Owen Bonnici | Il-ġid ta’ pajjiżna fuq quddiem
L-istorja se tiġġudikana, uliedna se jiġġudikawna
Ħadd ma jista’ jiċħad li pajjiżna bħalissa għaddej minn mument delikat. Mument li jitlob riflessjoni. Huwa mument li jitlob kalma u kawtela. F’dak li jingħad, fl-azzjonijiet ta’ kull wieħed u waħda minna bħala poplu.
Inħares ukoll lejna bħala Membri Parlamentari. L-ewwel dmir ta’ kull wieħed minna huwa lejn pajjiżna.Jista’ jkun li ma naqblux fuq ħafna affarijiet imma fuq l-għan li jitmexa ’l quddiem l-interess tal-pajjiż, ukoll b’modi differenti, bilfors irid ikun hemm qbil. Allaħares le u ma rridx nemmen li le.
Huwa mument li ta’ warajna se jħarsu lejh b’għajnejn ta’ min irid jiżen u jiġġudika jekk mexxejniex bil-mod kif pajjiżna jistenna minn għandna. L-istorja se tiġġudikana, uliedna se jiġġudikawna, u għalhekk għandna responsabbilità enormi fuq spallejna.
Dan il-pajjiż irid jitmexxa skont il-liġi u skont il-Kostituzzjoni li hija l-ogħla liġi u li fiha nsibu wkoll id-drittijiet fundamentali tal-bniedem.
Prinċipju fundamentali tal-Kostituzzjoni huwas-saltna tad-dritt jew ‘l-Istat tad-Dritt’.Ir-Rule of Law nafu x’inhi. Hijal-oppost tar-Rule of the Mob jew the Rule of the Mighty.
Ir-Rule of Law, il-prinċipju li l-liġi finalment qiegħda hemm għal kulħadd, hijas-sisien tal-eżistenza tagħna bħala pajjiżu nazzjon sovran.
***
Kieku sentejn ilu, meta twettaq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, konna għidna lill-poplu li f’inqas minn sentejn kien se jitressaq il-Qorti mhux biss min allegatament qatel, imma wkoll min allegatament kien il-moħħ wara l-qtil, probabbilment ħafna ma kienx ikollhom il-fiduċja li kien se jsir hekk.
Imma meta llum qed naraw fejn wasalna, qed naraw kif fil-fatt l-istituzzjonijiet ħadmu.
Qed nikteb hekk, għaliex il-Gvern ta’ Malta u Malta ġiet ikkritikata ħafna matul dawn l-aħħar sentejn għax ġie allegat li f’Malta m’hawnx ‘Rule of Law’.
Anki Membri Parlamentari, li messhom jafu aħjar, irrepetew kemm-il darba li f’Malta r-Rule of Law kienet teżisti - imma m’għadhiex.
Huwa mument li ta’ warajna se jħarsu lejh b’għajnejn ta’ min irid jiżen u jiġġudika jekk mexxejniex bil-mod kif pajjiżna jistenna minn għandna. L-istorja se tiġġudikana, uliedna se jiġġudikawna, u għalhekk għandna responsabbilità enormi fuq spallejna
Qaluli l-istituzzjonijiet tal-pajjiż ma jaħdmux, li ma jridu jagħmlu xejn, li huma maħtufin, li għandhom sarima ma’ ħalqhom, li huma maħtufa u minn kollox.
Imma kif qed ngħid, l-istituzzjonijiet taw risposta. Fi żmien inqas minn 50 jum mindu seħħ il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia saru investigazzjonijiet kumplessi li qatt ma saru bħalhom qabel u dawn wasslu biex tressqu quddiem il-Qorti tliet persuni, li llum huma taħt att t’akkuża, bl-akkuża li huma l-eżekuturi tar-reat.
Imma anki hawn, beda jqum sentiment minn diversi bnadi li dawn it-tliet persuni huma (fl-aħjar ipotesi) biss l-eżekuturi materjali tar-reat u li l-moħħ wara r-reat ma kienx inqabad u ma kien qed isir xejn biex jinqabad. Oħrajn marru aktaru allegaw li ma kien qed isir xejn biex jinqabad.
Issa niftakru wkoll li dwar din ġew Malta numru ta’ delegazzjonijiet minn ħafna istituzzjonijiet Ewropej u lilna stednuna wkoll f’laqgħat tagħhom barra biex huma, flimkien ma’ Membri Parlamentari u persuni oħra Maltin,jibqgħu jsostnu fuq dan il-punt. Id-diskors ittieħed ukoll fl-assolutiżmu u beda jingħad li l-Gvern ma jrid jagħmel xejn ħlief jostor il-verità u li l-istituzzjonijiet tal-pajjiż ma jaħdmux.
Aħna dejjem sostnejna li Malta mhija xejn inqas minn pajjiżi oħra Ewropej għal dak li għandha x’taqsam id-demokrazija u anke s-separazzjoni tal-Poteri u l-Indipendenza tal-istituzzjonijiet. Wara kollox,meta dħalna fl-Unjoni Ewropea dħalna b’liġijiet, jekk xejn inferjuri milli għandna llum f’dan is-sens u minn illum qiegħed fl-Oppożizzjoni jikkritikahom, dakinhar kien fuq il-mejda jiddefendihom u jgħid kemm huma tajbin.
Anke jekk wieħed jara l-opinjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezja, wieħed isib ħafna suġġerimenti tajbin,però huma suġġerimenti għal titjib u mhux kitba mill-ġdid tas-sistemi tagħna. Imkien ma qalu li f’Malta l-istituzzjonijiet huma fil-periklu jew li f’pajjiżna m’hawnx Saltna tad-Dritt.
Qed ngħid hekk għax illum għandna sitwazzjoni fejn uħud qed jagħtu stampa ta’ Malta li mhijiex reali. Qed jgħidu li hawnhekk xejn ma jaħdem
Minflok, qalu li wara 55 sena ta’ Kostituzzjoni li fihom saru wkoll diversi emendi għall-aħjar, hemm lok għal ċertu tibdil ulterjuri li jrid isir wara konsultazzjonijiet u mingħajr skossi. M’għandniex xi ngħidu, uħud minn dawk fl-Oppożizzjoni li l-aktar li qed jgħajtu fuq nuqqas ta’ Saltna tad-Drittma kellhom ebda kriżi ta’ kuxjenza jħaddmu l-istess sistemi li llum qed jikkritikaw b’tant saħħa, anke jekk uħud minnhom kienu inferjuri għal dawk li hemm illum wara bidliet importanti - u minn dawn iridu jsiru aktar – li vvotaw favur tagħhom anke dawn l-istess membri.
Qed ngħid hekk għax illum għandna sitwazzjoni fejn uħud qed jagħtu stampa ta’ Malta li mhijiex reali. Qed jgħidu li hawnhekk xejn ma jaħdem.
Il-progress fl-investigazzjoni tal-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia jmeri bil-fatti din l-istampa li qiegħda titpinġa tal-pajjiż.
Kulħadd jaf li l-investigazzjonijiet jieħdu ż-żmien u jridu jgħaddu minn proċess delikat li ħafna drabi jinħtieġ il-kunfidenzjalità.
Dan ma jfissirx li ma jkun qed isir xejn u fil-fatt ir-riżultati u l-fatti wrew li kien qed isir.
Kif kelli diġà l-okkażjoni ngħid, huwa fatt sinifikanti li l-iskopertaf’din l-investigazzjoni seħħ permezz ta’ pass kuraġġuż ta’ min irid li l-veritàtirrenja - mill-Prim Ministru u għalhekkid-disponibbilità biex tiġi offruta maħfra kkondizzjonata (li sussegwentament ingħatat) lil persuna li setgħet twassal għall-mandant tad-delitt.
Ironikament dan il-pass kuraġġuż ta’ min irid il-verità tirrenja ġie interpretat bħala ndħil minn xi wħud u dawn bdew isostnu u jgħidu lill-barranin li l-Prim Ministru qed jindaħal fl-investigazzjonijiet. Tajjeb li ngħid ukoll li din is-sistema tal-Proklama mkien ma ġiet ikkritikata mill-Kummissjoni Venezja.
Attakkaw ukoll l-istqarrijiet li kien qed jagħmel il-Prim Ministru dwar il-progress ġenerali tal-investigazzjoni wara li ġiet offruta l-maħfra.
U jien ngħid, jekk il-Prim Ministru ħareġ għonqu f’din l-investigazzjoni biex offra maħfra ħalli toħroġil-verità, allura l-Prim Ministru bilfors irid ukoll jagħti rendikont ta’ għemilu u jinforma lill-pubbliku dwar dak li seħħ wara u bħala riżultat ta’ dak l-għemil.
Konvint li kull min huwata’rieda tajba huwa grat lejn min qed jaħdem – hu fejn hu fuq l-ispektru politiku,biex il-verità kollha toħroġ.
Kif bdejt fil-bidu - nappella wkoll biex kulħadd iġib ruħu b‘kawtela u b’rispett lejn xulxin. Min iħoss li għandu jipprotesta, jekk jemmen hekk, għandu d-dmir u wkoll id-dritt li jagħel dan. Imma ħadd m’għandu jaqbeżqatt il-limitu li jifred il-protesta mill-użu tal-forza.
Għalhekk l-appell biex naffrontaw is-sitwazzjoni bir-reqqa u bil-kalma u fuq kollox fir-rispett lejn id-drittijiet ta’ kulħadd.
Jien nemmen li l-fatti qed juruli l-istituzzjonijiet f’pajjiżna qed jaħdmu u li l-Prim Ministru qiegħed jagħmel dak kollu fil-poter tiegħu biex dan il-każjiġi solvut – kif fuq kollox qal sa mill-bidu nett.
Owen Bonnici huwa l-Ministru tal-Ġustizzja, Kultura, u Gvern Lokali