Saviour Balzan | Il-każ kurjuż tar-riklam ta’ Carmelo Abela
Jekk il-Gvern jieqaf jappoġġja l-istampa f’Malta ikollna kriżi eżistenzjali. Jeħtieġ li jkompli jgħin, jgħidu x’jgħidu dawk li jridu li l-Gvern jagħlaq il-vit
Ejja nitkellmu ċar: Id-deċiżjoni tal-Kummissarju tal-Istandards George Hyzler dwar il-Ministru Carmelo Abela u r-riklam tiegħu, huwa interessanti immens.
Interessanti fis-sens, li din l-istorja tqajjem l-interess morbidu ta’ dawk li jridu jaraw li l-Gvern ma jkomplix jitfa' flus fil-midja tradizzjonali.
Huwa veru li forsi l-Ministru Carmelo Abela seta' għamel riklam ftit differenti - li deher fit-Times u li ċertament ma kellu l-ebda effett fuq l-kostitwenza tiegħu.
Imma George Hyzler, li ma rridux ninsew illi kien Deputat Parlamentati Nazzjonalista fi żmien ieħor u kien jirrapreżenta l-kostitwenza ta’ Ħal-Qormi, jaf li fl-istorja riċenti tar-riklamar politiku minn politiċi fil-Gvern din ta’ Carmelo Abela kienet fost l-inqas każi atroċi u sfaċċati.
Għax idaħħkuni ta’ Repubblika u sħabhom, insew forsi dawk il-mumenti riċenti meta l-Gvernijiet imlew il-gazzetti tagħhom (u ifhmuni) b’riklami li kienu inaċċettabli. Forsi insew - per eżempju - l-orġja ta’ riklami mfassla minn Manuel Delia għall-Ministru Austin Gatt, fi żmien it-tnedija ta’ Smart City – l-ikbar daħka fil-wiċċ ta’ dawn l-aħħar snin!
Ajma, dakinhar niftakru! Għax dakinhar il-gazzetti li kont immexxi kienu bbojkottjati, għax konna xewka għall-Gvern. U forsi aħjar, għoddni niftakar riklami ta’ persuni jidhru f’riklami b’wiċċhom - jiddikjaraw li Smart City ser joffri eluf ta’ impjiegi. Ovjament ħrafa kbira!
Kieku insemmi minn deher f’dawn ir-riklami, tiskantaw. Inkluż numru ta’ ġurnalisti, li alla jbierek jitkażaw b’dak li qed jiġri illum.
Hyzler tal-Istandards irid ikun konxju li bid-deċizjonijiet li jieħu jista' jkollu effett fit-tul mhux biss fuq il-politiċi iżda wkoll fuq il-media in ġenerali.
Għandu jkun hemm linji gwida. Imma li issa nitolbu li jingħataw il-flus lura. Din daqxejn esaġerata!
Jekk hemm gazzetta li ssawwat lill-Gvern, ċertament hija t-Times. Iva t-Times, li alla jbierek, meta ħaddieħor kien minsi u bbokkotjat mill-Gvern ma qalu xejn.
Ir-riklam ta’ Carmelo Abela ma għamilx differenza kif topera t-Times. It-Times biex inkunu fair, baqgħet xewka f’dahar il-Gvern.
Jekk il-Gvern jieqaf jappoġġja l-istampa f’Malta ikollna kriżi eżistenzjali. Jeħtieġ li jkompli jgħin, jgħidu x’jgħidu dawk li jridu li l-Gvern jagħlaq il-vit.
L-azzjonijiet tar-Repubblika huwa dritt sagrosant tagħhom, imma ma nistax ma ngħidx li l-azzjonijiet tagħhom ifakkruni f’meta l-Amerikani kienu jitfgħu n-Napalm ġewwa l-Vjetnam u jaħarqu kollox – foresti, annimali u lil dawk imsejħin Viet Cong; irġiel, nisa u tfal. F’dan il-każ hekk ġara!