrir Gudnason; Lakeith Stanfield; Sylvia Hoeks; Stephen Merchant; Vicki Krieps.

Direttur: Fede Alvarez.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 117 min.

Ċert. 15

Lizbeth Salander, tfajla b'ħarsa feroċi, fuq tagħha sewwa, b'attitudni ta' rabja għall-umanità fuq dak li rat f'ħajjitha, b'tatù kbira ta' dragun fuq daharha, hacker tal-prima klassi, hija invenzjoni tal-mibki awtur Zvediz, Stieg Larsen, fit-triloġija tiegħu, Millenium. Dawn ħarġu bħala produzzjonijiet ċinematografiċi minn pajjiżhom, b'Noomi Rapace tinterpreta din il-parti, u b'suċċess tajjeb speċjalment fl-Ewropa. Minn Hollywood kienet ħarġet verżjoni Amerikana ta' The Girl With The Dragon Tattoo, l-ewwel ta' din is-serje, b'Rooney Mara bħala Lizbeth Salander. Ir-raba' żieda  Millenium hija xogħol tal-awtur David Lagerkrantz, li jidher li se jkompli fuq l-istil ta' Larsen. The Girl In The Spider's Web huwa thriller splussiv, imfawwar b'azzjoni u avvenimenti qawwija li trid toqgħod ħafna attent biex tlaħħaq magħhom, fil-vena tal-aktar films intensi tal-aġenti sigrieti. Ix-xjentist Frans Balder (Merchant) jitkeċċa minn National Society Agency u jqabbad lil Salander (Foy) biex tisraq lura xogħlu minn din l-aġenzija Amerikana programm tal-kompjuter jismu FireWall li fih lista, taħt kodiċi, tal-armi nukleari ta' madwar id-dinja. Din l-attività tiġbed l-attenzjoni tal-NSA, b'aġent tagħhom li jitlaq lejn Stokkolma biex ifittex min għamel hekk. Aktar problemi jinqalghu meta kriminali Russi jieħdu l-laptop ta' Lizbeth u jaħtfu ġenju ċkejken tal-kompjuter li kapaċi jattwa l-programm Fire Wall. Lizbeth, hawn issib ruħha mdaħħla f'dinja ta' ntriċċi tant ħorox li ma tkunx taf min hu ħabib jew għadu. Bl-appartament tagħha splodut, mitluqa għall-mewt, tingħaqad mal-ħabib tal-passat, il-ġurnalista Mikael Blomkvist (Gudnason), li indaga fuq l-organizzazzjoni kriminali, Spider's Society, biex tagħmel vendetta fuq dawk li attakkawha, tipprova tipproteġi lit-tifel tax-xjentist u tieħu lura dak li jappartjeni lilha. Aktar ma tazzarda, aktar se ssib inkwiet quddiemha waqt li memorji midfunin tal-passat misterjuż tagħha se jerġgħu jiffaċċjawha. The Girl in the Spider's Web hu episodju ġdid, iffilmjat biss minn Hollywood, bestseller mondjali tas-suċċessur ta' Stieg Larsen. L-atmosfera tetra tal-film, però b'fotografija ċarissima, il-melankolija u qilla fuq wiċċ il-protagonista u speċjalment l-apparat ta' sorveljanza kważi ma' kullimkien ipoġġu lil dan ix-xogħol fl-ambjent distopiku tan-novella 1984 ta' George Orwell. Nistennew film ieħor mis-sensiela Millenium, The Girl Who Takes An Eye For An Eye aktarx fi żmien sena oħra.

Overlord

Atturi Ewlenin: Jovan Adepo; Wyatt Russell; Pilou Asbaek; Mathilde Ollivier; John Magaro; Bokeem Woodbine.

Direttur: Julius Alvery.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 105 min.

Ċert. 18

Primarjament, Overlord hu film mimli azzjoni intensa ambjentat fit-Tieni Gwerra Dinjija, fi Franza ftit qabel D Day (l-invażjoni). Fl-ewwel nofs tiegħu, b'xeħta epika, dan ix-xogħol iħabbatha ma' oħrajn klassiċi tal-istess ġeneru, iżda f'salt wieħed jaqleb f'wieħed ta' biża' u terrur, b'sitwazzjonijiet xi ftit esaġerati. Grupp ta' suldati żgħażagħ Amerikani jinżlu bil-paraxut waqt bombardiment aħrax, fi Franza okkupata minn Nazisti biex iwettqu missjoni utli u perikoluża għas-suċċess tal-invażjoni tan-Normandija li dalwaqt isseħħ. Imqabbdin biex jeqirdu radju li jittrasmetti minn torri għoli fuq knisja fortifikata, ġo villaġġ isibu kenn u għajnuna minn mara żagħżugħa. Taħt din il-knisja jinsab laboratorju sigriet fejn qed isiru operazzjonijiet u esperimenti minn xjentisti Nazisti fuq xi priġunieri. Dawn is-suldati malajr isibu ruħhom jikkumbattu forza qalila kważi indistruttibbli. Overlord hi produzzjoni mexxejja li tiżvolġi b'qilla splussiva li tħallat żewġ ġeneri ta' film b'rankatura dinamika bl-għan ewlieni li tippompja l-adrenalina. B'battuti ta' mużika li ttarrax, b'sekwenzi ta' vjolenza u dmija, b'fotografija vivida, dan ix-xogħol għandu jolqot il-gosti ta' ħafna.

More in Divertiment