L-aqwa films tal-2018

Rajthom? X'taħseb li kienu l-aqwa films għas-sena li għaddiet?

Il-lista tal-aqwa 20 film tas-sena li għaddiet, skont il-preferenza u l-opinjoni tiegħi hi din. Kulħadd għandu l-gosti tiegħu u liberament tistgħu ma taqblu xejn mal-għażla li għamilt.

1. The Florida Project. Tassew issorprendejt ruħi b'dan il-film indipendenti Amerikan, dwar tifla mimlija entużjażmu u mqarba li però tingwalaha ma' ommha, moħħ ir-riħ u li lesta tagħmel kollox għall-flus. Huma jgħixu fi blokk appartamenti ta' faqar fuq in-naħa l-oħra ta' triq prinċipali faċċata ta' Disney World. Id-direttur Sean Baker li diġà' bbrilla qabel b'Tangerine issa ssupera lilu nnifsu.

2.Three Billboards Outside Ebbing, Missouri. Wara xi xhur tistenna għalxejn biex il-pulizija jsolvu l-każ tal-qtil ta' bintha, omm tikri tliet billboards qabel tidħol fil-belt, fejn takkuża lill-pulizija b'inkompetenza u tqajjem furur kbir. Reġgħet uriet kemm Frances McDormand hi attriċi dipendibbli u kompetenti bir-rebħ tat-tieni Oscar tal-karriera tagħha.

3. The Darkest Hour. Hawn ukoll l-attur Gary Oldman rebaħ l-Oscar, b’irtokk kbir fuqu bħal Winston Churchill, il-Prim Ministru Ingliż li ma riedx iċedi lil Hitler minkejja probabilita' ta' telfa fit-Tieni Gwerra Dinjija.

4. All the Money in the World. L-istorja vera tal-ħtif ta' John Paul Getty III, ġuvni ta' 16-il sena u tad-devota ommu li tistinka biex tipperswadi lill-biljunarju nannuh, Getty Snr. biex iħallas r-rahan. Dan jirrifjuta. Christopher Plummer msejjaħ malajr ħadem din il-parti f'ġimgħa u rnexxielu jirbaħ l-Oscar għall-parti sekondarja.

5. A Star is Born. Din il-produzzjoni hija t-tielet waħda għal fuq il-liżar ċinemtografiku. Mużiċist li jgħin il-karriera ta' waħda kantanta jtieha għax-xorb bil-konsegwenza li l-karriera tiegħu tmajna bil-kbir waqt li tagħha tisplodi 'l fuq. Verament ibbrillaw Bradley Cooper u ssorprendejt ruħi bil-kbir bil-kariżma u kapaċità ta' Lady Gaga, hawn kważi mingħajr irtokk.

6. A Quiet Place. Film tal-biża' tassew sempliċi u intelliġenti fl-istess ħin, fejn familja jkollhom jgħixu f'silenzju kważi perfett minħabba mostri aljeni għomja li jattakkaw mal-iċken ħoss. Tassew affaxxinanti dan il-film kważi mingħajr djalogu.

7. The Hate U Give. Tfajla sewda tkun xhud meta pulizija jispara u joqtol lill-ħabib tagħha tat-tfulija. Wara, ippressata minn kull naħa miċ-ċittadini tal-post, hi trid tqum fuq tagħha u tixhed il-verità. Amandla Sternberg fil-parti prinċipali hi meraviljuża.

8. Mary Poppins Returns. In-nanny perfetta, wara ħafna snin, terġa' tiġi mis-sħab biex tgħin lit-tfal tat-tifel u oħtu issa adulti li kienet ferħet qabel, biex dawn ikunu jistgħu jgawdu s-seħer tat-tfulija nieqes minnhom. Replika divertenti tax-xogħol tal-1964.

9. Hostiles. Kaptan leġġendarju li jobgħod lill-Indjani, taħt ordni stretta jkollu jwassal lil Cheyenne Chief u l-familja tiegħu fuq vjaġġ twil ħafna minn territorju perikoluż. Fl-aħħar tinbet ammirazzjoni bejn dawn it-tnejn. Wara snin twal ta' kefrija fuq l-Indjani/Amerikani fuq il-liżar il-kbir, il-kuxjenza qed issa tniggeż lil dawk li serqulhom it-territorju tagħhom.

10. The Shape of Water. Fantasija ħelwa u pjaċevoli dwar mara li tnaddaf f'faċilità militari sigrieta fis-snin sittin u li tifforma relazzjoni intima u unika ma' kreatura li tgħix kemm fuq l-art u kemm fl-ilma li tinsab maqbuda u msakkra hemm ġew.

Oħrajn:

11. Widows

12. Incredibles 2

13. Spectre

14. Phantom Thread

15. Jurassic World

16. Bad Times at the El Royale

17. American Animals

18. The Happy Prince

19. Black Panther

20. Mortal Engines

More in Divertiment