Tliet films ġodda għal din il-ġimgħa
Hellboy, Dragged Across Concrete u Wonder Park minn din il-ġimgħa fiċ-ċinema
Hellboy
Atturi Ewlenin: David Harbour; Milla Jovovich; Ian McShane; Sasha Lane; Penelope Mitchell; Sophie Okonedo.
Direttur: Neil Marshall.
Maħruġ minn KRS Releasing.
Tul: 120 min.
Ċert. 15
Supereroj ieħor, Hellboy , din id-darba mis-sensiela ta' kotba Dark Horse Comics qed jerġa' jagħmel id-dehra tiegħu fuq il-liżar il-kbir. Ta' min jgħid li din il-produzzjoni ġdida hija reboot ta' serje ta' films li bdew mill-2004. Dan it-tielet proġett huwa ispirat mill-kotba komics Darkness Falls, The Wild Hunt u The Storm And The Fury. Dan is-supereroj (Harbour) nofsu demonju, li kien qata' l-qrun ta' fuq moħħu, qed jaħdem mal-organizzazzjoni BPRD (Bureau for the Paranormal Research and Defence). Diversi drabi kien mitlub jagħmel xogħol ta' fejda f'postijiet madwar id-dinja. Issa, is-sejħa hija li jmur l-Ingliterra u jikkumbatti tliet ġganti li qed jagħmlu massakru mill-umani. Mhux dan biss, għax ukoll ikollu jeħodha ma' Nimue (Jovovich), imlaqqma The Blood Queen, saħħara antika kattiva li reġgħu rxuxtawha l-ġganti, issa fornuta b'saqajn u idejn ġodda u li hi għatxana sewwa li tpattiha lil dawk li ttradewha żmien twil ilu. Tgħin lil Hellboy fix-xogħol skabruż tiegħu nsibu lil Alice Monoghan (Lane), mara ta' dixxendenza Irlandiża li kapaċi twettaq xi abbilitajiet soprannaturali. Din il-ġlieda qalila ma' saħħara omm tal-mostri, li trid teqred l-umanità ġġib lil Hellboy fi kunflitt bejn dak reali u dak sopranaturali, bl-eroj tagħna attent kif jista' jsalva lid-dinja. Kien maħsub li dan ix-xogħol ikun s-sequel tal-film Hellboy: The Golden Army (2008), iżda billi kemm l-attur prinċipali u kemm il-produttur irrifjutaw, id-direttur Neil Marshall iddeċieda li jagħtih trattament spettakulari u furjuż li iżjed jgħodd għall-adulti. Fuq kollox, kif ippreżentat hawn Hellboy huwa karattru b'ħafna difetti fuqu u spiss b'nuqqas ta' serjetà meħtieġa.
Dragged Across Concrete
Atturi Ewlenin: Mel Gibson; Vince Vaughn; Tory Kittles; Jennifer Carpenter; Michael Jai White; Don Johnson.
Direttur: S. Craig Zahler.
Maħruġ minn KRS Releasing.
Tul: 158 min.
Ċert. 18
Dragged Across Concrete, hu thriller splussiv dwar il-kriminalità li jieħu ħafna ħin biex jiżvolġi. Dan hu film b'xi sekwenzi ta' vjolenza qawwija, b'ħafna djagolar u anki set-pieces impressjonanti fejn id-direttur S.Craig Zahler ried forsi jimita jew jissupera s-serqa spettakulari ta' Michael Mann f' Heat (1995). Bħas-soltu, hawn għandna animosita' kbira bejn il-pulizija u l-ħallelin/kriminali fejn wieħed ma jistax jagħżel it-tajjeb mill-ħażin. L-istorja tiżvolġi dwar żewġ ditektivs li wara li jagħmlu arrest b'mod vjolenti u brutali jsibu ruħhom imkeċċija mill-korp tal-pulizija. Issa, mingħajr flus, b'rabja kbira fuqhom għal dan it-trattament li ħadu, bil-paċenzja kollha jibdew isusu wara gang ta' ħallelin biex jiżvogaw fuqhom. Dragged Across Concrete jippreżentalna karattri kkomplikati fejn dawk li suppost iħarsu l-liġi, wara li jkunu skartati, jibdlu l-kodiċi morali u jaġixxu skont iċ-ċirkostanzi tal-mument. Fil-bidu nieħdu idea li Brett Ridgemont (Gibson) u Anthony Lurasetti (Vaughn) huma żewġ membri tal-pulizija tassew iddedikati u akkaniti fuq xogħolhom, minkejja d-difetti li għandhom, imma talli użaw forza eċċessiva ħadu kastig kbir li ma kienx jixirqilhom. Meta jsibu ruħhom f'pożizzjoni prekarja huma jridu bilfors jaraw kif se jirrimedjaw. L-aħħar siegħa ta' dan il-film tassew tispikka, meta wara serqa ż-żewġ ditektivs b'furja qawwija u bla waqfien isuqu wara l-ħallelin fejn din l-affari tispiċċa b'mod twil elaborat ta' vendetta spjetata. Għalkemm din il-produzzjoni tqarreb it-tliet sigħat neqsin kwart xorta tibbrilla b'ċerti mumenti ta' tensjoni palpabbli u mumenti oħra mħarrkin sewwa.
Wonder Park
Vuċijiet Ewlenin: Brianna Denski; Jennifer Garner; Mila Kunis; Norbert Leo Butz; John Oliver; Ken Jeong.
Direttur: Dylan Brown.
Maħruġ minn KRS Releasing.
Tul: 85 min.
Ċert. U
L-ewwel ħaġa li tolqot l-għajn fil-film animat Wonder Park hija l-kalejdoskopju ta' karattri kkuluriti li tassew ipaxxi l-menti. Din il-produzzjoni tippreżenta avventura pjaċevoli f'post ta' divertiment, bi triqat mimlija tfal u nies ferħanin u attrazzjonijiet spettakulari li jisfidaw il-gravità. Jane (vuċi ta' Denski), tifla ta' 8 snin b'ħila kbira biex tiddisinja u b'kapaċità fl-inġinerija, tibni park ta' divertiment li tiskopri li sar reali. Flimkien ma' ommha (Garner) u fil-kamra tas-sodda tagħha kkreajaw Wonderland, post li jgħammex l-għajnejn bis-sbuħija tiegħu. Xadin fuq tiegħu, jismu Peanut (Butz) imexxi kollox flimkien ma' xi annimali bbalzmati. Meta ommha timrad serjament u titlaq mid-dar, din it-tifla tabbanduna kollox, wara diversi snin jaħdmu flimkien. Waqt mixja fil-foresta, tasal f'post imsaħħar, bla siġar, fejn din il-kreazzjoni tagħha tieħu l-ħajja b'mod elaborat quddiem għajnejha. Iżda sħaba ta' kulur vjola skur tinżel fuq din l-attrazzjoni li tkun attakkata minn ċorma kbira ta' xadini żbukkati li jagħmlu ħerba ma' kullimkien. Biex isalvaw Wonderland Jane, flimkien mal-annimali sħabha tmur tfittex lil Peanut li ġie maħtuf u tipprova tiskopri l-misteru ta' din is-sħaba. Wonder Park, avventura gwappa msahhħħra li żgur se ġġennen liż-żgħar tiċċelebra l-qawwa ta' familja unita, l-bżonn li kulħadd jaħdem bħala tim u li wieħed jemmen fih inniffsu u li kapaċi jagħmel affarijiet tajbin u utli.