Owen Bonnici | Ninvestu fil-ġejjieni ta’ pajjiżna
Kommessi li noħolqu ekosistema robusta ta’ innovazzjoni. Dan hu l-futur ta' pajjiżna
Kien pjaċir tiegħi din il-ġimgħa nżur, flimkien mal-kollega Ministru Justyne Caruana, ix-xogħol li qed isir l-MCAST sabiex anke hemmhekk ikun hemm ħidma tajba favur riċerka bi speċjalizzazzjoni fil-kamp tat-tagħlim vokazzjonali u applikat.
Huwa importanti ħafna li f'pajjiżna jkun hemm diversi ċentri fejn fihom issir ir-riċerka u aħna nissapportjaw bis-sħiħ ix-xogħol tajjeb ħafna li qed isir l-MCAST biex anke hemmhekk issir ir-riċerka, bi speċjalizzazzjoni fuq dik applikata u vokazzjonali. Ħadna gost niltaqgħu ma' gruppi ta' riċerkaturi li kellmuna dwar x'qed jagħmlu biex isaħħu r-riċerka u kemm ir-riċerka żdiedet fl-aħħar ftit snin.
Jien nemmen li mingħajr riċerka, istituzzjoni edukattiva tkun skola tajba, anke eċċellenti, izda mhux iktar. Biex skola titla' skaluna hemmhekk hu krucjali li taghmel ir-riċerka u tgħallem imbagħad ir-riċerka li tkun għamlet hi stess. Kuntent immens li fl-MCAST qed naraw din l-ispinta importanti hafna li minnha se jgawdu l-istudenti, imma anke l-industrija u l-pajjiż. Hu krucjali li meta l-industrija jkollha bżonn riċerka biex issaħħaħ il-prodotti u servizzi tagħha tkun tista' tidhol fi ftehim ma' istituzzjonijiet bħalma huma l-MCAST biex issir din ir-riċerka u, għaliex issir f'kuntest edukattiv, tali riċerka tkun ukoll accessibbli biex wieħed dejjem jibni u jtejjeb fuqha.
Inkun qed nonqos jekk ma nsellimx ir-riċerkaturi bravi li hemm ukoll l-Università ta' Malta u r-Rettur Alfred Vella u l-pro-Rettur responsabbli mir-Riċerka Saviour Zammit li jagħmlu xogħol tajjeb ħafna u li dejjem għamel ġieħ lil pajjiżna. Kburin b'kull wieħed u waħda minnhom u naqbel ħafna mal-bżonn li jkun hemm iktar riċerka u li nagħmlu dak kollu possibbli bhala pajjiż biex ir-riċerka tiżdied.
Fiż-żjara tagħna l-MCAST jiena u l-kollega Ministru Caruana zorna wkoll iċ-Ċentru tar-Riżorsi tal-MCAST li qed jinbena u se jiftaħ il-bibien tiegħu għall-istaff u l-istudenti sas-sena akkademika l-ġdida f’Ottubru.
Dan huwa proġett b’investiment ta’ €32.8 miljun kofinanzjat mill-UE. Huwa parti mill-pjan strateġiku tal-Kulleġġ għall-edukazzjoni vokazzjonali, ir-riċerka u l-faċilitajiet tal-kampus li se jkomplu jistabbilixxu l-Kulleġġ bħala ċentru ta’ eċċellenza. Iċ-ċentru bl-aqwa teknoloġija, li jinkludi librerija ġdida, spazji flessibbli għat-tagħlim u auditorium, ser iżid il-ħidma tal-Kulleġġ fir-riċerka u l-innovazzjoni. Dan huwa investiment f’uliedna u fiż-żgħażagħ tagħna; huwa investiment fil-futur ta’ pajjiżna.
Dan l-investiment se jgħin lill-MCAST ikun minn ta’ quddiem fir-riċerka applikata internazzjonali. Fl-Expo tar-Riċerka u l-Innovazzjoni li sar ix-xahar li għadda, rajna r-riċerka varjata vokazzjonali u applikata fil-Kulleġġ b'aktar minn 90 riċerkatur u professjonisti jaħdmu f’oqsma differenti.
Il-ħolqien ta' ċentru internazzjonali se jgħin lir-riċerkaturi jiżviluppaw soluzzjonijiet għall-sfidi attwali tas-soċjetà u opportunitajiet għall-industrija. L-MCAST se jkompli jiżgura kollaborazzjoni internazzjonali ma' universitajiet, imsieħba fl-industrija u laboratorji ta' riċerka. Aħna bħala Gvern ninsabu kommessi li nkomplu naħdmu biex nibnu ekosistema robusta ta’ innovazzjoni permezz tar-riċerka.
Ser naraw ħolqien ta’ spazji b’tagħlim dinamiku b’ispirazzjoni għall-kollaborazzjoni biex jitkattar u jinħoloq xogħol innovattiv. Din hija opportunità ta’ tagħlim għal kulħadd b’ideat ġodda u innovattivi.
Konferma ta’ dan huwa dak li semma wkoll il-Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST, il-Professur Joachim James Calleja li saħaq li l-Kulleġġ qed jipparteċipa f'19-il proġett internazzjonali b'investiment ta’ aktar minn €2.5 miljun. Faħħar din l-infrastruttura l-ġdida, li qal li permezz tagħha l-MCAST ser ikompli jikber internazzjonalment u jistabbilixxi ruħu bħala ċentru ta’eċċellenza fl-edukazzjoni vokazzjonali u taħriġ. Tajjeb li nsemmi, li l-Prinċipal semma kif dan iċ-ċentru tar-riċerka u l-innovazzjoni huwa uniku fis-sens li l-Kulleġġ jinsab f'pożizzjoni tajba biex jinkoraġġixxi kollaborazzjoni mal-industrija b’ħidma interdixxiplinari. Saħaq ukoll, u nappoġġjah, li s-suċċess tal-Kulleġġ jiġi meta nagħtu aċċess għal oqsma differenti ta' għarfien. Permezz ta’ dan il-proġett, ser titkompla l-kollaborazzjoni lil hinn mill-kampus filwaqt li l-istudenti se jkunu provduti b'opportunitajiet biex jaħdmu ma' min iħaddem.
Sa issa tlesta l-bini taċ-Ċentru tar-Riżorsi waqt li bħalissa għaddej ix-xogħol fuq l-installazzjonijiet mekkaniċi u elettriċi. Hadt gost hafna nisma' kif dan ic-centru se jkun miftuh ghall-pubbliku u b'hekk se naraw familji mill-irhula tal-madwar u anke 'l hinn jattendu fih u jithalltu mal-istudenti, mar-ricerkaturi u l-akkademici. Din hi haga sabiha hafna ghaliex b'hekk se nkunu qed inhajru lit-tfal u zghazagh sa minn eta' zghira li jersqu lejn ir-ricerka.
Wasalna f’punt, li rridu nimirħu lil hinn minn dak li drajna bih sa issa u nibdew ikunu innovattivi fil-ħolqien tal-ideat li minnhom u bihom igawdi l-poplu kollu. Irridu ninvestu iżjed bis-sħiħ fir-riċerka li ssir f’pajjiżna u minn pajjiżna biex mhux biss, nibnu isem ieħor tajjeb għal Malta imma wkoll noħolqu sferi ġodda li jħallu frott. Minnha nfisha, ir-riċerka tiftaħ l-imħuħ u l-possibiltajiet biex naraw orizzonti ġodda. Insemmi eżempju li bħalissa lkoll se nifhmuh; il-vaċċin tal-Covid-19 illi li kieku ma kinitx ir-riċerka, il-vaċċin ma kienx jasal.
Huwa grazzi għall-ħidma tar-riċerkaturi li b’dedikazzjoni jqattgħu ħin twil ta’ riċerka biex joħorġu bl-aħajr soluzzjonijiet fil-mument u li anke jgħinu fuq livell permanenti u fit-tul, sakemm anke riċerki ġodda, ikomplu jibnu fuq dawk li diġà saru.
Ejjew ma nibżgħux mill-bidliet u minn dawn l-ideat innovattivi li jgħinu wkoll lil Malta tkun fuq quddiem nett f’dan is-settur. Jien ninsab fiduċjuż, li bħall-proġett tal-MCAST, se jkollna bosta opportunitajiet oħra tul iż-żmien li ġej biex ir-riċerkaturi tagħna jkollhom l-għodda meħtieġa f’idejhom biex ikomplu jtejbu dak li diġà jagħmlu tajjeb immens.
Kommessi li noħolqu ekosistema robusta ta’ innovazzjoni. Dan hu l-futur ta' pajjiżna.