Ħames Minuti ma' Rita Camilleri
Rita Camilleri - omm, mara tad-dar u ħaddiema b’passjoni kbira għall-palk. Hi persuna b’karattru ferrieħi li jaf ukoll jidħol fis-skiet u s-silenzju f’dawk il-mumenti ta’ dieqa jew niket. Imwielda taħt l-istilla Akwarjus, għamlet żmien tirrakkonta l-oroskopju taħt l-isem ta’ Madam Von Berqa.
Int twelidt fis-sittinijiet hux hekk?
Iva, jien twelidt fis-17 ta’ Frar u dejjem nisma’ lill-ommi tgħid li jien twelidt ġimgħa wara ċ-ċentinarju ta’ San Pawl! Jien il-kbira fost ħamsa, qegħdin żewġt ibniet u tliet subien. Imma jien ta’ ħdax-il xahar mort noqgħod m’oħt ommi sakemm ommi kellha lill-oħti u bqajt hemm.
Kif tiddeskrivi tfulitek?
Ferħana u mimlija mħabba mingħand kulħadd! Peress li jien trabbejt maz-zijiet li ma kellhomx tfal kont imfissda u konna noqogħdu ħdejn in-nanna u kien għad hemm ħafna miz-zijiet għadhom id-dar allura daqqa mmur x’imkien ma’ wieħed u daqqa mal-oħra – dejjem niġri ma’ xi ħadd minnhom, u anki l-ġirien kienu jfissduni ħafna.
Qatt ma ċċaqlaqt minn tas-Sliema…
L-aktar ’il bogħod li mort, is-Swieqi, u malajr ġejt lura tas-Sliema imma... Meta żżewwiġt morna San Ġiljan imbagħad morna s-Swieqi, imma tas-Sliema dejjem baqgħet f’qalbi u konna xxurtjati li sibna dar f’tas-Sliema, mhux in-naħa ta’ fejn trabbejt għax meta kont żgħira (ilu ħafna) kont noqgħod in-naħa tax-xatt.
X’ħajrek għall-palk?
Kien Father H Born. Niftakar kelli xi erba’ snin, u kellhom bżonn tifla żgħira biex tkun mitluqa fuq is-sodda fl-aħħar xena, jekk m’iniex sejra żball kelli mmut! U Fr Born staqsa liz-zijiet biex ngħamilha jien, u biex għidt iva kienu xtrawli ġelat! Li niftakar żgur li kont qiegħda fuq dan is-sufan u t-tabib qed jinvistani u hekk kif qallhom li jien mejta u kienet se tingħalaq il-purtiera jien qomt niġri għax kelli bżonn immur it-toilet! U hekk bdiet l-imħabba lejn il-palk.
Liema kienu l-aktar karattri diffiċli li interpretajt?
Naħseb kien ta’ Kate Keller f’All My Sons ta’ Arthur Miller. Il-karattru kien kompless ħafna, min jaf il-kitbiet ta’ Arthur Miller jaf kemm huma komplessi l-karattri tiegħu.
Ħdimt ma’ diversi atturi magħrufa, hemm xi ħadd minnhom li jispikka iżjed minn oħrajn u għaliex?
Din diffiċli għax għalija kollha jispikkaw imma naħseb l-aktar kien il-mibki Lino Grech. Lino kien jinbidel quddiem għajnejk. Tgħallimt ħafna wkoll mingħand Mario Micallef. Kelli x-xorti li nirreċta ma’ Mario u niġi diretta minnu f’Novembru li għadda meta għamilna “Meta Morna tal-Mellieħa” fit-Teatru Manoel f’għeluq l-għoxrin sena mill-mewt ta’ Francis Ebejer.
Apparti palk, ħdimt anke films hux hekk?
Iva bħala film kont ħdimt “Sandra” ma’ Elio Lombardi u milli jidher għadu popolari sal-lum avolja nħadem xi 24 sena ilu. Kelli x-xorti wkoll nieħu sehem f’diversi serje televiżivi. L-ewwel wieħed tiegħi kien ma’ Eileen Montesin fis-serje “Undercover” u niftakar li kont ninħasad meta kienu jsellmuli ħafna nies li jien ma kontx naf, imbagħad fl-aħħar bdejt nintebah li dawn għax jarawni fuq it-televixin!
Qatt kellek xi mument ta’ blackout u nsejt il-kliem li kellek tgħid?
Le! Allaħares, imma nsomma issa qed nikber fl-età jiġifieri nistenniha xi ħaġa hekk! Dik hija l-aktar ħaġa tal-biża’ għal kull attur, dik insejħula “dry”. Trid tipprova timprovizza – tivvinta xi ħaġa biex timla u fil-verità, dak il-ħin, ftit sekondi jinħassu ħafna.
X’inhu dak li jgħamlek kuntenta fil-ħajja?
Il-palk! Ovvja! U l-familja speċjalment meta niltaqgħu l-aħwa kollha bin-nisa u l-irġiel u n-neputijiet u nagħmlu storbju sħiħ. Peress li jien ma trabbejtx ma’ ħuti, avolja meta kont żgħira fil-weekends kont immur għand il-ġenituri tiegħi, inħoss ħafna n-nuqqas tagħhom, tlift ħafna mill-praspar tagħhom, allura meta nagħmlu xi picnic jew BBQ jew fl-ikla tal-Milied inkun fil-ġenna tal-art.
Tħobb is-sajf u l-baħar…
Ħafna, issa daqt nibdew bin-nofstanhari u nofs siegħa wara li nispiċċa nkun ġa qiegħda fuq il-blat ta’ Exiles! Jien dejjem trabbejt fejn il-baħar u niftakar meta konna żgħar filgħodu konna ngħumu ‘it-taraġ it-twil’ jew ‘il-galletta’, min hu midħla tax-xatt jaf x’jiena ngħid!
Il-qawl Malti favorit tiegħek?
Rajt ma rajtx, smajt ma smajtx – dak qawl hux? Nifakar iz-ziju li rabbieni dejjem kien jikkoreġini bil-qwiel, daqqa bil-Malti u daqqa bl-Ingliż. Il-flus għandhom il-ġwienaħ huwa qawl ieħor favorit tiegħi għax għandu jkun il-flus vera għandhom il-ġwienaħ!