Owen Bonnici | Inizjattivi pożittivi

Owen Bonnici jikteb dwar il-laqgħa li jkellu ma' Rebecca Caruana li qed tikteb ebook bl-isem: COVID-19, The Reason Why the Earth Stood Still

Rebecca Caruana fil-laqgħa ma' Bonnici
Rebecca Caruana fil-laqgħa ma' Bonnici

Kemm nieħu gost meta nara studenti jieħdu inizjattivi u jtellqu ‘l quddiem proġetti verament interessanti. Li wieħed jieħu inizjattiva hija ħila ta’ min jinkoraġġiha.

Bħala Ministru responsabbli mill-Edukazzjoni, niltaqa’ ma ħafna eżempji ta’ studenti li jniedu proġetti li jkunu ‘l hinn mill-istudji u l-kurrikulu tagħhom. U din hija xi ħaġa ta’ min ifaħħarha.

Il-ġimgħa l-oħra iltqajt ma’ Rebecca Caruana, studenta tat-tieni sena tal-mediċina fl-Università ta’ Malta, li qed tikteb e-book dwar il-imxija tal-virus li ddomina ħajjitna f’dawn l-aħħar ġimgħat: 'COVID-19, The Reason Why the Earth Stood Still'.

Ktieb li fih għaxar kapitli li jitrattaw dwar il-virus u kif jaffettwa saħħet il-bniedem kemm fiżikament kif ukoll mentalment. Huwa inkoraġġanti meta nara studenti jieħdu dan l-interess biex jinħoloq iżjed għarfien fuq diversi suġġetti, f’dan il-kas, fuq il-vajrus.
Aħna bħala Gvern kommessi li nkomplu ntejbu s-sistema edukattiva għall-benefiċċju ta’ uliedna u ulied uliedna. Dan jidher biċ-ċar fil-każ ta’ Rebecca, li kienet f’diskussjonijiet u laqgħat ma’ professuri li jgħixu barra minn Malta biex tinġabar informazzjoni fattwali fuq l-imxija tal-virus kurrenti.

Meta ltqajt magħha biex nara dan il-proġett li ħolqot, Rebecca rrakkontatli li minn dejjem kellha ħolma biex tikteb ktieb. Waqt din il-pandemija kitbet artiklu dwar il-COVID-19 u x’jinvolvi li ġibed l-attenzjoni ta’ Dr Syed Rizvi, tabib li jaħdem New York u li staqsieha għal intervista. Waqt l-intervista qalilha li kien qed jaħdem mal-WHO, CDC u l-Università ta’ Kolombja fi New York biex jippubblika ktieb virtwali dwar il-COVID-19. Jumejn wara l-intervista ltaqat ma’ tim internazzjonali li kelliha taħdem miegħu. It-tim kien magħmul mit-tabib Syed Rizvi minn New York, mid-dentista Pippasha Khan mil-Londra, u mill-“ispeech therapist’ Daniel Hrbolio minn Melborn. Għandna wkoll diversi professjonisti oħra li qed jagħtu l-kontribuzzjoni tagħhom għal dan il-ktieb.

Inizjattiva li minn sempliċiment ħolma, żviluppat f’xi ħaġa konkreta. Filfatt dan l-e-book qed jinkiteb b’kollaborazzjoni mal-Organiżazzjoni Dinjija tas-Saħħa u ċ-Centri għall-Kontroll u l-Prevenzjoni tal-Mard.

Kull inizjattiva hija ta’ min jirrakkomandaha. Hawnhekk niftakar ukoll fil-bidu li faqqgħet din il-pandemija u l-mijiet ta’ studenti ta’ kull età li spiċċaw fi djarhom u utiliżżaw il-ġurnata mhux biss biex ikomplu bl-istudji tagħhom onlajn, imma fil-ħin frank li kellhom ħolqu mijiet ta’ tpinġijiet b’messaġġi ta’ tama u li rajnihom imwaħħlin mat-twieqi u gallerijiet fit-toroq Maltin.

Matul dawn il-ġimgħat rajt inizjattivi ġejjin anki mingħand edukaturi li ħarġu ‘l hinn mit-tagħlim tal-kurrikulu onlajn u b’dedikazzjoni ħolqu diversi affarijiet biex jedukaw lill-istudenti b’mezzi alternattivi.

Jiġuni f’moħħi wkoll żewġ għalliema li minn jeddhom ħolqu paġna fuq fejsbuk Corokwiżż, li permezz tagħha qed joħolqu kwiżis li huma nteressanti ferm għall-istudenti. Bħal dawn hemm diversi eżempji.

Għal darb’oħra nirringrazzja lill-edukaturi li b’imħabba u dedikazzjoni qed jagħtu servizz eċċellenti lill-istudenti uliedna.

+++

Dan il-ħsieb tal-eBook jeħodni wkoll għal inizjattiva li ħadt flimkien mal-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali lejn tmiem Mejju, biex ngħammru d-djar residenzjali tat-tfal b’għażla sabiħa ta’ kotba tal-qari bil-Malti u bl-Ingliż permezz tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu.

Fil-ġimgħat li għaddew b’mod simboliku mort f’żewġt idjar tat-tfal, Dar Santa Tereża mmexxija mis-Sorijiet tal-Qalb ta' Gesu' fiż-Żurrieq u Dar Frate Jacoba ta' Marsaskala li jieħu ħsiebha Patri Raymond.

Dar Santa Tereża hija dar residenzjali għal tfal t'etaijiet zghar u mort biex nagħtihom kotba bil-Malti u Ingliż magħżula b'attenzjoni skont il-gosti tat-tfal stess biex insaħħu l-imħabba lejn il-qari bħala parti mill-iskema "Il-Kotba l-aqwa ħbieb" tal-Agenzija Nazzjonali ghal-Litterizmu.
Ħadt gost niltaqa' mal-anġli li jgħixu fid-dar u s-Sorijiet li jieħdu ħsiebhom, b'mod partikolari Sister Karmelina u Sister Ann u ma' rapprezentanti tal-Fondazzjoni Sebħ.

F’Dar Frate Jacoba sellimt lil Patri Raymond, li f’din id-dar qed iwettaq fil-prattika t-tagħlim Franġiskan li jagħti kenn lil dawk it-tfal u żgħażagħ li m'għandhomx, u li jagħti ħiliet importanti b'tagħlim applikat, dedikat u personaliżżat lil studenti li ħaddieħor kien qata' qalbu minnhom

.Hawhekk ukoll mort biex nagħti kotba bil-Malti u bl-Ingliz lit-tfal u zghazagh residenti f'din id-dar b'qalb kbira.  Aħna se nkomplu għaddejjin inqassmu dawn il-kotba f’aktar djar residenzjali għal tfal u żgħażagħ.

Grazzi lill-istaff kollu ta’ dawn id-djar tal-ħidma eċċellenti u li jagħmlu xogħol imprezzabbli!

+++

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, flimkien mal-Malta Union of Teachers ħabbart it-tnedija ta’ Fondazzjoni Sagħtar, li fiha diversi proġetti fosthom; pubblikazzjonijiet, taħriġ u attivitajiet b’rabta mal-professjoni edukattiva. Il-portal ta’ Fondazzjoni Sagħtar, saghtar.org.mt, diġà rreġistraw fih u bdew jagħmlu użu minnu ’l fuq minn 1,300 persuna.
 
Din il-fondazzjoni se tħares it-tkabbir tal-professjoni tal-edukaturi, it-titjib tal-livell tal-edukazzjoni u fuq kollox is-servizzi lill-istudenti nfushom. L-interess ta’ dan il-Gvern minn dejjem kien li jara x’inhu l-aħjar għall-edukaturi u l-istudenti biex dawn jingħataw l-aħjar opportunitajiet biex itejbu ħilithom u l-kapaċitajiet tagħhom. Nixtieq inħeġġeġ iżjed nies jinteressaw ruħhom u jidħlu f’dan is-sit informattiv li m’għandix dubju li diversi edukaturi u studenti se jsibuh utli.

Nirringrazzja wkoll lill-edukaturi kollha li f'dawn iż-żminijiet bla preċedent li għaddejjin minnhom minħabba l-imxija tal-COVID-19, taw sehem kbir b'dedikazzjoni biex jaraw li l-istudenti jkomplu għaddejjin bit-tagħlim tagħhom b'sistemi onlajn, wara l-waqfa ħesrem tas-sena skolastika minħabba din il-pandemija.

+++

Fi tliet snin, 76% tal-miżuri tal-programm elettorali twettqu fl-intier tagħhom jew jinsabu fi stat avvanzat ta’ twettiq. Fost dawn, komplejna ninvestu wkoll fis-sistema edukattiva u fl-iskejjel.

L-investiment fl-edukazzjoni u l-infrastruttura tagħha ma jaqtax.  Żewġ proġetti li żort dan l-aħħar kienu x-xogħol ta’ restawr u ta’ tisbiħ tal-Iskola tal-Arti li qed isir b’investiment ta’ €5 miljun, u x-xogħol fuq l-iskola primarja ġdida fil-Qawra – proġett b’investiment ta’ €13-il miljun.
Għal uliedna u l-edukazzjoni tagħhom, nibqgħu nagħmlu dak kollu li nistgħu.

More in Politika