X'films ġodda qed jintwerew minn din il-ġimgħa?

DOWNTON ABBEY u HUSTLERS minn din il-ġimgħa fiċ-ċinema

DOWNTON ABBEY

Atturi Ewlenin: Hugh Bonneville; Michelle Dockery; Jim Carter; Maggie Smith; Penelope Wilton; Raquel Cassidy; Elizabeth McGovern.

Direttur: Michael Engler.

Maħruġ minn KRS Releasing. Tul: 122 min

Downton Abbey hija serje Brittanika drammatika u storika ambjentata fis-snin tal-bidu tas-seklu għoxrin li bdiet tintwera fuq it-TV fl-2010. Id-dar grandjuza u statali, post fittizju allokat fil-kampanja ta' Yorkshire bejn is-snin 1912 u 1926 turi l-ħajja tal-familja aristokratika Crawley u tas-sefturi domestiċi tagħhom fit-terran t'isfel u kif avvenimenti memorabbli tal-istorja laqtuhom. Billi din is-serje li damet tintwera diversi snin irċeviet akklamazzjoni sħiħa mill-kritiċi u rebħet diversi unuri, it-triq twittiet biex jinħadem ukoll film. Miktub mill-istess Julian Fellows, il-ġenju u l-moħħ wara s-serje televiżiva, Downton Abbey il-film, jiżvolġi bħala kontinwazzjoni ta' din is-sensiela. Din il-produzzjoni tiftaħ billi turi l-ħajja mgħaġġla kollha attività mħarrka, fis-sular ta' fuq fejn tgħix il-familja sinjura Crawley u isfel fejn is-sefturi qed jippreparaw bis-sħiħ għall-avveniment importanti u l-koki fil-kċina kollha ħerqana jsajru, minħabba l-wasla iminenti tar-Re George V u r-Regina Mary f'din id-dar illustri. Lady Mary (Dockery), issa l-kap ta' Downton Abbey, se tiffaċċja l-akbar sfida tagħha u trid tlaħħaq mal-mistednin distinti u oħrajn fit-terran t'isfel. Xejn mhu se jimxi ward u żahar, hekk kif wieħed Repubblikan Irlandiż iqajjem konfuzjoni mas-sefturi u l-koki li kważi jirribellaw, waqt li hu stess deċiż li jwettaq att malinn. Mary jkollha titlob l-għajnuna ta' Charles Carson (Carter), issa rtirat, biex jerġa' jissorvelja s-sular ta' taħt, waqt li Thomas (Rob-James Collier), li suppost xogħlu hu dan, iħossu urtat. L-aristokratiċi aħwa Violet (Smith) u Lady Cora Crawley (McGovern) ikollhom ukoll xi sigrieti li lesti jikxfuhom meta r-Re jagħmel ġest li ma jogħġobhomx. Hawn trid tkun Mary li tieħu deċiżjonijiet favorevoli għaliha, għall-familja tagħha u għall-isem sabiħ tad-dar. L-iskop ewlieni ta' Downton Abbey hu li juri epoka meta l-Imperu Brittaniku kien għadu fl-aqwa tiegħu, minkejja li n-niżla bdiet tinħass. Ħafna mill-atturi tas-serje oriġinali jerġgħu jirrepetu l-parti tagħhom fil-film u jagħtu bilanċ sod lil dan id-dramm ta' atmosfera eskwiżita li tagħti ħarsa realistika ta' ħajja mill-ifjen, pjuttost spettakulari. Żgur li wieħed jiftakar f'The Remains Of The Day (1993) u Gosford Park (2001) meta jara dan ix-xogħol.

HUSTLERS

Atturi Ewlenin: Constane Wu; Jennifer Lopez; Julia Stiles; Keke Palmer; Cardi B.; Mercedes Ruehl.

Direttrici: Lorene Scarafia.

Maħruġ minn KRS Releasing. Tul: 110 min. Ċert. 15.

The Hustle, li ntwera fostna ftit xhur ilu, kien dwar żewġ nisa li jisolħu lill-irġiel sinjuri fir-Riviera Franċiża. Hustlers, ibbażat fuq avvenimenti li ġraw veru, hi kummiedja drammatika b'vena emozzjonanti li jirrakkonta xi ħaġa simili però b'għan tassew divers. Din il-produzzjoni hi bbażata fuq artiklu li deher fl-2015 fil-New York Magazine, The Hustlers At Scores ta' Jessica Pressler. Il-protagonisti huma erba' nisa li jaħdmu bħala strippers u hekk imsejħa pole-dancers li, wara li jkunu sfruttati sewwa, jingħaqdu flimkien biex jisolħu bil-kbir negozjanti sinjuruni ta' Wall Street u klijenti oħra tat-tajjeb. Dorothy, magħrufa bħala Destiny (Wu) fl-2007 qed issibha diffiċli biex tkampa finanzjarjament għaliha, għal bintha u nannitha. Il-flus li taqla' meta tiżfen u ddur mal-arblu jitnaqqew sewwa meta kemm il-maniġer tal-post, id-DJ u dak tal-bar ikunu jridu parti minnhom. Però, ħajjitha titbiddel għall-aħjar meta tiltaqa' ma' Ramona Vega (Lopez), veterana ta' dan ix-xogħol, l-aktar li taqla' flus u taf kif tfendi għal rasha, b'ċorma ta' klijenti li jfittxuha. Malajr isiru ħbieb intimi u tgħallem lil Destiny mossi aktar sexy madwar l-arblu. Destiny tkun konxja li hi ġejja minn familja ta' mezzi limitati. Permezz ta' Ramona li taf min huma l-klijenti tat-tajjeb li jiffrekwentaw in-night club, jibdew jagħtu pjaċir lil dawn u fl-istess ħin idaħħlu flus bir-radam sakemm f'Settembru tal-2008 tasal il-kriżi finanzjarja. Billi Wall Street ma ġiex affettwat ħafna, flimkien ma' żewġ żeffiena oħra, Mercedes (Palmer) tant enerġetika u ż-żgħira u innoċenti Annabelle (Reinhart), Destiny u Ramona jħejju pjan kif iħalltu l-cocktails bid-drogi biex jistordu lill-klijenti u jżarmawlhom il-credit cards. Din il-ħaġa li tirranka bil-kbir tispiċċa mingħajr kontroll. Hustlers juri kif nisa ta' stoffa jkunu kapaċi jegħlbu l-intoppi li jħabbtu wiċċhom magħhom, anzi jużaw mezzi kif jiggwadanjaw minnhom. Bħala film dwar ħbiberija ġenwina femminili, Hustlers jeċċella wkoll. Minkejja tema pjuttost skabruża, il-protagonisti żeffiena nisa tassew iqaxxru l-parti tagħhom u Jennifer Lopez għalkemm fl-età ħafna akbar minnhom, tidher verament attraenti barra li naħseb tat l-aqwa interpretazzjoni tal-karriera tagħha.

More in Divertiment