Alex Agius Saliba | Ewropa soċjali f'ekonomija li qed tinbidel
'Li jkollna ekonomija vibranti tibqa’ ċentrali għall-prosperità futura tal-Ewropa u sors ewlieni għall-ħolqien ta’ impjiegi ġodda'
Bil-mira li bħala Unjoni Ewropea nkomplu nibnu fuq il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali li nqabel fl-2017, fuq livell Ewropew għaddejja ħidma sabiex issa naraw li jintlaħqu l-prinċipji u d-drittijiet essenzjali għal swieq tax-xogħol u sistemi ta’ protezzjoni soċjali ġusti u li jiffunzjonaw tajjeb. Il-Pilastru Ewropew huwa msejjes fuq tliet miri ewlenin, iffukati fuq opportunitajiet indaqs u aċċess għas-suq tax-xogħol, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, u fuq il-protezzjoni u l-inklużjoni soċjali.
Fil-bidu ta’ din is-sena, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet komunikazzjoni dwar il-mira li jkollna “Ewropa Soċjali b’Saħħitha għal Tranżizzjonijiet Ġusti” li tistabbilixxi l-bażi għall-pjan ta’ azzjoni biex jiġi implimentat dan il-Pilastru Ewropew u aktar tard, ħarġet ukoll il-Pjan ta’ Azzjoni nnifsu, li ser ikun qiegħed jipprovdi gwida utli għall-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea fl-isforzi tagħhom lejn il-kompetittività, it-tkabbir, l-impjiegi, ir-riformi strutturali, l-investimenti produttivi u l-iżgurar tal-benesseri tan-nies. F’dan il-Pjan il-Kummissjoni qed tipproponi tliet miri ewlenin għall-Unjoni Ewropea, li għandhom jintlaħqu sal-2030, dwar l-impjiegi, il-ħiliet u l-protezzjoni soċjali, f’konformità mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, iġifieri li mill-inqas 78% tal-persuni ta’ bejn l-20 u l-64 sena għandhom ikunu impjegati; li mill-inqas 60% tal-adulti kollha għandhom jipparteċipaw fit-taħriġ kull sena; u li l-għadd ta’ persuni fir-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali għandu jitnaqqas b’mill-inqas 15-il miljun.
Dawn il-miri huma importanti biex tiġi stabbilita ambizzjoni komuni għal Ewropa Soċjali b’saħħitha u li permezz tagħhom, il-Kummissjoni Ewropea ser tkun tista’ żżomm ħarsitha fuq il-progress biex il-prinċipji tal-Pilastru jinbidlu f’azzjoni. Flimkien mal-għanijiet politiċi tal-Unjoni għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, il-miri soċjali se jgħinu biex l-isforzi ta’ politika jiġu ffukati fuq il-kisba tar-riżultati u joffru inċentiv għal riformi u investimenti mmirati fl-Istati Membri. Dan il-Pjan u l-miri msemmija ġew ukoll approvati mill-mexxejja Ewropej fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f’Ġunju li għadda, u issa l-pass li jmiss huwa li kull Stat Membru jistabbilixxi l-miri nazzjonali biex jikkontribwixxu għal dan l-isforz kollettiv.
Minkejja li issa għandna dan il-pjan jibqa’ importanti u għandu jiġi enfasizzat il-punt li ma hemm l-ebda dimensjoni soċjali mingħajr pedament ekonomiku sod. Element importanti ieħor huwa li l-Pilastru jinkludi prinċipji, li għandhom jiġu segwiti primarjament permezz ta’ azzjonijiet flessibbli, ibbażati fuq djalogu soċjali kostruttiv u li jieħu kont tal-ambjenti soċjoekonomiċi differenti u d-diversità tas-sistemi nazzjonali, inkluż ir-rwol u l-awtonomija tas-sħab soċjali. Huwa minnu li s-sitwazzjoni attwali titlob li s-swieq tax-xogħol fl-Ewropa jkomplu jiġu riformati, iżda dan ma jfissirx li dan jista’ jiġri b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha. Din il-bidla għandha ssir b’modi differenti f’partijiet differenti tal-Unjoni, billi jinbnew fuq il-mudelli differenti tas-suq tax-xogħol tagħhom. F’xi Stati Membri tista’ tkun kwistjoni li jinbidlu l-pagi minimi jew li jinkisbu spejjeż tal-impjieg indiretti aktar baxxi. F’pajjiżi oħra, tista’ tkun kwistjoni li jiġu introdotti forom aktar flessibbli ta’ impjieg jew li jinbidlu s-sistemi tas-sigurtà soċjali biex jiġi stimulat l-impjieg. Għaldaqstant nemmen li għandha tingħata preferenza lil strumenti legali li jżommu l-possibbiltà li jinħolqu u jintużaw soluzzjonijiet flessibbli u mfassla apposta.
Li jkollna ekonomija vibranti tibqa’ ċentrali għall-prosperità futura tal-Ewropa u sors ewlieni għall-ħolqien ta’ impjiegi ġodda. Il-ħolqien tal-impjiegi, madankollu, ma jsirx permezz ta’ leġiżlazzjoni ġdida jew obbligi oħra li jżidu l-piż fuq il-kumpaniji. Il-kompetittività u produttività ogħla bbażata fuq il-ħiliet u l-għarfien jirrappreżentaw riċetta għaż-żamma tal-benesseri tas-soċjetajiet Ewropej, u huma prekundizzjonijiet għad-dimensjoni soċjali tal-Unjoni. Nemmen li l-iżviluppi fis-suq tax-xogħol għandhom jiġu appoġġjati, mhux irregolati żżejjed jew imfixkla. Jekk l-Ewropa trid tlaħħaq mal-kompetizzjoni globali, id-diġitalizzazzjoni dejjem tikber u mudelli ġodda ta’ negozju, l-innovazzjoni u l-flessibbiltà huma żgur tant meħtieġa f’termini ta’ impjiegi, sigħat tax-xogħol u mobilità tal-forza tax-xogħol. Għaldaqstant, il-passi li jmiss biex niksbu dawn il-miri jridu jkunu meqjusa u maħsuba sabiex filwaqt li noħorġu mill-pandemija, inkomplu nikbru u nagħtu lill-ġenerazzjonijiet futuri tagħna Ewropa aktar soċjali, b’saħħitha u reżiljenti.